Ġenesi 6:1-22

  • It-tfal t’Alla jieħdu nisa għalihom fuq l-art (1-3)

  • Jitwieldu n-Nefilim (4)

  • Il-ħażen tal-bnedmin isewwed qalb Ġeħova (5-8)

  • Noè jingħata l-inkarigu biex jibni arka (9-16)

  • Alla jħabbar li kien ġej id-Dulluvju (17-22)

6  Issa meta l-bnedmin bdew jiżdiedu fuq wiċċ l-art u twildulhom il-bniet,  it-tfal tal-Alla l-veru* bdew jinnotaw li l-bniet tal-bnedmin kienu sbieħ. Allura bdew jieħdu bħala nisa għalihom lil dawk kollha li għoġbuhom.  Imbagħad Ġeħova qal: “L-ispirtu tiegħi mhux se jittollera l-bnedmin għal dejjem, għax huma midinbin.* Għaldaqstant, se jgħixu għal 120 sena oħra.”  Meta Alla qal dan kien hemm in-Nefilim* fuq l-art. Dak iż-żmien, it-tfal tal-Alla l-veru komplew ikollhom x’jaqsmu mal-bniet tal-bnedmin u dawn wildulhom subien. Dawn kienu l-irġiel b’saħħithom u magħrufin taʼ żmien il-qedem.  U Ġeħova ra li l-ħażen tal-bniedem kien kbir fuq l-art, u l-ħsibijiet u x-xewqat taʼ qalbu kienu ħżiena l-ħin kollu.  U Ġeħova ddispjaċieh* li kien għamel il-bnedmin fuq l-art, u sewwed qalbu.*  Għalhekk, Ġeħova qal: “Se neqred minn fuq wiċċ l-art il-bnedmin li ħlaqt, mill-bniedem sal-annimali mansi, sal-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u kull tip t’annimal* ieħor fuq l-art, għaliex jiddispjaċini li għamilthom.”  Imma Noè kien approvat f’għajnejn Ġeħova.  Din hi l-istorja taʼ Noè. Noè kien raġel sewwa. Hu wera li kien bla nuqqas* fost in-nies taʼ żmienu.* Noè mexa mal-Alla l-veru. 10  Maż-żmien, Noè kellu tliet subien, Sem, Ħam, u Ġafet. 11  Imma l-art saret irrovinata f’għajnejn l-Alla l-veru, u kienet mimlija bil-vjolenza. 12  Iva, Alla ħares lejn l-art, u din kienet irrovinata; għaliex il-bnedmin kollha kienu qed jaġixxu ħażin ħafna fuq l-art. 13  Wara dan, Alla qal lil Noè: “Iddeċidejt li neqred il-bnedmin kollha, għaliex l-art hi mimlija vjolenza minħabba fihom, allura se neqridhom flimkien mal-art. 14  Agħmel għalik arka* mill-injam tar-raża. Trid tagħmel kmamar fl-arka u tiksiha bil-qatran* minn ġewwa u minn barra. 15  Hekk għandek tagħmilha: L-arka trid tkun 300 kubitu* twila, 50 kubitu wiesgħa, u 30 kubitu għolja. 16  Fl-arka tagħmel tieqa għad-dawl* kubitu ’l isfel mis-saqaf. L-arka trid tagħmlilha daħla fil-ġenb tagħha, u agħmilha bi tliet sulari: t’isfel, tan-nofs, u taʼ fuq. 17  “U jien se nibgħat ħafna ilmijiet fuq l-art biex neqred minn taħt is-sema kull ħaġa ħajja.* Kulma hemm fuq l-art imut. 18  U jien qed nagħmel patt miegħek, u trid tidħol fl-arka, int, it-tfal tiegħek, martek, u n-nisa tat-tfal tiegħek. 19  U daħħal fl-arka tnejn minn kull tip taʼ ħliqa ħajja sabiex iżżommhom ħajjin miegħek. Raġel u mara 20  mill-ħlejjaq li jtiru skont l-ispeċi tagħhom, mill-annimali mansi skont l-ispeċi tagħhom, u minn kull tip t’annimal* ieħor fuq l-art skont l-ispeċi tiegħu, tnejn minn kull tip jidħlu għandek biex iżżommhom ħajjin. 21  U min-naħa tiegħek, għandek tiġbor u tieħu kull xorta taʼ ikel biex iservi bħala ikel għalik u għall-annimali.” 22  U Noè għamel skont kulma kien ikkmandah Alla. Għamel preċiż hekk.

Noti taʼ taħt

Idjoma bl-Ebrajk li tirreferi għall-anġli.
Jew “għax huma jaġixxu skont il-laħam; jagħmlu d-dnub.”
Jistaʼ jfisser “Dawk li Jwaqqgħu,” jiġifieri dawk li jġiegħlu lil oħrajn jaqgħu. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “tnikket.”
Jew “u ħassu mweġġaʼ f’qalbu.”
Jew “t’annimal li jitkaxkar.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.
Jew “bla ħtija.”
Letteralment “il-ġenerazzjonijiet tiegħu.”
Jiġifieri vapur kbir kwadru. Letteralment “kaxxa.”
Jew “biż-żift.”
Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
Il-kelma bl-Ebrajk hi zoħar. Possibbiltà oħra hi li zoħar tirreferi għal saqaf immejjel b’angolu taʼ kubitu, minflok ftuħ għad-dawl jew tieqa.
Letteralment “il-laħam kollu li għandu l-forza tal-ħajja.”
Jew “t’annimal li jitkaxkar.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.