L-Ewwel Ittra lill-Korintin 10:1-33

  • Eżempji taʼ twissija mill-istorja t’Iżrael (1-13)

  • Twissija kontra l-idolatrija (14-22)

    • Il-mejda taʼ Ġeħova u l-mejda tad-demonji (21)

  • Id-dritt li tagħmel xi ħaġa; agħti kas lil oħrajn (23-33)

    • ‘Agħmlu kollox biex tfaħħru lil Alla’ (31)

10  Ħuti, irridkom tkunu tafu li missirijietna kollha kienu taħt is-sħaba u kollha għaddew mill-Baħar l-Aħmar.  U huma kollha tgħammdu billi mxew wara Mosè meta kienu taħt is-sħaba u fil-baħar.  Kollha kielu mill-istess ikel spiritwali  u kollha xorbu mill-istess xorb spiritwali. Huma kienu jixorbu mill-blata spiritwali li kienet qisha qed timxi warajhom. Din il-blata kienet tirrappreżenta lill-Kristu.  Imma Alla ma kienx kuntent bil-biċċa l-kbira minnhom, għalhekk qatilhom fid-deżert.  Dak li ġara lilhom hu taʼ tagħlima* għalina. M’għandniex nixxennqu għal affarijiet li jagħmlulna l-ħsara, bħalma għamlu huma.  M’għandniex inqimu lill-idoli, bħalma għamlu xi wħud minnhom. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “In-nies qagħdu bilqiegħda jieklu u jixorbu. U wara qamu jixxalaw.”  M’għandniex nagħmlu l-immoralità sesswali,* bħalma għamlu xi wħud minnhom u spiċċaw mietu 23,000 f’ġurnata.  M’għandniex ngħaddu lil Ġeħova* minn prova, bħalma għamlu xi wħud minnhom, u b’hekk inqatlu mis-sriep. 10  M’għandniex noqogħdu ngergru, bħalma għamlu xi wħud minnhom, u b’hekk inqatlu minn anġlu.* 11  Dawn l-affarijiet ġrawlhom bħala tagħlima għalina. Inkitbu bħala twissija għalina li qed ngħixu fit-tmiem taʼ dan iż-żmien.* 12  Għalhekk, min jaħseb li hu wieqaf għandu joqgħod attent li ma jaqax. 13  Kull tentazzjoni li tiffaċċjaw diġà esperjenzawha oħrajn. Imma Alla hu leali. Hu mhux se jħallikom tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma meta tiġu ttantati, Alla se jsibilkom mod kif tissaportu. 14  Għalhekk għeżież aħwa, oqogħdu ’l bogħod mill-idolatrija. 15  Intom nies raġonevoli. Għalhekk iddeċiedu intom jekk dak li qed ngħid hux eżatt jew le. 16  Mhijiex it-tazza taʼ ringrazzjament li nirringrazzjaw lil Alla għaliha* sehem mid-demm tal-Kristu? Mhijiex il-ħobża li naqsmu sehem mill-ġisem tal-Kristu? 17  Għalkemm qegħdin ħafna, aħna ġisem wieħed, peress li hemm ħobża waħda u lkoll kemm aħna qed nieklu minnha. 18  Aħsbu dwar dak li jagħmlu l-Iżraelin: Meta jieklu mis-sagrifiċċji, ma jkunux huma qed jieħdu sehem minn dak li hu offrut fuq l-artal? 19  Qiegħed jien ngħid li l-idolu jew dak li jiġi ssagrifikat lilu hu xi ħaġa? 20  Le m’iniex. Li rrid ngħid hu li n-nies taʼ popli oħra* jagħmlu sagrifiċċji lid-demonji u mhux lil Alla. U jien ma rridx li jkollkom sehem mad-demonji. 21  Ma tistgħux tixorbu mit-tazza taʼ Ġeħova* u mit-tazza tad-demonji. Ma tistgħux tieklu mill-“mejda taʼ Ġeħova”* u mill-mejda tad-demonji. 22  Jew ‘qed nipprovaw inġiegħlu lil Ġeħova* jgħir’? M’aħniex iktar b’saħħitna minnu, hux hekk? 23  Kollox hu permess, imma mhux kollox hu taʼ benefiċċju. Kollox hu permess, imma mhux kollox jinkuraġġixxi.* 24  Kompli agħmel dak li jaqbel lil ħaddieħor, u mhux biss dak li jaqbel lilek. 25  Kulu kwalunkwe laħam li jinbiegħ fis-suq. Jekk tagħżel li tiekol il-laħam, tistaʼ tagħmel dan b’kuxjenza nadifa, 26  għax l-Iskrittura tgħid: “Id-dinja u kulma hemm fiha huma taʼ Ġeħova.”* 27  Jekk xi ħadd li ma jemminx jistiednek għall-ikel u int tiddeċiedi li tmur, kul kulma jagħtik b’kuxjenza nadifa. Toqgħodx tistaqsi minn fejn ġabu. 28  Imma jekk xi ħadd jgħidilkom li l-laħam ġie offrut bħala sagrifiċċju għal idolu, tikluhx, ħalli ma tfixklux lil dak li qalilkom hekk u ħalli ħadd ma tniggżu l-kuxjenza. 29  Mhux qed nirreferi għall-kuxjenza tagħkom, imma għall-kuxjenza tal-persuna l-oħra. Għax ma rridx li nuża l-libertà tiegħi u mbagħad niġi ġġudikat mill-kuxjenza t’oħrajn. 30  Anki jekk nirringrazzja lil Alla għall-ikel u għandi d-dritt li nieklu, għala għandi nieklu jekk iġiegħel lil oħrajn jikkritikawni? 31  Għalhekk, jekk tieklu, tixorbu, jew tagħmlu xi ħaġa oħra, għandkom tagħmlu kollox biex tfaħħru lil Alla. 32  Oqogħdu attenti biex ma tfixklux lil oħrajn, la l-Lhud, la l-Griegi,* u lanqas dawk li huma fil-kongregazzjoni t’Alla. 33  Hekk qed nipprova nagħmel. Nipprova nikkuntenta lil kulħadd f’kulma nagħmel. Mhux qed infittex dak li jaqbel lili, imma dak li jaqbel lill-maġġoranza tan-nies, ħalli jkunu jistgħu jiġu salvati.

Noti taʼ taħt

Jew “twissija; eżempju.”
Letteralment “mill-qerried.”
Jew “tas-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “tal-barkiet li aħna nbierku.”
Jew “li ma jemmnux.”
Jew “jibni.”
Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.