L-Ewwel Ittra lill-Korintin 16:1-24
16 Issa dwar il-ġbir għall-qaddisin, għandkom timxu mad-direzzjoni li tajt lill-kongregazzjonijiet tal-Galazja.
2 Fl-ewwel ġurnata taʼ kull ġimgħa, kull wieħed minnkom għandu jwarrab xi ħaġa skont kemm jaffordja. B’hekk, il-ġbir ma jsirx meta niġi jien.
3 Meta niġi, nibgħat lill-irġiel li ssuġġerejtu fl-ittri tagħkom biex jieħdu r-rigal ġeneruż tagħkom Ġerusalemm.
4 Imma jekk ikun jaqbel li mmur jien ukoll, immorru hemm flimkien.
5 Jien se niġi ħdejkom wara li nkun għaddejt mill-Maċedonja, għax beħsiebni ngħaddi minn hemm.
6 Jistaʼ jkun li noqgħod ftit magħkom, forsi saħansitra x-xitwa kollha. Imbagħad tkunu tistgħu tiġu miegħi biċċa mit-triq għal fejn inkun sejjer.
7 Ma rridx narakom biss jien u għaddej. Qed nittama li nqattaʼ xi żmien magħkom, jekk Ġeħova* jrid.
8 Imma jien se nibqaʼ Efesu sal-Festa taʼ Pentekoste,
9 għax ingħatatli opportunità kbira* biex nagħmel iktar fix-xogħol tal-Mulej. Però hemm ħafna li jopponu.
10 Jekk jasal Timotju, ilqgħuh u kkoperaw miegħu ħalli ma jkollux dwar xiex jinkwieta waqt li jkun magħkom. Hu qed jaħdem għal Ġeħova* bħali.
11 Tħallu lil ħadd imaqdru. Morru miegħu biċċa mit-triq fil-paċi,* ħalli jiġi għandi. Jien qed nistennieh flimkien mal-aħwa l-oħra.
12 Jien ħeġġiġt ħafna lil ħuna Apollo biex jiġi għandkom mal-aħwa l-oħra. Hu ma kienx beħsiebu jiġi issa, imma meta jkollu l-opportunità se jiġi.
13 Ibqgħu attenti, żommu l-fidi tagħkom soda, kunu kuraġġużi* u sodi.
14 Agħmlu kollox bl-imħabba.
15 Ħuti, intom tafu li dawk mid-dar taʼ Stefanas kienu l-ewwel li bdew jemmnu* fl-Akaja u huma dejjem lesti biex jaqdu lill-qaddisin.
16 Inħeġġiġkom biex tkomplu tikkooperaw maʼ nies bħal dawn u maʼ dawk kollha li qed jaħdmu iebes u jaqdu flimkien magħhom.
17 Jien ferħan li Stefanas, Fortunatu, u Akajku qegħdin miegħi. Huma għenuni ħafna meta intom ma kontux hawn.
18 Huma inkuraġġew ħafna lili u lilkom.* Għalhekk, uru l-apprezzament tagħkom għal nies bħal dawn.
19 Il-kongregazzjonijiet tal-Asja sellew għalikom. Akwila u Priska u l-kongregazzjoni li tiltaqaʼ fid-dar tagħhom isellu għalikom mill-qalb bħala dixxipli tal-Mulej.
20 L-aħwa kollha jsellu għalikom. Ilqgħu lil xulxin bi mħabba.*
21 Jien, Pawlu, nibgħat inselli għalikom billi qed niktbilkom jien stess.
22 Jekk xi ħadd ma jħobbx lill-Mulej, ħa jkun misħut. Ejja Mulej, jekk jogħġbok!
23 Jalla l-Mulej Ġesù jurikom qalb tajba kbira.
24 Nixtieq nibgħat l-imħabba tiegħi lilkom kollha li intom dixxipli taʼ Kristu Ġesù.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “infetaħli bieb kbir.”
^ Jew “Ibagħtuh fi triqtu bil-barka tagħkom.”
^ Jew “kunu rġiel.”
^ Letteralment “l-ewwel frott.”
^ Jew “kienu taʼ serħan għall-ispirtu tiegħi u tagħkom.”
^ Letteralment “b’bewsa qaddisa.”