L-Ewwel Ittra lill-Korintin 7:1-40
7 Issa se nitkellem dwar l-affarijiet li ktibtuli dwarhom. Ikun aħjar li raġel ma jiżżewwiġx u ma jkollux relazzjonijiet sesswali.*
2 Imma peress li l-immoralità sesswali* hi tant komuni, kull raġel għandu jkollu l-mara tiegħu u kull mara għandu jkollha r-raġel tagħha.
3 Ir-raġel għandu jissodisfa l-bżonnijiet* tal-mara tiegħu, u l-mara għandha tagħmel l-istess għar-raġel tagħha.
4 Il-mara m’għandhiex awtorità fuq il-ġisem tagħha, imma r-raġel tagħha iva. Bl-istess mod, ir-raġel m’għandux awtorità fuq il-ġisem tiegħu, imma l-mara tiegħu iva.
5 Iċċaħħdux lil xulxin, ħlief jekk tkunu qbiltu bejnietkom għal xi żmien biex tiddedikaw ħin għat-talb. Imbagħad erġgħu lura bħal qabel ħalli ma jittantakomx Satana biex tagħmlu xi ħaġa ħażina għax ma jkollkomx kontroll fuqkom infuskom.
6 Qed ngħidilkom dan biex tkunu tafu x’tistgħu tagħmlu, imma mhuwiex kmand.
7 Nixtieq li l-irġiel kollha kienu bħali, jiġifieri mhux miżżewġin. Imma kull wieħed għandu r-rigal tiegħu stess mingħand Alla. Għalhekk, hawn min jiżżewweġ u min ma jiżżewwiġx.
8 Lil dawk li mhumiex miżżewġin u lir-romol ngħidilhom li jkun aħjar li jibqgħu bħali.
9 Imma jekk m’għandhomx biżżejjed kontroll fuqhom infushom, jistgħu jiżżewġu. Ikun aħjar li jiżżewġu milli jkollhom xewqat sesswali bla kontroll.
10 Lil dawk li huma diġà miżżewġin, nagħtihom dawn l-istruzzjonijiet: Mara m’għandhiex tissepara minn mar-raġel tagħha. Din id-direzzjoni hi mingħand il-Mulej.
11 Imma jekk tissepara, trid tibqaʼ ma tiżżewwiġx, jew inkella tirranġa mar-raġel tagħha. Ukoll, raġel m’għandux jitlaq lill-mara tiegħu.
12 Imma lill-oħrajn ngħidilhom (dan x’ngħidilhom jien, mhux il-Mulej): Jekk ħu għandu mara li ma temminx u taqbel li tibqaʼ miegħu, hu m’għandux jitlaqha.
13 U jekk mara għandha raġel li ma jemminx u jaqbel li jibqaʼ magħha, m’għandhiex titilqu.
14 Għax iż-żwieġ tar-raġel li ma jemminx hu kkunsidrat qaddis minħabba l-mara tiegħu, u ż-żwieġ tal-mara li ma temminx hu kkunsidrat qaddis minħabba r-raġel tagħha li hu ħu. Inkella t-tfal tagħkom ma jkunux qaddisin,* imma issa qaddisin.
15 Imma jekk min ma jemminx jiddeċiedi li jitlaq,* ħallih jitlaq. Ħu jew oħt m’għandhiex tibqaʼ miegħu meta jiġri hekk. Alla sejħilkom biex tgħixu fil-paċi.
16 Għax mara, kif taf jekk hux se ssalva lir-raġel tiegħek? Jew raġel, kif taf jekk hux se ssalva lill-mara tiegħek?
17 Minkejja dan, kull wieħed għandu jibqaʼ jgħix fi kwalunkwe sitwazzjoni li kien fiha meta Alla Ġeħova* sejjaħlu biex jibda jemmen. Din hija d-direzzjoni li nagħti lill-kongregazzjonijiet kollha.
18 Jekk raġel beda jemmen meta kien ċirkonċiż, għandu jibqaʼ f’din is-sitwazzjoni. Jekk raġel beda jemmen meta ma kienx ċirkonċiż, hu għandu jibqaʼ hekk.
19 Ma tagħmilx differenza jekk xi ħadd ikunx ċirkonċiż jew le. L-importanti hu li jobdi l-kmandamenti t’Alla.
20 Kull wieħed għandu jibqaʼ kif kien meta ġie msejjaħ biex jemmen.
21 Jekk kont ilsir meta ġejt imsejjaħ biex temmen, toqgħodx tinkwieta dwar dan. Imma jekk tiġik l-opportunità biex tinħeles, aħtafha.
22 Kull min kien ilsir meta l-Mulej sejjaħlu biex jemmen, isir qaddej ħieles tal-Mulej. U kull min kien ħieles meta l-Mulej sejjaħlu biex jemmen, isir ilsir taʼ Kristu.
23 Intom inxtrajtu bi prezz għoli, issirux ilsiera tan-nies.
24 Ħuti, ibqgħu kif kontu meta ġejtu msejħin minn Alla biex temmnu.
25 Dwar dawk li mhumiex miżżewġin,* jien m’għandix kmand mingħand il-Mulej, imma se ngħidilkom l-opinjoni tiegħi bħala persuna leali li ntweriet ħniena mill-Mulej.
26 F’dawn iż-żminijiet diffiċli, jien naħseb li jkun aħjar li raġel jibqaʼ kif inhu.
27 Jekk int miżżewweġ mara, tipprovax tinħeles. Jekk m’għandekx mara, toqgħodx tipprova ssib waħda.
28 Imma jekk tiżżewweġ, ma tkunx qed tagħmel dnub. U jekk persuna li mhix miżżewġa tiddeċiedi li tiżżewweġ, din ma tkunx qed tagħmel dnub. Minkejja dan, dawk li jiżżewġu jkollhom il-problemi fil-ħajja tagħhom.* Imma jien qed nipprova ngħinkom tevitawhom.
29 Ħuti, il-punt tiegħi hu li ma tantx għad fadal żmien. Mil-lum ’il quddiem, dawk li għandhom mara għandhom jgħixu bħallikieku m’għandhomx,
30 dawk li jibku bħal dawk li ma jibkux, dawk li jifirħu bħal dawk li ma jifirħux, u dawk li jixtru bħal dawk li m’għandhom xejn.
31 U min juża dak li għandha x’toffri d-dinja m’għandux jużaha għalkollox. Għax l-affarijiet li qed jiġru fid-dinja* qed jinbidlu.
32 Jien ma nixtiqkomx tkunu inkwetati.* Ir-raġel mhux miżżewweġ jinkwieta biss dwar li jagħmel ix-xogħol tal-Mulej, għax irid jagħmel lill-Mulej ferħan.
33 Imma r-raġel miżżewweġ jinkwieta dwar l-affarijiet tal-ħajja taʼ din id-dinja, għax irid jagħmel lill-mara tiegħu ferħana.
34 Allura ma jistax jiffoka fuq ħaġa waħda. Bl-istess mod, il-mara li mhix miżżewġa jew li qatt ma kienet miżżewġa hi inkwetata biss dwar li tagħmel ix-xogħol tal-Mulej. B’hekk kemm ġisimha u kemm moħħha* jistgħu jkunu qaddisin. Imma l-mara miżżewġa hi inkwetata dwar l-affarijiet tal-ħajja taʼ din id-dinja u kif tagħmel lil żewġha ferħan.
35 Qed ngħidilkom dan għall-ġid tagħkom stess, u mhux biex nillimitakom.* Jien irridkom tagħmlu dak li hu xieraq ħalli tkunu tistgħu taqdu kontinwament lill-Mulej mingħajr ma tkunu aljenati.
36 Imma jekk xi ħadd li għadu ma żżewwiġx iħoss li ma jistax jikkontrolla x-xewqat sesswali tiegħu u m’għadux żgħir wisq,* ikun aħjar jekk jiżżewweġ; ma jagħmilx dnub.
37 Imma jekk xi ħadd hu ċert għalkollox* li m’għandux bżonn jiżżewweġ u għandu kontroll fuq ix-xewqat tiegħu stess u ddeċieda li ma jiżżewwiġx f’qalbu, jagħmel sew.
38 Għalhekk, min jiżżewweġ jagħmel sew, imma min ma jiżżewwiġx jagħmel aħjar.
39 Mara għandha tibqaʼ maʼ żewġha sakemm idum ħaj. Imma jekk żewġha jmut, hi tkun tistaʼ tiżżewweġ lil min trid dment li jkun dixxiplu tal-Mulej.*
40 Imma fl-opinjoni tiegħi, hi tkun iktar ferħana jekk ma terġax tiżżewweġ. Jien fiduċjuż li għandi l-ispirtu t’Alla.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “ma jmissx mara.”
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “il-bżonnijiet sesswali.”
^ Letteralment “nodfa.”
^ Jew “jissepara.”
^ Letteralment “verġni.”
^ Letteralment “tribulazzjoni f’laħamhom.”
^ Letteralment “ix-xena taʼ din id-dinja.”
^ Jew “ansjużi.”
^ Jew “il-ħsibijiet tagħha.” Letteralment “l-ispirtu tagħha.”
^ Jew “mhux biex norbotkom.”
^ Jew “u jkun għadda l-fjur taż-żgħożija.”
^ Jew “determinat f’qalbu.”
^ Letteralment “tiżżewweġ biss fil-Mulej.”