L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 17:1-58
17 U l-Filistin ġabru l-armati* tagħhom għall-gwerra. Huma nġabru f’Sokoh, li hi taʼ Ġuda, u kkampjaw bejn Sokoh u Għażeka, f’Efes-dammim.
2 Sawl u l-irġiel t’Iżrael inġabru u kkampjaw fil-Wied* t’Elah, u tqassmu għall-battalja biex jiltaqgħu mal-Filistin.
3 Il-Filistin kienu fuq muntanja u l-Iżraelin kienu fuq muntanja oħra, bil-wied bejniethom.
4 Imbagħad mill-kampijiet tal-Filistin ħareġ gwerrier bħala r-rappreżentant tagħhom. Hu kien jismu Gulija, minn Gat, u kien twil sitt kubiti u xiber.*
5 Hu kellu elmu tar-ram fuq rasu u kien liebes kurazza magħmula minn biċċiet tar-ram imrikkbin fuq xulxin. Il-kurazza tar-ram kienet tiżen 5,000 xekel.*
6 Saqajh kienu protetti b’biċċa ram u kellu lanza żgħira tar-ram maʼ dahru.
7 Il-manku tal-injam tal-lanza tiegħu kien kbir bħall-injama taʼ min jinseġ bin-newl, u x-xafra tal-ħadid tal-lanza tiegħu kienet tiżen 600 xekel;* u dak li kien iġorrlu t-tarka kien jimmarċja quddiemu.
8 Imbagħad waqaf u għajjat lis-suldati t’Iżrael li kienu lesti għall-battalja u qalilhom: “Għala ħriġtu mqassmin għall-battalja? Jien ġejt biex niġġieled għan-nom tal-Filistin. Intom mhux il-qaddejja taʼ Sawl? Mela sibu raġel biex jiġġieled kontrija.
9 Jekk ikollu l-ħila jiġġieled miegħi u joqtolni, aħna nsiru l-qaddejja tagħkom. Imma jekk nirbaħ jien u noqtlu, intom issiru l-qaddejja tagħna u taqduna.”
10 Il-Filisti mbagħad qal: “Jien illum nisfida lis-suldati t’Iżrael. Agħtuni raġel ħa niġġilidlu!”
11 Meta Sawl u Iżrael kollu semgħu dan il-kliem, twerwru u beżgħu ħafna.
12 Issa David kien bin Ġesse, raġel Efrati minn Betlem taʼ Ġuda. Ġesse kellu tmien subien u fi żmien Sawl kien diġà kbir fl-età.
13 It-tliet subien il-kbar taʼ Ġesse marru maʼ Sawl għall-gwerra. Dawn kienu Eljab l-ewwel imwieled, Abinadab it-tieni, u Sammah it-tielet.
14 David kien l-iżgħar wieħed, u t-tlieta l-kbar marru maʼ Sawl.
15 David kien ġej u sejjer mingħand Sawl biex jieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ missieru f’Betlem.
16 Sadanittant, il-Filisti baqaʼ joħroġ jisfidahom kull filgħodu u filgħaxija għal 40 jum.
17 Imbagħad Ġesse qal lil ibnu David: “Jekk jogħġbok, ħu malajr din l-efa* ċereali inkaljati u dawn l-għaxar ħobżiet lil ħutek fil-kampijiet.
18 U ħu dawn l-għaxar biċċiet ġobon* lill-kap tal-elf. Ukoll, ara kif inhuma ħutek u ġib xi ħaġa mingħandhom biex nikkonferma li jinsabu tajbin.”
19 Huma kienu maʼ Sawl u l-irġiel l-oħrajn kollha t’Iżrael fil-Wied* t’Elah biex jiġġieldu kontra l-Filistin.
20 Għaldaqstant, David qam kmieni u ħalla lil xi ħadd jieħu ħsieb in-nagħaġ. Imbagħad ħa l-affarijiet u telaq bħalma kien ikkmandah missieru Ġesse. Meta wasal fil-post fejn kienu kkampjati, is-suldati tal-armata kienu ħerġin għall-battalja u bdew jgħajtu biex juru li huma lesti li jiġġieldu.
21 U l-Iżraelin u l-Filistin tqassmu biex jiġu faċċata taʼ xulxin.
22 Minnufih David ħalla l-affarijiet li kellu f’idejn dak li jieħu ħsieb l-affarijiet u telaq jiġri lejn il-post fejn kienu se jiġġieldu. Meta wasal, beda jistaqsi kif inhuma ħutu.
23 Waqt li kien qed jitkellem magħhom, ġie Gulija, il-gwerrier u r-rappreżentant tal-Filistin li kien minn Gat. Hu ħareġ minn fost is-suldati Filistin u qal l-istess kliem bħal qabel, u David semgħu.
24 Meta l-irġiel kollha t’Iżrael rawh, ħarbu mwerwrin.
25 L-irġiel t’Iżrael bdew jgħidu: “Rajtuh dan ir-raġel? Hu joħroġ biex jisfida lil Iżrael. Lir-raġel li joqtlu, ir-re jagħtih ħafna ġid u lil bintu stess. Ukoll, il-familja taʼ missieru ma jkollhiex għalfejn tagħti lir-re l-affarijiet li jitlob mill-Iżraelin.”
26 David beda jgħid lill-irġiel li kienu ħdejh: “X’jingħata r-raġel li joqtol lill-Filisti u jneħħi t-tmaqdir minn Iżrael? Għax min hu dan il-Filisti mhux ċirkonċiż biex jisfida lis-suldati tal-Alla l-ħaj?”
27 Imbagħad in-nies reġgħu qalu x’kellu jingħata u żiedu: “Dan hu li jingħata r-raġel li joqtlu.”
28 Meta ħuh il-kbir Eljab semgħu jitkellem mal-irġiel, hu rrabja maʼ David u qallu: “Għalfejn inżilt? U maʼ min ħallejthom il-ftit nagħaġ fid-deżert? Naf sew l-intenzjonijiet ħżiena tiegħek u kemm int prużuntuż. Int inżilt sempliċement biex tara l-battalja.”
29 David wieġbu: “Issa x’għamilt jien? Kulma għamilt staqsejt mistoqsija!”
30 Għalhekk, dar lejn xi ħadd ieħor u staqsa l-istess ħaġa bħal qabel, u n-nies reġgħu tawh l-istess tweġiba.
31 Xi wħud semgħu dak li qal David u qaluh lil Sawl. Għalhekk bagħat għalih.
32 David qal lil Sawl: “Tħalli lil ħadd jaqtaʼ qalbu minħabba fih. Sidi, jien lest immur u niġġieled maʼ dan il-Filisti.”
33 Imma Sawl qal lil David: “Ma tistax tmur tiġġieled kontra dan il-Filisti, għax int għadek daqsxejn taʼ tifel, u hu ilu suldat* minn żgħożitu.”
34 Imbagħad David qallu: “Sidi, jien kont qed nirgħa l-merħla taʼ missieri, u darba ġie ljun, u darb’oħra ġie ors, u t-tnejn li huma ħatfu nagħġa mill-merħla.
35 Jien mort għal wara l-iljun u l-ors, attakkajthom, u ħlist in-nagħaġ minn ħalqhom. Meta qamu għalija, ħtafthom mis-suf* u qtilthom.
36 Jien qtilt sew l-iljun u sew l-ors, u dan il-Filisti mhux ċirkonċiż se jsir bħal wieħed minnhom, għax hu sfida s-suldati tal-Alla l-ħaj.”
37 Imbagħad David żied: “Ġeħova, li ħelisni minn taħt difrejn l-iljun u l-ors, jeħlisni wkoll minn id dan il-Filisti.” Għal dan, Sawl qal lil David: “Mur, u jalla Ġeħova jkun miegħek.”
38 Sawl issa libbes il-ħwejjeġ tiegħu lil David. Hu poġġielu elmu tar-ram fuq rasu u libbsu kurazza.
39 Imbagħad David libes iċ-ċinturin bix-xabla fih, u meta ġie biex jimxi ma setax għax ma kienx imdorri bihom. Hu qal lil Sawl: “Ma nistax immur b’dawn l-affarijiet għax m’iniex imdorri bihom.” Għalhekk, David neħħiehom.
40 Imbagħad qabad il-bastun u għażel ħames ġebliet lixxi mill-wied u poġġiehom fil-basket li kien juża bħala ragħaj, u f’idu kellu l-iżbandola. U beda jersaq lejn il-Filisti.
41 Il-Filisti resaq eqreb u eqreb lejn David, u dak li kien iġorrlu t-tarka kien quddiemu.
42 Meta l-Filisti ħares u ra lil David, beda jidħaq bih għax ra li kien sempliċement tifel ruxxan u gustuż.
43 Għalhekk, il-Filisti qal lil David: “Mela jien xi kelb, biex ġejt kontrija bil-bastun?” U l-Filisti talab lil allatu biex jisħtu lil David.
44 Il-Filisti qal lil David: “Ejja ’l hawn, u jien nagħti laħmek lill-għasafar u lill-bhejjem.”
45 David wieġeb lill-Filisti: “Int ġej kontrija b’xabla u b’żewġ lanez, imma jien ġej kontrik f’isem Ġeħova tal-armati, l-Alla tas-suldati t’Iżrael, li int sfidajt.
46 Illum stess, Ġeħova se jagħtik f’idejja, u jien noqtlok u naqtagħlek rasek. Illum nagħti l-iġsma mejtin tas-suldati Filistin lill-għasafar u lill-bhejjem slavaġ, u n-nies tal-art kollha jkunu jafu li hemm Alla f’Iżrael.
47 U dawk kollha miġburin hawnhekk* ikunu jafu li Ġeħova ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza, għaliex il-battalja hi taʼ Ġeħova, u hu se jagħtikom kollha f’idejna.”
48 Imbagħad il-Filisti beda miexi lejn David, imma David ġera lejn l-armata tal-għedewwa biex jiltaqaʼ mal-Filisti.
49 David daħħal idu fil-basket, ħareġ ġebla, u waddabha bl-iżbandola. Hu laqat lill-Filisti f’moħħu, u l-ġebla daħlet fil-fond u waqaʼ għal wiċċu fl-art.
50 Għalhekk, David rebaħ lill-Filisti bi żbandola u ġebla. Hu laqat lill-Filisti u qatlu, avolja ma kellux xabla.
51 David kompla jiġri u waqaf fuq il-Filisti. Imbagħad ħadlu x-xabla minn postha u għamel ċert li joqtlu billi qatagħlu rasu barra. Il-Filistin ħarbu meta raw li r-raġel b’saħħtu tagħhom kien miet.
52 Xħin raw dan, l-irġiel t’Iżrael u taʼ Ġuda nfexxew jgħajtu u marru jiġru wara l-Filistin mill-wied sal-bibien t’Għekron. Fit-triq lejn Sagħrajm, huma qatlu ħafna Filistin. L-iġsma tagħhom kienu sa Gat u s’Għekron.
53 Wara li l-Iżraelin ma baqgħux jiġru wara l-Filistin, ħatfu l-affarijiet mill-kampijiet tagħhom.
54 Imbagħad David ħa ras il-Filisti Ġerusalemm, imma l-armi tal-Filisti poġġiehom fit-tinda tiegħu.
55 Xħin Sawl ra lil David ħiereġ biex jiltaqaʼ mal-Filisti, hu qal lil Abner il-kap tal-armata: “Abner, bin min hu dan it-tifel?” Dan wieġbu: “Re, naħliflek li* ma nafx!”
56 Ir-re qallu: “Ara bin min hu dan iż-żagħżugħ.”
57 Malli David reġaʼ lura wara li qatel lill-Filisti, Abner ħadu quddiem Sawl bir-ras tal-Filisti f’idu.
58 Sawl qallu: “Min hu missierek?” u David wieġeb: “Missieri hu l-qaddej tiegħek Ġesse, il-Betlemi.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “il-kampijiet.”
^ Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
^ Letteralment “ħalib.”
^ Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
^ Jew “gwerrier.”
^ Jew “mix-xedaq.” Letteralment “mil-leħja.”
^ Letteralment “din il-kongregazzjoni kollha.”
^ Jew “daqskemm int ħaj.”