L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 3:1-28
3 Salamun tħallat mal-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, billi żżewweġ* lil bintu. Hu ħadha fil-Belt taʼ David sakemm bena daru, id-dar taʼ Ġeħova, u s-sur madwar Ġerusalemm.
2 Imma n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji fil-postijiet għall-qima, għax sa dakinhar kienet għadha ma nbnietx dar għal isem Ġeħova.
3 Salamun baqaʼ jħobb lil Ġeħova billi kien jimxi mal-liġijiet li tah missieru David, imma kien joffri s-sagrifiċċji u jaħraq l-offerti fil-postijiet għall-qima.
4 Ir-Re Salamun mar Gibegħon biex joffri sagrifiċċji hemmhekk, għax dan kien l-iktar post importanti* għall-qima. Hu offra 1,000 sagrifiċċju tal-ħruq fuq dan l-artal.
5 F’Gibegħon, Ġeħova deher lil Salamun f’ħolma billejl u qallu: “Itlobni dak li tixtieqni nagħtik.”
6 Għal dan Salamun qal: “Int urejt imħabba u lealtà* kbira maʼ missieri David, il-qaddej tiegħek, hekk kif mexa quddiemek b’lealtà, ġustizzja, u qalb onesta. Int bqajt turih imħabba u lealtà kbira sal-lum billi tajtu iben biex joqgħod fuq it-tron tiegħu.
7 U issa, Ġeħova Alla tiegħi, int għamilt lili, il-qaddej tiegħek, re minflok David missieri, avolja jien għadni żagħżugħ* u bla esperjenza.*
8 Jien qiegħed fost il-poplu tiegħek li int għażilt, poplu tant kbir li ħadd ma jistaʼ jgħoddu.
9 Għalhekk, agħtini qalb ubbidjenti biex niġġudika lill-poplu tiegħek, biex nagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin. Għax min hu kapaċi jiġġudika lil dan il-poplu kbir* tiegħek?”
10 Ġeħova ħa pjaċir li Salamun talab dan.
11 Alla mbagħad qallu: “Talli tlabt dan u ma tlabtx li jkollok ħajja twila* jew li tkun sinjur jew li jmutu l-għedewwa tiegħek, imma tlabt li tkun tistaʼ tifhem il-każijiet ġudizzjali,
12 se nagħmel bħalma tlabtni. Se nagħtik qalb għarfa u li tifhem, tant li ma jkun hawn ħadd bħalek, la qablek u lanqas warajk.
13 Iktar minn hekk, se nagħtik anki dak li ma tlabtx, kemm ġid u kemm glorja, u b’hekk ma jkunx hemm re bħalek kemm iddum ħaj.*
14 U jekk timxi fi triqati billi żżomm mar-regoli u l-kmandamenti tiegħi, bħalma mexa missierek David, jien nagħtik ukoll ħajja twila.”*
15 Meta Salamun qam, hu rrealizza li kellu ħolma. Imbagħad mar Ġerusalemm, qagħad quddiem l-arka tal-patt taʼ Ġeħova, offra sagrifiċċji tal-ħruq u offerti tal-paċi, u għamel ikla kbira għall-qaddejja kollha tiegħu.
16 Dak iż-żmien, marru għand ir-re żewġ prostituti u qagħdu quddiemu.
17 L-ewwel mara qalet: “Sidi, jien u din il-mara ngħixu f’dar waħda, u jien wellidt waqt li hi kienet id-dar.
18 Fit-tielet jum li wellidt, din il-mara welldet ukoll. Konna biss it-tnejn li aħna u ma kien hemm ħadd iktar magħna fid-dar.
19 Matul il-lejl, it-tifel taʼ din il-mara miet għax hi daret fuqu waqt li kienet rieqda.
20 Għalhekk, hi qamet f’nofs taʼ lejl u ħadet lil ibni minn ħdejja waqt li jien kont rieqda. Hi qegħditu ħdejha* u poġġiet lil binha l-mejjet ħdejja.
21 Meta qomt filgħodu biex irredda’ lil ibni, indunajt li kien mejjet. Għalhekk, flejtu, u rajt li dan ma kienx ibni.”
22 Iżda l-mara l-oħra qalet: “Le, ibni hu l-ħaj u ibnek hu l-mejjet!” Imma l-ewwel mara bdiet tgħid: “Le, ibnek hu l-mejjet u ibni hu l-ħaj.” Hekk argumentaw quddiem ir-re.
23 Fl-aħħar ir-re qal: “Din qed tgħid, ‘Dan hu ibni, il-ħaj, u ibnek hu l-mejjet!’ u l-oħra qed tgħid, ‘Le, ibnek hu l-mejjet u ibni hu l-ħaj!’”
24 Ir-re qal: “Ġibuli xabla.” Għalhekk, ħadulu xabla.
25 Imbagħad qal: “Aqsmu t-tifel il-ħaj fi tnejn, u agħtu nofs lil waħda u nofs lill-oħra.”
26 Omm it-tifel il-ħaj ħasset wisq għal binha. Għalhekk, minnufih talbet bil-ħniena lir-re: “Jekk jogħġbok sidi, agħtih lilha t-tifel il-ħaj. Imma toqtlux!” Iżda l-mara l-oħra bdiet tgħid: “La jkun tiegħi u lanqas tiegħek. Ħallihom jaqsmuh!”
27 Għal dan ir-re wieġeb: “Agħtu t-tifel il-ħaj lill-ewwel mara. Toqtluhx, għax hi ommu.”
28 L-Iżraelin kollha semgħu bil-ġudizzju li għamel ir-re, u kellhom rispett kbir* lejh, għax raw li l-għerf t’Alla kien miegħu biex jagħmel ġustizzja.
Noti taʼ taħt
^ Jew “ħa.”
^ Letteralment “l-akbar post.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “naqra taʼ tifel.”
^ Letteralment “ma nafx noħroġ u nidħol.”
^ Jew forsi “diffiċli.” Letteralment “tqil.”
^ Letteralment “ħafna jiem.”
^ Letteralment “il-jiem kollha tiegħek.”
^ Letteralment “intawwal jiemek.”
^ Jew “f’idejha.” Letteralment “fi ħdanha.”
^ Letteralment “biżaʼ.”