Eżodu 20:1-26
20 Imbagħad Alla qal dan il-kliem kollu:
2 “Jien Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, l-art fejn kont ilsir.
3 M’għandux ikollok allat oħra ħliefi.*
4 “Tagħmilx għalik xi statwa skolpita jew forma* taʼ xi ħaġa li hemm fis-sema, fuq l-art, jew fl-ilmijiet.
5 Tmilx quddiemhom u lanqas tiġi mħajjar taqdihom, għaliex jien, Ġeħova l-Alla tiegħek, irrid li tqim lili biss, li għall-iżball tal-missirijiet nikkastiga lit-tfal sat-tielet u r-rabaʼ ġenerazzjoni taʼ dawk li jobogħduni.
6 Imma dawk li jħobbuni u jobdu l-kmandamenti tiegħi nurihom imħabba u lealtà* sal-elf ġenerazzjoni.
7 “Tużax ismi, Ġeħova, b’mod ħażin, għax jien, Ġeħova l-Alla tiegħek, nikkastiga lil min juża ismi b’mod ħażin.
8 “Ftakar li jum is-Sabat hu qaddis.
9 Għandek taħdem u tagħmel ix-xogħol kollu tiegħek f’sitt ijiem,
10 imma s-sebaʼ jum hu sabat għalija, Ġeħova l-Alla tiegħek. Tagħmel ebda xogħol, la int, la ibnek, la bintek, la l-ilsir tiegħek, la l-ilsira tiegħek, la l-bhejjem tiegħek, u lanqas ir-resident barrani tiegħek li qiegħed fil-belt* tiegħek.
11 Għax f’sitt ijiem jien, Ġeħova, għamilt is-sema, l-art, il-baħar, u kulma hemm fihom, u bdejt nistrieħ fis-sebaʼ jum. Huwa għalhekk li jien, Ġeħova, berikt jum is-Sabat u għamiltu qaddis.
12 “Irrispetta lil missierek u lil ommok, biex tgħix ħajja twila fuq l-art li qed nagħtik jien, Ġeħova l-Alla tiegħek.
13 “Toqtolx.*
14 “Tagħmilx adulterju.
15 “Tisraqx.
16 “Tixhidx falz meta tkun xhud kontra xi ħadd.
17 “Tixtieqx dar ħaddieħor. Tixtieqx il-mara taʼ ħaddieħor, la l-ilsir tiegħu, la l-ilsira tiegħu, la l-barri tiegħu, la l-ħmar tiegħu, u lanqas xi ħaġa oħra li hi tiegħu.”
18 Issa n-nies kollha kienu qed jisimgħu r-ragħad u l-ħoss tal-qarn u jaraw is-sajjetti u l-muntanja ddaħħan. U minħabba f’hekk, bdew jirtogħdu u qagħdu ’l bogħod.
19 Għalhekk qalu lil Mosè: “Aħna qed nibżgħu li jekk ikellimna Alla mmutu. Allura kellimna int u nisimgħuk.”
20 Għalhekk, Mosè qal lin-nies: “Tibżgħux, għaliex l-Alla l-veru ġie biex jgħaddikom minn prova ħalli jibqaʼ jkollkom rispett kbir lejh* u ma tidinbux.”
21 B’hekk, in-nies baqgħu ’l bogħod, imma Mosè mar ħdejn is-sħaba sewda fejn kien hemm l-Alla l-veru.
22 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Dan għandek tgħidilhom lill-Iżraelin, ‘Intom stess rajtu li jien kellimtkom mis-sema.
23 Tagħmlux allat tal-fidda jew tad-deheb, għax m’għandux ikollkom allat oħra ħliefi.
24 Għandkom tagħmluli artal mit-trab tal-art, u toffru fuqu l-offerti tal-ħruq tagħkom, is-sagrifiċċji tal-paċi* tagħkom, u l-imrieħel tal-baqar u tan-nagħaġ tagħkom. Se niġi għandkom u nberikkom f’kull post fejn nagħżel li ismi jiġi mfakkar.
25 U jekk tagħmluli artal tal-ġebel, tibnuhx b’ġebel maqtugħ bl-għodda.* Għax jekk tużaw l-għodda tagħkom fuqu, tniġġsuh.
26 U tagħmlux taraġ biex titilgħu fuq l-artal tiegħi, sabiex il-partijiet privati tagħkom ma jkunux mikxufin fuqu.’
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “kontra wiċċi.”
^ Jew “rappreżentazzjoni.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
^ Hawnhekk “toqtolx” jirreferi għal qtil apposta u kontra l-liġi.
^ Letteralment “biżaʼ minnu.”
^ Jew “is-sagrifiċċji taʼ sħubija.”
^ Jew “b’ġebel minġur.”