Eżodu 21:1-36

  • Deċiżjonijiet ġudizzjali għal Iżrael (1-36)

    • Dwar l-ilsiera Lhud (2-11)

    • Dwar il-vjolenza fuq xi ħadd (12-27)

    • Dwar l-annimali (28-36)

21  “Dawn huma d-deċiżjonijiet ġudizzjali li trid twasslilhom:  “Jekk tixtri lsir Lhudi, hu jaqdi bħala lsir għal sitt snin, imma fis-sebaʼ sena jinħeles mingħajr ma jħallas xejn.  Jekk jidħol fil-jasar waħdu, joħroġ waħdu. Imma jekk ikun miżżewweġ, martu toħroġ miegħu.  Jekk sidu jagħtih mara u din twellidlu subien jew bniet, il-mara u t-tfal tagħha jkunu taʼ sidha u hu joħroġ waħdu.  Imma jekk l-ilsir jinsisti u jgħid, ‘Jien inħobb lil sidi, lil marti, u lit-tfal tiegħi, u ma rridx ninħeles,’  sidu jrid jieħdu quddiemi, l-Alla l-veru. Imbagħad jieħdu ħdejn il-bieb jew il-koxxa tal-bieb, u sidu jtaqqablu widintu b’xifa, u hu jkun ilsir tiegħu ħajtu kollha.  “Jekk raġel ibigħ lil bintu bħala lsira, din ma tinħelisx mill-jasar bħalma jinħeles l-ilsir raġel.  Jekk ma togħġobx lil sidha, u b’hekk ma jagħżilhiex bħala konkubina imma jiddeċiedi li jbigħha lil xi ħadd ieħor,* hu ma jkollux id-dritt li jbigħha lil barranin, għax ikun ittradieha.  Jekk jagħżilha għal ibnu, għandu jittrattaha bħal bint. 10  Jekk jiżżewweġ mara oħra, lill-ewwel waħda m’għandux inaqqsilha l-ikel tagħha, ħwejjiġha, u dak li jmissha fiż-żwieġ. 11  Jekk ma jagħtihiex dawn it-tliet affarijiet, hi tinħeles mingħajr ma tħallas flus. 12  “Kull min iweġġaʼ lil xi ħadd u joqtlu, għandu jinqatel. 13  Imma jekk ma jkunx għamel dan apposta u jien, l-Alla l-veru, nippermetti li jiġri dan, hu jkun jistaʼ jaħrab f’post li jien se nagħżel għalikom. 14  Jekk xi ħadd jirrabja ħafna għal sieħbu u joqtlu apposta, għandu jinqatel anki jekk ikollok tieħdu minn ħdejn l-artal tiegħi. 15  Min isawwat lil missieru jew lil ommu, għandu jinqatel. 16  “Jekk xi ħadd jaħtaf bniedem u jbigħu jew jinstab għandu, dan għandu jinqatel. 17  “Kull min jisħet lil missieru jew lil ommu, għandu jinqatel. 18  “Jekk xi rġiel jargumentaw u wieħed minnhom iweġġaʼ lil sieħbu b’ġebla jew b’daqqa taʼ ponn* u dan ma jmutx imma jispiċċa f’sodda, għandu jiġri hekk: 19  Jekk ikun jistaʼ jqum u joħroġ jimxi bil-bastun, dak li jkun weġġgħu jkun meħlus mill-kastig. Hu għandu biss jagħtih kumpens għaż-żmien li ma setax jaħdem sakemm ikun fieq għalkollox. 20  “Jekk raġel isawwat bil-bastun lill-ilsir jew lill-ilsira tiegħu, u din tmut waqt li qed isawwatha, ir-raġel għandu jiġi kkastigat. 21  Madankollu, jekk l-ilsir jew l-ilsira tibqaʼ ħajja ġurnata jew tnejn, is-sid m’għandux jiġi kkastigat għax hi ġiet mixtrija bi flusu. 22  “Jekk xi rġiel jiġġieldu bejniethom u jweġġgħu lil mara tqila u hi twelled qabel iż-żmien* imma ma jkunx hemm konsegwenzi fatali,* il-ħati għandu jħallas għall-ħsarat skont kemm iwaħħlu r-raġel tal-mara. U hu għandu jħallas dan skont id-deċiżjoni tal-imħallfin. 23  Imma jekk xi ħadd minnhom* imut, il-ħati jrid imut ukoll. Ħajja b’ħajja, 24  għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, sieq b’sieq, 25  ħarqa b’ħarqa, ferita b’ferita, daqqa b’daqqa. 26  “Jekk raġel jagħti daqqa f’għajn l-ilsir jew l-ilsira tiegħu u jagħmiha, għandu jeħles lill-ilsir jew lill-ilsira bħala kumpens għal dik l-għajn. 27  U jekk itajjar is-sinna tal-ilsir jew tal-ilsira tiegħu, għandu jeħles lill-ilsir jew lill-ilsira bħala kumpens għas-sinna tagħha. 28  “Jekk barri jagħti bil-qrun lil raġel jew mara u din tmut, il-barri għandhom iwaddbulu l-ġebel sakemm imut u laħmu m’għandux jittiekel. Imma sid il-barri jkun meħlus mill-kastig. 29  Imma jekk barri kellu d-drawwa li jagħti bil-qrun u sidu kien ġie mwissi imma ma żammux marbut, u joqtol raġel jew mara, il-barri għandhom iwaddbulu l-ġebel u anki sidu għandu jinqatel. 30  Jekk sid il-barri jiġi mitlub iħallas fidwa* biex ma jinqatilx, hu għandu jħallas l-ammont mitlub. 31  Jekk il-barri jkun ta bil-qrun lil tifel jew tifla, lil sidu għandhom jagħmlulu skont din id-deċiżjoni ġudizzjali. 32  Jekk il-barri jkun ta bil-qrun lil xi lsir jew ilsira, sidu jagħti l-prezz taʼ 30 xekel* lil sid l-ilsir jew l-ilsira, u l-barri jwaddbulu l-ġebel sakemm imut. 33  “Jekk raġel jikxef jew iħaffer ħofra u ma jgħattihiex, u jaqaʼ fiha barri jew ħmar, 34  sid il-ħofra għandu jagħti kumpens. Hu għandu jħallas lis-sid tal-annimal mejjet, u l-annimal isir tiegħu. 35  Jekk il-barri taʼ xi ħadd iweġġaʼ l-barri taʼ xi ħadd ieħor u dan il-barri jmut, huma jridu jbigħu l-barri l-ħaj u jaqsmu l-flus bejniethom. Għandhom jaqsmu bejniethom ukoll l-annimal mejjet. 36  Imma jekk kien magħruf li barri kellu d-drawwa li jagħti bil-qrun imma sidu ma żammux marbut, irid jagħti bħala kumpens barri għal barri, u l-barri l-mejjet isir tiegħu.

Noti taʼ taħt

Letteralment “tiġi mifdija.”
Jew forsi “b’għodda.”
Letteralment “u t-tfal tagħha joħorġu.”
Jew “gravi.”
Jiġifieri l-mara jew it-tarbija.
Jew “kumpens.”
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.