Eżodu 30:1-38
30 “Agħmel artal bħala post biex taħraq l-inċens. Agħmlu mill-injam tal-akaċja.
2 Għandu jkun kwadru, twil kubitu,* wiesaʼ kubitu, u għoli żewġ kubiti. Il-qrun tiegħu jkunu parti minnu.
3 Iksi l-wiċċ, il-ġnub kollha, u l-qrun tiegħu bid-deheb pur u agħmillu bordura tad-deheb mad-dawra kollha.
4 Tagħmillu wkoll żewġ ħolqiet tad-deheb ’l isfel mill-bordura tiegħu fuq iż-żewġt iġnub faċċata taʼ xulxin. U fihom jidħlu l-lasti biex iġorruh.
5 Il-lasti agħmilhom mill-injam tal-akaċja u iksihom bid-deheb.
6 L-artal poġġih quddiem il-purtiera li qiegħda qrib l-arka tat-Testimonjanza, quddiem l-għatu li qiegħed fuq it-Testimonjanza, fejn se nidhirlek.
7 “Aron għandu jaħraq l-inċens ifuħ fuqu meta jipprepara l-lampi kull filgħodu.
8 Aron għandu jaħraq l-inċens anki meta jixgħel il-lampi bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Din hi offerta tal-inċens regolari quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.
9 Toffrux fuq dan l-artal inċens ipprojbit jew offerta tal-ħruq jew offerta taċ-ċereali,* u tferrgħux offerta tax-xorb fuqu.
10 U Aron irid jagħmel tpattija fuq il-qrun tal-artal darba fis-sena. Bi ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub tat-tpattija, hu jagħmel tpattija għall-artal darba fis-sena matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. L-artal hu mill-iktar qaddis għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.”
11 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè:
12 “Kull meta tagħmel ċensiment u tgħodd lit-tfal t’Iżrael, kull wieħed irid jagħti fidwa* għalih innifsu lili, Ġeħova l-Alla tagħkom. Dan isir sabiex ebda kastig ma jiġi fuqhom meta jiġu rreġistrati.
13 Dawk kollha li huma rreġistrati jridu jagħtu nofs xekel* skont ix-xekel tal-post qaddis.* Xekel hu daqs 20 gera.* Il-kontribuzzjoni għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom, hi nofs xekel.
14 Kull min hu rreġistrat u għandu minn 20 sena ’l fuq irid jagħti l-kontribuzzjoni għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.
15 Is-sinjuri m’għandhomx jagħtu iktar minn nofs xekel* u l-foqra m’għandhomx jagħtu inqas minn dan bħala kontribuzzjoni għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom, biex issir tpattija għalihom infushom.
16 U ħu l-flus tal-fidda tat-tpattija mingħand l-Iżraelin u agħtihom għas-servizz tat-tinda tal-laqgħa, sabiex iservu bħala tifkira quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, għall-Iżraelin, biex issir tpattija għalihom infushom.”
17 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u qallu:
18 “Agħmel vaska u bażi għaliha tar-ram. Poġġiha bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u itfaʼ l-ilma fiha.
19 Aron u t-tfal tiegħu jaħslu jdejhom u saqajhom hemm.
20 Meta jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew meta jersqu ħdejn l-artal biex jaqdu u jagħmlu offerti li jiġu maħruqin lili, Ġeħova l-Alla tagħkom, għandhom jinħaslu bl-ilma, għax inkella jmutu.
21 Huma jaħslu jdejhom u saqajhom, ħalli ma jmutux, u dan iservi bħala regola għalihom għal dejjem, għalih u għat-tfal tiegħu matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom.”
22 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:
23 “Imbagħad ħu l-aqwa fwejjaħ: 500 xekel mirra magħquda, 250 xekel kannella tfuħ, 250 xekel qasab aromatiku,
24 500 xekel kassja, skont ix-xekel tal-post qaddis,* u ħinn* żejt taż-żebbuġa.
25 Minnhom agħmel żejt tad-dlik qaddis. Iridu jiġu mħalltin bis-sengħa.* Dan għandu jkun żejt tad-dlik qaddis.
26 “Idlek bih it-tinda tal-laqgħa, l-arka tat-Testimonjanza,
27 il-mejda u l-għodod kollha tagħha, il-gandlier u l-għodod tiegħu, l-artal tal-inċens,
28 l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu, u l-vaska u l-bażi tagħha.
29 U qaddishom biex isiru mill-iktar qaddisin. Kull min imisshom għandu jkun qaddis.
30 U idlek* lil Aron u lit-tfal tiegħu, u qaddishom biex jaqdu bħala qassisin għalija.
31 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Dan għandu jibqaʼ bħala żejt tad-dlik qaddis għalija matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.
32 M’għandux jindilek fuq nies oħrajn, u m’għandkomx tagħmlu taħlita bħalu. Hu xi ħaġa qaddisa. Għandu jibqaʼ bħala xi ħaġa qaddisa għalikom.
33 Kull min jagħmel żejt ifuħ bħalu u jqiegħed ftit minnu fuq xi individwu mhux awtorizzat* irid jiġi maqtul.’”*
34 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Ħu l-istess kwantità minn dawn il-fwejjaħ: qtar tal-istakte, inċens ifuħ, galbanu jfuħ, u inċens abjad pur.
35 Agħmel minnhom inċens. It-taħlita tal-ħwawar trid tkun imħallta bis-sengħa,* immellħa, pura, u qaddisa.
36 Itħan ftit minnha fi trab fin u poġġi ftit minnu quddiem it-Testimonjanza fit-tinda tal-laqgħa, fejn se nidhirlek. Dan l-inċens għandu jkun mill-iktar qaddis għalikom.
37 Ħadd m’għandu jagħmel l-inċens b’din it-taħlita biex jużah hu. Għandek tqisu bħala xi ħaġa qaddisa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.
38 Kull min jagħmel bħalu biex jieħu gost bir-riħa tiegħu jrid jiġi maqtul.”*
Noti taʼ taħt
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “skont ix-xekel qaddis.”
^ Jew “skont ix-xekel qaddis.”
^ Jew “maħdumin minn wieħed li jagħmel żejt ifuħ.”
^ Letteralment “xi stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.
^ Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”
^ Jew “maħduma minn wieħed li jagħmel żejt ifuħ.”
^ Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”