Eżodu 34:1-35
34 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Aqtaʼ żewġ twavel tal-ġebel bħal dawk tal-ewwel li farrakt int, u jien nikteb fuqhom il-kliem li kien hemm fuq l-ewwel twavel.
2 Kun lest biex filgħodu titlaʼ fuq il-Muntanja Sinaj u toqgħod quddiemi hemmhekk fuq il-quċċata tal-muntanja.
3 Imma ħadd ma jistaʼ jitlaʼ miegħek u ħadd iktar m’għandu jidher fuq il-muntanja kollha. Lanqas l-imrieħel tan-nagħaġ jew tal-baqar m’għandhom jirgħaw quddiem din il-muntanja.”
4 Għalhekk, Mosè qataʼ żewġ twavel tal-ġebel bħal dawk tal-ewwel u qam kmieni u telaʼ fuq il-Muntanja Sinaj, bħalma kien ikkmandah Ġeħova, u ħa f’idu ż-żewġ twavel tal-ġebel.
5 Imbagħad Ġeħova niżel fis-sħaba u qagħad miegħu hemmhekk u Ġeħova ddikjara ismu stess.
6 Ġeħova kien għaddej minn quddiemu u ddikjara: “Jien Ġeħova, jien Ġeħova, Alla ħanin u qalbi tajba,* ma nirrabjax malajr, nuri ħafna mħabba u lealtà,* u dejjem inżomm kelmti.
7 Jien nuri mħabba u lealtà lejn l-eluf, naħfer l-iżball u l-ksur tal-liġi u d-dnub,* imma bl-ebda mod ma nħalli lill-ħati bla kastig, u nġib il-kastig għall-iżball tal-missirijiet fuq it-tfal, fuq in-neputijiet, u fuq it-tielet u r-rabaʼ ġenerazzjoni.”
8 Mosè għaġġel biex imil u jinxteħet fl-art.
9 Imbagħad qal: “Ġeħova, jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, jekk jogħġbok Ġeħova, ejja magħna minkejja li aħna poplu rasu iebsa,* u aħfer l-iżball u d-dnub tagħna, u aċċettana bħala l-poplu tiegħek.”
10 Ġeħova wieġbu: “Qed nagħmel patt: Quddiem in-nies tiegħek kollha, se nagħmel affarijiet tal-għaġeb li qatt ma saru* fl-art kollha jew qalb il-popli kollha. U n-nies kollha li int tgħix fosthom se jaraw ix-xogħol tiegħi, għaliex miegħek qed nagħmel xi ħaġa meraviljuża.
11 “Oqogħdu attenti għal dak li qed nikkmandakom illum. Jien qed inkeċċi minn quddiemkom l-Amurrin, il-Kangħanin, il-Ħittin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin.
12 Oqogħdu attenti li ma tagħmlux xi patt man-nies li joqogħdu fl-art li sejrin fiha, inkella dan ikun taʼ nassa għalikom.
13 Imma tridu tkissru l-artali tagħhom, tfarrku l-pilastri sagri tagħhom, u tqaċċtu l-arbli sagri* tagħhom.
14 Tmilux quddiem alla ieħor, għax jien, Ġeħova, Alla li rrid li tqimu lili biss.* Iva, jien Alla li rrid li tqimu lili biss.
15 Tagħmlux xi patt man-nies taʼ dik l-art, għax meta jipprostitwixxu ruħhom billi jqimu lill-allat tagħhom u joffrulhom is-sagrifiċċji, xi ħadd minnhom se jistidinkom u intom tieklu mis-sagrifiċċju tiegħu.
16 Imbagħad żgur li żżewġu lil xi wħud mill-bniet tagħhom lit-tfal subien tagħkom, u l-bniet tagħhom se jipprostitwixxu ruħhom billi jqimu lill-allat tagħhom u jġiegħlu lit-tfal tagħkom jagħmlu l-istess.
17 “Tagħmlux allat minn metall imdewweb.
18 “Tridu tagħmlu l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira. Bħalma kkmandajtkom, tridu tieklu l-ħobż bla ħmira għal sebat ijiem fiż-żmien li għedtilkom, fix-xahar taʼ Abib,* għaliex f’dak iż-żmien ħriġtu mill-Eġittu.
19 “Kull l-ewwel iben* ikun tiegħi, inkluż l-ewwel ferħ maskil mill-bhejjem kollha tiegħek, kemm jekk tal-barrin u kemm jekk tan-nagħaġ.
20 L-ewwel ferħ taʼ ħmar tridu tifduh* billi tissagrifikaw nagħġa, u jekk ma tifduhx, tridu tiksrulu għonqu. U tridu tifdu lil kull l-ewwel tifel mit-tfal tagħkom billi tixtruh lura. Ħadd m’għandu jidher quddiemi b’idu vojta.
21 “F’sitt ijiem għandkom tagħmlu x-xogħol tagħkom, imma fis-sebaʼ jum tistrieħu.* Tistrieħu wkoll anki matul żmien il-ħrit u l-ħsad.
22 “U tiċċelebraw il-Festa tal-Ġimgħat tagħkom bl-ewwel prodott tal-ħsad tal-qamħ, u l-Festa tal-Ġbir* fl-aħħar tas-sena.
23 “Tliet darbiet fis-sena l-irġiel kollha tagħkom għandhom jidhru quddiemi, Ġeħova, il-Mulej il-veru u l-Alla t’Iżrael.
24 Għax se nkeċċi lill-popli minn quddiemkom, u nkabbar it-territorju tagħkom, u ħadd ma jkun jixtieq artkom meta titilgħu biex tidhru quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, tliet darbiet fis-sena.
25 “Toffrulix id-demm tas-sagrifiċċju maʼ xi ħaġa li jkun fiha l-ħmira. U s-sagrifiċċju tal-festa tal-Qbiż m’għandux jitħalla l-lejl kollu sa filgħodu.
26 “L-aqwa mill-ewwel prodott tal-ħamrija tagħkom għandkom tiħduh fid-dar tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħkom.
“Tgħallux gidi f’ħalib ommu.”
27 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: “Niżżel bil-miktub dan il-kliem, għax fi qbil miegħu se nagħmel patt miegħek u m’Iżrael.”
28 U hu baqaʼ hemmhekk maʼ Ġeħova 40 jum u 40 lejl. La kiel ħobż u lanqas xorob ilma. U Hu kiteb fuq it-twavel il-kliem tal-patt, l-Għaxar Kmandamenti.*
29 Mosè mbagħad niżel mill-Muntanja Sinaj biż-żewġ twavel tat-Testimonjanza f’idu. Meta niżel mill-muntanja, Mosè ma kienx jaf li mill-ġilda taʼ wiċċu kienu ħerġin ir-raġġi minħabba li kien tkellem m’Alla.
30 Meta Aron u l-Iżraelin kollha raw lil Mosè, huma nnotaw li mill-ġilda taʼ wiċċu kienu ħerġin ir-raġġi u beżgħu jersqu lejh.
31 Imma Mosè għajtilhom, u Aron u l-kapijiet kollha tal-ġemgħa marru ħdejh, u Mosè kellimhom.
32 Wara dan resqu lejh l-Iżraelin kollha, u hu tahom il-kmandi kollha li Ġeħova kien tah fuq il-Muntanja Sinaj.
33 Meta Mosè kien jispiċċa jitkellem magħhom, kien ipoġġi velu fuq wiċċu.
34 Imma meta Mosè kien jidħol quddiem Ġeħova biex ikellmu, kien ineħħi l-velu sakemm joħroġ. Imbagħad kien joħroġ u jgħid lill-Iżraelin il-kmandi li jkun irċieva.
35 U l-Iżraelin kienu jaraw li mill-ġilda taʼ wiċċ Mosè kienu joħorġu r-raġġi. Imbagħad Mosè kien ipoġġi lura l-velu fuq wiċċu sakemm jidħol biex ikellem lil Alla.*
Noti taʼ taħt
^ Jew “nuri mogħdrija.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “għonqu iebes.”
^ Jew “inħolqu.”
^ Jew “li ma nittollerax rivali.”
^ Letteralment “Kulma jiftaħ il-ġuf.”
^ Jew “iżżommu s-sabat.”
^ Magħrufa wkoll bħala l-Festa tal-Għerejjex (tat-Tabernakli).
^ Letteralment “l-Għaxar Kelmiet.” Magħrufin ukoll bħala Dekalogu.
^ Letteralment “lilu.”