Ekkleżjasti 6:1-12
6 Hemm xi ħaġ’oħra taʼ inkwiet* li rajt taħt ix-xemx u din komuni fost il-bnedmin:
2 L-Alla l-veru jagħti l-ġid, l-affarijiet materjali, u l-glorja lil xi ħadd ħalli ma jkun jonqsu xejn minn dak li jixtieq.* Imma l-Alla l-veru ma jħallihx igawdihom, iżda jħalli lil stranġier igawdihom. Dan hu bla sens u taʼ tbatija kbira.
3 Jekk raġel isir missier għal 100 darba, jgħix għal ħafna snin, u jixjieħ, iżda ma jgawdix* l-affarijiet tajbin li għandu qabel ma jmut, ikolli ngħid li tarbija li titwieled mejta hi aħjar minnu.
4 Għax din ġiet għalxejn u mietet fid-dlam, u lanqas isem m’għandha.
5 Għalkemm din qatt ma rat ix-xemx u ma saret taf xejn, xorta hi aħjar* minn dak ir-raġel.
6 X’jiswa li tgħix 2,000 sena u ma tgawdi xejn? Mhux kulħadd fl-istess post sejjer?
7 Ix-xogħol iebes kollu li jagħmel il-bniedem hu biex jimla żaqqu, imma hu qatt ma jixbaʼ.
8 Għax x’vantaġġ għandu l-għaref fuq l-istupidu? Jew x’jieħu l-fqir talli jkun jaf kif ikampa mal-ħajja?*
9 Aħjar tgawdi l-affarijiet li tistaʼ tara milli tixxennaq* għal dak li ma jistax ikollok. Dan ukoll hu bla sens, bħall-ġiri wara r-riħ.
10 Kulma jeżisti, diġà ngħata isem, u l-bniedem sar magħruf x’inhu. Hu ma jistax jiħodha* kontra dak li għandu iktar qawwa minnu.
11 Iktar kemm wieħed jitkellem, iktar jgħid kliem bla sens;* u x’jieħu bniedem minn dan?
12 Min jaf x’inhu l-aħjar li jagħmel bniedem fil-ftit ġranet tal-ħajja bla sens tiegħu, li tgħaddi bħal dell? Għax min jistaʼ jgħidlu x’se jiġri taħt ix-xemx wara li jmut?
Noti taʼ taħt
^ Jew “diżastruża.”
^ Jew “ruħu ma jkun jonqosha xejn.”
^ Jew “ruħu ma tgawdix.”
^ Letteralment “għandha iktar mistrieħ.”
^ Letteralment “kif jimxi quddiem il-ħajjin.”
^ Jew “ruħek tixxennaq.”
^ Jew “jiddefendi l-każ tiegħu.”
^ Jew forsi “Iktar ma jkun hemm affarijiet, iktar ikun hemm frugħa.”