Levitiku 18:1-30

  • Relazzjonijiet sesswali li jmorru kontra l-liġi (1-30)

    • Timitawx lill-Kangħanin (3)

    • Diversi relazzjonijiet sesswali bejn membri tal-familja (6-18)

    • Iż-żmien meta mara jiġiha d-demm taʼ kull xahar (19)

    • Atti omosesswali (22)

    • Il-bestjalità (23)

    • ‘Ibqgħu nodfa, inkella l-art tobżoqkom ’il barra’ (24-30)

18  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:  “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.  M’għandkomx taġixxu bħal dawk fl-art tal-Eġittu, fejn kontu toqogħdu, u m’għandkomx tagħmlu bħalma jagħmlu fl-art taʼ Kangħan, li se niħodkom fiha. U ssegwux id-drawwiet tagħhom.  Għandkom iżżommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u tobdu l-liġijiet tiegħi u timxu magħhom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.  U tridu tobdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi. Kull min jagħmel hekk jgħix permezz tagħhom. Jien Ġeħova.  “‘Ħadd fostkom m’għandu jkollu relazzjoni sesswali maʼ* xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib. Jien Ġeħova.  M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ missierek, u m’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’ommok. Hi ommok, m’għandux ikollok relazzjoni sesswali magħha.  “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ mart missierek. Dan jiddiżonora lil missierek.*  “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’oħtok, kemm jekk hi bint missierek u kemm jekk hi bint ommok, sew jekk twieldet fl-istess dar u sew jekk le. 10  “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ bint ibnek jew bint bintek, għaliex dan iġiblek diżunur. 11  “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali mat-tifla taʼ missierek minn mara oħra, għax hi oħtok. 12  “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’oħt missierek. Hi tiġi minnu mill-qrib. 13  “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’oħt ommok, għaliex hi tiġi minnha mill-qrib. 14  “‘M’għandekx tiddiżonora lil ħu missierek* billi jkollok relazzjoni sesswali maʼ martu. Hi zitek tar-rispett. 15  “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ mart ibnek. Hi mart ibnek, u m’għandux ikollok relazzjoni sesswali magħha. 16  “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ mart ħuk, għax tiddiżonora lil ħuk.* 17  “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ mara u maʼ bintha jew man-neputija tagħha.* Dawn jiġu minnha mill-qrib. Dan hu att oxxen.* 18  “‘M’għandekx tiżżewweġ lil oħt il-mara tiegħek u jkollok relazzjoni sesswali magħha waqt li martek tkun għadha ħajja, biex ma jkunx hemm pika bejniethom. 19  “‘U ma jridx ikollok relazzjoni sesswali mal-mara* waqt li ma tkunx nadifa minħabba d-demm li jiġiha kull xahar. 20  “‘U m’għandux ikollok x’taqsam maʼ mart xi ħadd, u b’hekk issir mhux nadif. 21  “‘Tħalli lil ħadd mit-tfal tiegħek jiġi offrut* lil Molek. Tiddiżonorax isem l-Alla tiegħek b’dan il-mod. Jien Ġeħova. 22  “‘Raġel m’għandux ikollu relazzjoni sesswali maʼ raġel ieħor.* Din hi ħaġa moqżieża. 23  “‘Raġel m’għandux ikollu x’jaqsam m’annimal u b’hekk isir mhux nadif. U mara m’għandhiex toqgħod quddiem annimal biex ikollha x’taqsam miegħu. Dan imur kontra dak li hu naturali. 24  “‘Titħammġux b’xi ħaġa minn dawn, għaliex huma l-istess affarijiet li tħammġu bihom il-popli li qed inkeċċi ’l barra minn quddiemkom. 25  Minħabba f’hekk l-art mhix nadifa, u se nġib kastig fuq in-nies li joqogħdu fiha għall-iżball tagħhom, u l-art se tobżoq ’il barra lil dawk li joqogħdu fiha. 26  Imma intom tridu tobdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, u ma tridu tagħmlu ebda waħda minn dawn l-affarijiet moqżieża, sew jekk wieħed ikun imwieled fil-pajjiż u sew jekk ikun barrani li jgħix f’nofskom. 27  Għax dawn l-affarijiet moqżieża saru min-nies li għexu f’din l-art qabilkom, u issa l-art mhix nadifa. 28  Imbagħad, peress li ma tkunux niġġistu l-art, din mhux se jkollha għalfejn tobżoqkom ’il barra bħalma se tobżoq ’il barra lill-popli li kienu qabilkom. 29  Jekk xi ħadd jagħmel xi waħda minn dawn l-affarijiet moqżieża, irid jiġi maqtul.* 30  Intom tridu tobdu l-kmandamenti tiegħi billi ma tipprattikaw ebda drawwa moqżieża li ġiet prattikata qabilkom, sabiex ma titħammġux bihom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”

Noti taʼ taħt

Letteralment “jikxef l-għera taʼ,” f’dal-vers u fil-versi li ġejjin.
Letteralment “Din hi l-għera taʼ missierek.”
Letteralment “tikxef l-għera taʼ ħu missierek.”
Letteralment “din hi l-għera taʼ ħuk.”
Jew “bint binha jew bint bintha.”
Jew “kondotta taʼ mistħija; indiċenza.”
Milli jidher dan jirreferi għall-mara jew il-konkubina.
Jew “mogħti; issagrifikat.”
Letteralment “Timteddx maʼ raġel l-istess bħalma timtedd maʼ mara.”
Jew “maqtugħ minn fost il-poplu tiegħu.”