L-Aħbar Tajba Skont Luqa 20:1-47
20 Darba minnhom, waqt li kien qed jgħallem fit-tempju u jipprietka l-aħbar tajba, marru ħdejh il-qassisin importanti, l-iskribi, u l-anzjani,*
2 u qalulu: “B’liema awtorità tagħmel dawn l-affarijiet u min tahielek din l-awtorità?”
3 Hu qalilhom: “Wiġbuli din il-mistoqsija l-ewwel:
4 Min bagħat lil Ġwanni biex jgħammed? L-Alla tas-sema jew in-nies?”
5 Huma bdew jirraġunaw bejniethom: “Jekk ngħidulu, ‘Alla,’ jgħidilna, ‘Mela allura, għala m’emmintuhx?’
6 Imma jekk ngħidu, ‘In-nies,’ il-folla twaddbilna l-ġebel u toqtolna, għax hi konvinta li Ġwanni kien profeta.”
7 Għalhekk, wiġbuh li ma kinux jafu min bagħtu.
8 Ġesù qalilhom: “Lanqas jien mhu se ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dawn l-affarijiet.”
9 Imbagħad hu ta lin-nies dan l-eżempju: “Raġel ħawwel għalqa bid-dwieli, ħallieha f’idejn xi bdiewa, u siefer għal tul taʼ żmien.
10 Meta kien iż-żmien li jinqataʼ l-għeneb, hu bagħat ilsir għand il-bdiewa biex jiġborlu sehmu mill-frott. Imma huma sawtuh u bagħtuh b’idu vojta.
11 Hu reġaʼ bagħtilhom ilsir ieħor. U anki lil dan sawtuh, umiljawh, u bagħtuh b’idu vojta.
12 Hu reġaʼ bagħtilhom ilsir ieħor, it-tielet wieħed, u lil dan weġġgħuh serjament u tefgħuh ’il barra.
13 Għal dan, sid l-għalqa qal, ‘X’se nagħmel? Issa nibgħat lit-tifel għażiż tiegħi. Lil dan għandhom jirrispettawh.’
14 Meta l-bdiewa rawh, huma rraġunaw bejniethom, ‘Dan li se jiret l-għalqa tad-dwieli. Ejja noqtluh u nieħdu l-wirt aħna.’
15 Għalhekk tefgħuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. X’taħsbu li se jagħmlilhom sid l-għalqa?
16 Hu jmur u joqtol lill-bdiewa, u jagħti l-għalqa tad-dwieli lil ħaddieħor.”
Meta semgħu hekk, qalulu: “Jalla qatt ma jiġri dan!”
17 Imma hu ħares lejhom u qal: “Allura, xi tfisser din l-iskrittura, ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini?
18 Kull min jaqaʼ fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqaʼ tgħaffġu.”
19 Meta semgħu dan l-eżempju, l-iskribi u l-qassisin importanti ndunaw li kien qed jgħid għalihom, għalhekk xtaqu jarrestawh dak il-ħin, imma bdew jibżgħu min-nies.
20 Huma kienu qed ifittxu opportunità biex iqarrqu b’Ġesù. Għalhekk, ħallsu lil xi nies biex jilagħbuha taʼ nies sewwa ħalli jġiegħlu lil Ġesù jgħid xi ħaġa li jistgħu jakkużawh biha u jagħtuh f’idejn l-awtoritajiet u l-gvernatur.
21 Huma qalulu: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid u tgħallem il-verità, ma turix preferenzi, u tgħallem il-verità dwar Alla.”
22 Imbagħad staqsewh: “Skont il-Liġi, għandna* nħallsu t-taxxa* lil Ċesari jew le?”
23 Imma hu nduna bil-ħażen tagħhom u qalilhom:
24 “Uruni dinar.* Dan il-wiċċ u l-isem taʼ min huma?” Qalulu: “Taʼ Ċesari.”
25 Hu qalilhom: “Mela agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”
26 Huma ma setgħu jakkużawh b’xejn quddiem in-nies, anzi baqgħu mbellhin bil-mod kif wiġibhom, u ma qalu xejn iktar.
27 Madankollu, xi wħud mis-Sadduċej, li ma kinux jemmnu bl-irxoxt, marru u staqsewh:
28 “Għalliem, Mosè kitbilna li jekk xi ħadd imut u ma jkollux tfal, ħuh għandu jiżżewweġ lill-mara tiegħu u jkollu t-tfal għal ħuh.
29 Kien hemm sebaʼ aħwa. L-ewwel wieħed iżżewweġ, imma miet mingħajr tfal.
30 Għalhekk iżżewwiġha t-tieni wieħed, imma anki dan miet.
31 It-tielet wieħed ġralu l-istess. Fil-fatt, is-sebgħa li huma żżewġuha u mietu bla tfal.
32 Imbagħad anki l-mara mietet.
33 Allura fl-irxoxt, il-mara taʼ min se tkun peress li żżewġuha s-sebgħa li huma?”
34 Ġesù qalilhom: “In-nies taʼ din id-dinja* jiżżewġu,
35 imma dawk li ħaqqhom jiġu rxoxtati mill-mewt u jgħixu fiż-żmien li ġej mhux se jiżżewġu.
36 Fil-fatt, ma jistgħux jerġgħu jmutu, għax huma bħall-anġli, u peress li se jiġu rxoxtati se jkunu t-tfal t’Alla.
37 Imma dwar li l-mejtin se jiġu mqajmin, anki Mosè tkellem dwarhom fir-rakkont dwar l-għollieqa, meta rrefera għal Ġeħova* bħala ‘l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.’
38 Hu l-Alla tal-ħajjin u mhux tal-mejtin, għax għalih* kollha ħajjin.”
39 Xi skribi wiġbuh: “Sewwa għedt, Għalliem.”
40 Għax huma ma kellhomx il-kuraġġ jistaqsuh mistoqsija oħra.
41 Imbagħad hu staqsiehom: “Kif jgħidu li l-Kristu hu bin David?
42 Fil-ktieb tas-Salmi, David stess qal, ‘Ġeħova* qal lill-Mulej tiegħi, Oqgħod bilqiegħda fuq il-lemin tiegħi
43 sakemm inpoġġi l-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.’
44 Għalhekk, jekk David irrefera għall-Kristu bħala Mulej, kif jistaʼ jkun li hu t-tifel tiegħu?”
45 Imbagħad, waqt li n-nies kollha kienu qed jisimgħu, hu qal lid-dixxipli tiegħu:
46 “Oqogħdu attenti mill-iskribi li jieħdu gost jippassiġġaw bi lbiesi twal, li jħobbu li n-nies isellmulhom fis-suq, li jħobbu s-siġġijiet taʼ quddiem* fis-sinagogi, u li jħobbu l-iktar postijiet importanti fl-ikliet taʼ filgħaxija.
47 Huma jaħtfu d-djar* tar-romol u jgħidu talb twil għal għajn in-nies. Dawn se jirċievu kastig akbar.”
Noti taʼ taħt
^ Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ fuq nett taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.
^ Jew “hu tajjeb li.”
^ Milli jidher din kienet taxxa li kellu jagħtiha kull individwu.
^ Jew “It-tfal taʼ din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “mill-ħarsa tiegħu.”
^ Jew “l-aqwa siġġijiet.”
^ Jew “il-propjetà.”