L-Aħbar Tajba Skont Luqa 24:1-53

  • Ġesù jiġi rxoxtat (1-12)

  • Fit-triq għal Għemmaws (13-35)

  • Ġesù jidher lid-dixxipli (36-49)

  • Ġesù jitlaʼ s-sema (50-53)

24  Imma fl-ewwel jum tal-ġimgħa,* huma marru ħdejn il-qabar* kmieni filgħodu u ħadu magħhom il-ħwawar li ppreparaw.  Imma huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar,*  u meta daħlu, ma sabuhx il-ġisem tal-Mulej Ġesù.  Waqt li kienu mħawdin dwar dan, żewġt irġiel marru ħdejhom lebsin ħwejjeġ jiddu.  In-nisa bdew jibżgħu u żammew rashom baxxuta. Għalhekk l-irġiel qalulhom: “Għala qed tfittxu lil dak li hu ħaj fost il-mejtin?  Hu mhux qiegħed hawn, għax ġie mqajjem. Ftakru li meta kien għadu fil-Galilija qalilkom  li hu, Bin il-bniedem, se jingħata f’idejn nies midinbin,* jiġi maqtul fuq zokk, u fit-tielet jum jiġi rxoxtat.”  Imbagħad huma ftakru x’kien qalilhom,  telqu minn ħdejn il-qabar,* u marru jgħidu dawn l-affarijiet lill-Ħdax u l-kumplament tad-dixxipli. 10  Dawk li qalu lill-appostli kienu Marija l-Maddalena, Ġwanna, Marija omm Ġakbu, u l-kumplament tan-nisa li kienu magħhom. 11  Imma dak li qalu ma kienx jagħmel sens għalihom u m’emmnuhomx. 12  Imma Pietru qam, ġera lejn il-qabar,* ittawwal ġewwa, u ra d-drapp tal-għażel biss. Għalhekk, telaq minn hemm u beda jipprova jifhem x’kien ġara. 13  Dakinhar stess, żewġ dixxipli kienu qed jivvjaġġaw lejn raħal jismu Għemmaws, li kien xi 11-il kilometru* minn Ġerusalemm. 14  Huma kienu qed jitkellmu dwar l-affarijiet kollha li ġraw. 15  Waqt li kienu qed jitkellmu, Ġesù mar ħdejhom u beda miexi magħhom, 16  imma huma ma setgħux jagħrfuh. 17  Hu qalilhom: “Fuqiex qed tiddiskutu?” Huma waqfu u dehru mdejqin. 18  Wieħed minnhom li jismu Kleofa wieġbu: “Int xi barrani li qed tgħix għalik waħdek f’Ġerusalemm biex ma tafx x’ġara* dan l-aħħar?” 19  Hu staqsiehom: “Mela x’ġara?” U wiġbuh: “Ma tafx x’ġara lil Ġesù n-Nazzarenu, li wera li kien profeta kbir b’dak li qal u għamel quddiem Alla u n-nies kollha? 20  Il-qassisin importanti u l-mexxejja tagħna tawh f’idejn Pilatu biex jinqatel, u sammruh maʼ zokk. 21  Aħna konna qegħdin nittamaw li dan ir-raġel kien il-wieħed li se jeħles lil Iżrael, imma llum it-tielet ġurnata minn meta ġara dan. 22  Iktar minn hekk, aħna mistagħġbin għax xi dixxipli nisa marru kmieni filgħodu ħdejn il-qabar* 23  u meta ma sabux il-ġisem tiegħu, ġew jgħidulna li raw lill-anġli li qalulhom li kien ħaj. 24  Imbagħad xi wħud minna, marru ħdejn il-qabar,* u sabu kollox eżatt kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx.” 25  Għalhekk qalilhom: “Kemm intom bla sens u ddumu biex temmnu l-affarijiet kollha li qalu l-profeti! 26  Il-Kristu kellu jgħaddi minn dawn l-affarijiet biex jiġi onorat.” 27  U hu spjegalhom l-affarijiet kollha li l-Iskrittura qalet dwaru, billi beda minn dak li kitbu Mosè u l-profeti kollha. 28  Fl-aħħar waslu viċin Għemmaws, u hu taparsi kien se jibqaʼ sejjer. 29  Imma huma ħeġġewh: “Ibqaʼ magħna, għax diġà sar il-ħin u daqt jidlam.” Għalhekk, hu daħal u qagħad għandhom. 30  Hekk kif kien qed jiekol magħhom, ħa ħobża, qal talba, qasamha, u tahielhom. 31  Dak il-ħin huma fehmu min kien u għarfuh, imma hu sparixxa. 32  Huma qalu lil xulxin: “Mhux taʼ b’xejn li messilna qalbna meta beda jitkellem magħna fit-triq u jispjegalna sew l-Iskrittura!” 33  Għalhekk, dak il-ħin stess qamu u marru lura Ġerusalemm. Huma sabu lill-Ħdax u d-dixxipli l-oħrajn miġburin flimkien, 34  li qalulhom: “Il-Mulej ġie mqajjem u deher lil Xmun!” 35  Imbagħad huma rrakkontawlhom xi ġralhom waqt li kienu qed jivvjaġġaw u kif għarfu lil Ġesù meta qasam il-ħobża. 36  Waqt li kienu qed jitkellmu dwar dan, hu stess mar f’nofshom u qalilhom: “Jalla jkollkom il-paċi.” 37  Imma peress li kienu mwerwrin u beżgħu, huma ħasbu li kienu raw spirtu. 38  Għalhekk qalilhom: “Għala qed titħawdu u tiddubitaw? 39  Ħarsu lejn idejja u saqajja biex taraw li veru jien. Missuni u araw, għax spirtu m’għandux laħam u għadam bħalma għandi jien.” 40  Xħin qalilhom dan, uriehom idejh u saqajh. 41  Imma peress li kienu mbellhin u ferħanin ħafna, huma ma setgħux jemmnu dak li raw. Għalhekk staqsiehom: “Għandkom xi ħaġa x’niekol?” 42  Allura tawh biċċa ħuta mixwija, 43  u hu ħadha u kielha quddiemhom. 44  Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom, jien għedtilkom li għandu jsir kulma nkiteb dwari fil-Liġi taʼ Mosè, fil-kitbiet tal-profeti, u fis-Salmi.” 45  Imbagħad hu għenhom jifhmu għalkollox l-Iskrittura, 46  u qalilhom: “Hemm miktub li jien, il-Kristu, kelli nbati u niġi mqajjem mill-mewt fit-tielet jum. 47  F’ismi se jiġi ppritkat messaġġ li l-popli għandhom jindmu mid-dnubiet tagħhom sabiex jinħafrulhom. Dan irid jiġi ppritkat l-ewwel f’Ġerusalemm, imbagħad mal-art kollha. 48  Intom se tkunu xhieda taʼ dawn l-affarijiet. 49  Jien se nagħtikom dak li wiegħed Missieri. Imma ibqgħu fil-belt sakemm tirċievu l-qawwa mis-sema.” 50  Imbagħad ħadhom ħdejn Betanja, għolla jdejh, u berikhom. 51  Hekk kif kien qed iberikhom, telaq minn ħdejhom u telaʼ s-sema. 52  U huma mielu quddiemu u marru lura Ġerusalemm ferħanin ħafna. 53  Huma kienu jmorru t-tempju kuljum ifaħħru lil Alla.

Noti taʼ taħt

Din il-ġurnata għalina hi l-Ħadd. Għal-Lhud kienet l-ewwel ġurnata tal-ġimgħa.
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Jew “li jagħmlu d-dnub.”
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Letteralment “60 stadju.” Stejdjum kien daqs 185 metru. Ara App. B14.
Jew forsi “Int l-uniku wieħed li ġejt Ġerusalemm u ma tafx x’ġara?”
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Jew “il-qabar tat-tifkira.”