L-Aħbar Tajba Skont Luqa 4:1-44
4 Imbagħad Ġesù, mimli bl-ispirtu qaddis, telaq mill-Ġordan. Dan l-ispirtu ggwidah biex imur fid-deżert
2 għal 40 jum, fejn ġie ttantat mix-Xitan. F’dawk il-jiem hu ma kiel xejn. Għalhekk, meta għaddew kellu l-ġuħ.
3 Allura x-Xitan qallu: “Jekk int l-iben t’Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobża.”
4 Imma Ġesù wieġbu: “L-Iskrittura tgħid li l-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss.”
5 Għalhekk ix-Xitan tellgħu u wrieh is-saltniet kollha tad-dinja f’ħin qasir.
6 Imbagħad qallu: “Nagħtik l-awtorità fuq dawn kollha u l-glorja tagħhom, għax ingħatat lili, u jien nagħtiha lil min irrid.
7 Għalhekk, jekk tagħtini qima* kollox isir tiegħek.”
8 Ġesù wieġbu: “Fl-Iskrittura hemm miktub, ‘Lil Ġeħova* l-Alla tiegħek għandek tqim, u lilu biss għandek taqdi.’”
9 Imbagħad ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq l-iktar parti għolja tat-tempju, u qallu: “Jekk int l-iben t’Alla, aqbeż minn hawn għal isfel,
10 għax fl-Iskrittura hemm miktub li hu se jikkmanda l-anġli biex jipproteġuk
11 u jġorruk ħalli ma taħbatx sieqek maʼ xi ġebla.”
12 Ġesù wieġbu: “Fl-Iskrittura hemm miktub biex ma tittestjax l-abbiltà li għandu Ġeħova* l-Alla tagħna.”
13 Għalhekk, wara li ttantah, ix-Xitan telaq minn ħdejh sakemm isib opportunità oħra.
14 Ġesù mar lura l-Galilija mimli bil-qawwa tal-ispirtu qaddis. In-nies kienu qed jgħidu affarijiet tajbin dwaru mal-irħula kollha tal-madwar.
15 Ukoll, hu beda jgħallem fis-sinagogi tagħhom, u kulħadd beda jfaħħru.
16 Imbagħad hu mar Nazaret, fejn kien trabba, u bħalma kien imdorri jagħmel f’jum is-Sabat, daħal fis-sinagoga u qam bilwieqfa biex jaqra.
17 Għalhekk, tawh l-iskroll tal-profeta Isaija, u hu fetħu u sab fejn kien hemm miktub:
18 “L-ispirtu taʼ Ġeħova* qiegħed fuqi, għax hu għażilni* biex nipprietka aħbar tajba lill-foqra. Hu bagħatni biex ngħid lill-ilsiera li se jiġu meħlusin u lil dawk li ma jarawx li se jaraw, biex nagħti l-libertà lill-batuti,
19 u biex ngħidilhom dwar iż-żmien meta se jerġgħu jiġu mberkin minn Ġeħova.”*
20 Imbagħad għalaq l-iskroll, tah lura lill-qaddej tas-sinagoga, u poġġa bilqiegħda. U n-nies kollha li kien hemm bdew iħarsu lejh b’attenzjoni.
21 Imbagħad beda jgħidilhom: “Illum sar dak li hemm miktub f’din l-iskrittura.”
22 Kollha bdew jitkellmu tajjeb dwaru u baqgħu mbellhin għax dak li qal messilhom qalbhom, u bdew jgħidu: “Dan mhux it-tifel taʼ Ġużeppi?”
23 Għal dan qalilhom: “Bla dubju intom se tapplikaw dan il-proverbju għalija, ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek.ʼ U tgħidu, ‘Aħna smajna x’ġara f’Kafarnahum, allura agħmel l-istess hawnhekk f’pajjiżek.’”
24 Allura qalilhom: “Naċċertakom li ebda profeta ma jiġi aċċettat f’pajjiżu.
25 Pereżempju, kien hemm ħafna romol f’Iżrael fi żmien Elija meta m’għamlitx xita għal tliet snin u nofs u kien hemm ġuħ kbir fil-pajjiż,
26 imma hu ma ntbagħat għand ħadd minnhom. L-armla li ntbagħat għandha kienet f’Sarefat fl-art taʼ Sidon.
27 Ukoll, kien hemm ħafna nies bil-ġdiem f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma Nagħman is-Sirjan biss ġie mfejjaq.”
28 Dawk kollha fis-sinagoga li semgħu dan tgħidx kemm irrabjaw.
29 Huma qamu, ħarġuh barra l-belt, u ħaduh f’tarf il-muntanja, li l-belt tagħhom kienet mibnija fuqha, ħalli jitfgħuh għal isfel.
30 Imma hu għadda minn nofshom u telaq.
31 Imbagħad hu niżel lejn Kafarnahum, belt fil-Galilija. U beda jgħallem lin-nies t’hemm fis-Sabat.
32 In-nies baqgħu mbellhin bil-mod kif jgħallem, għax tkellem b’awtorità.
33 Dak il-ħin, fis-sinagoga kien hemm raġel li kellu demonju fih, u dan għajjat:
34 “X’għandna x’naqsmu miegħek, Ġesù n-Nazzarenu? Jaqaw ġejt biex teqridna? Naf li int il-Qaddis t’Alla.”
35 Imma Ġesù kkmandah b’leħen sod: “Oqgħod kwiet u oħroġ minnu.” B’hekk, wara li d-demonju tefaʼ lir-raġel mal-art quddiemhom, ħareġ minnu bla ma weġġgħu.
36 Meta raw dan, huma baqgħu ċċassati, u bdew jgħidu: “Kif jistaʼ jitkellem b’dan il-mod? Hu jkeċċi l-ispirti ħżiena b’awtorità u b’qawwa u dawn jobduh!”
37 Għalhekk, in-nies kollha taʼ dawk l-inħawi malajr saru jafu x’ġara.
38 Wara li telaq mis-sinagoga, hu mar fid-dar taʼ Xmun. U l-kunjata taʼ Xmun kellha deni qawwi, u huma talbuh biex jgħinha.
39 Għalhekk, hu mar fejn kienet mimduda u fejjaqha mid-deni li kellha. Imbagħad hi qamet mill-ewwel u bdiet tagħmlilhom xi ħaġa x’jieklu.
40 Imma hekk kif kienet nieżla x-xemx, kull min kellu lil xi ħadd marid, beda jieħdu għandu. U Ġesù fejjaqhom minn kull tip taʼ mard billi poġġa jdejh fuq kull wieħed minnhom.
41 Ukoll, Ġesù keċċa d-demonji minn ħafna nies, waqt li dawn bdew jgħajtu: “Int l-Iben t’Alla.” Imma Ġesù kien jikkmandahom b’leħen sod u ma jħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Kristu.
42 Minkejja dan, l-għada hu telaq minn hemm u mar f’post imwarrab. Imma l-folol bdew ifittxuh u marru ħdejh. Huma pprovaw iwaqqfuh milli jitlaq minn ħdejhom.
43 Però hu qalilhom: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla fi bliet oħra wkoll, għax għalhekk intbgħatt.”
44 Allura, mar jipprietka fis-sinagogi tal-Lhudija.
Noti taʼ taħt
^ Jew “tagħtini qima darba biss.”
^ Letteralment “dilikni.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.