L-Aħbar Tajba Skont Luqa 9:1-62

  • It-Tnax jingħataw gwida dwar il-ministeru (1-6)

  • Erodi mħawwad ħafna minħabba Ġesù (7-9)

  • Ġesù jitmaʼ 5,000 raġel (10-17)

  • Pietru jgħid li Ġesù hu l-Kristu (18-20)

  • Tiġi mbassra l-mewt taʼ Ġesù (21, 22)

  • Dixxipli veri (23-27)

  • Ġesù jinbidel (28-36)

  • Jiġi mfejjaq tifel li kellu demonju (37-43a)

  • Terġaʼ tiġi mbassra l-mewt taʼ Ġesù (43b-45)

  • Id-dixxipli jargumentaw dwar min minnhom hu l-aqwa (46-48)

  • Min mhux kontra tagħna hu magħna (49, 50)

  • In-nies f’raħal fis-Samarija ma jaċċettawx lil Ġesù (51-56)

  • Kif nimxu wara Ġesù (57-62)

9  Imbagħad hu għajjat lit-Tnax u tahom il-qawwa u l-awtorità fuq id-demonji kollha u biex ifejqu l-mard.  Hu bagħathom jippritkaw dwar is-Saltna t’Alla u jfejqu l-morda.  Hu qalilhom: “Tieħdu xejn magħkom għall-vjaġġ, la bastun,* la basket tal-ikel, la ħobż, la flus,* u lanqas tibdila żejda.*  Imma f’kull dar li tidħlu, ibqgħu hemm sakemm titilqu mill-belt.  Fejn ma jilqgħukomx, intom u ħerġin mill-belt, farfru saqajkom mit-trab biex ikunu jafu li Alla wissiehom.”  Imbagħad huma telqu u daru t-territorju kollu, minn raħal għal raħal, jippritkaw l-aħbar tajba u jfejqu n-nies kullimkien.  Issa Erodi,* il-mexxej tad-distrett,* semaʼ dwar kulma kien qed jiġri. Hu kien imħawwad ħafna għax xi nies kienu qed jgħidu li Ġwanni ġie mqajjem mill-mewt.  Imma oħrajn bdew jgħidu li deher Elija, u jerġaʼ oħrajn bdew jgħidu li qam wieħed mill-profeti tal-qedem.  Erodi qal: “Lil Ġwanni qtajtlu rasu. Allura min hu dan li qed nismaʼ dwaru?” Għalhekk, hu kien qed ifittex opportunità biex jarah. 10  Meta l-appostli marru lura, huma qalu lil Ġesù dak kollu li kienu għamlu. Imbagħad hu ħadhom waħedhom f’belt jisimha Betsajda. 11  Imma meta l-folol saru jafu b’dan, marru warajh. Hu laqagħhom b’qalb tajba u beda jkellimhom dwar is-Saltna t’Alla u jfejjaq lil dawk li kienu morda. 12  Tard filgħaxija, it-Tnax qalu lil Ġesù: “Ibgħat lill-folla fl-irħula u l-kampanja tal-madwar biex isibu post fejn jorqdu u x’jieklu, għax hawnhekk imwarrab.” 13  Imma hu qalilhom: “Agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.” U wiġbuh: “Kulma għandna ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, sakemm ma mmorrux nixtru l-ikel għalihom kollha.” 14  Fil-fatt, kien hemm madwar 5,000 raġel. Imma hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Għidulhom joqogħdu bilqiegħda fi gruppi taʼ madwar 50.” 15  U hekk għamlu, u kulħadd poġġa. 16  Hu qabad il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, ħares lejn is-sema, u qal talba. Imbagħad qasamhom u beda jagħtihom lid-dixxipli tiegħu biex iqassmuhom lin-nies. 17  B’hekk kulħadd kiel u xebaʼ, u b’dak li kien fadal imlew 12-il qoffa. 18  Iktar tard, waqt li kien qed jitlob waħdu, id-dixxipli marru ħdejh, u hu staqsiehom: “Il-folol min qed jgħidu li jien?” 19  Huma wiġbuh: “Ġwanni l-Għammied, oħrajn qed jgħidu Elija, u jerġaʼ oħrajn qed jgħidu li qam wieħed mill-profeti tal-qedem.” 20  Imbagħad qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien?” Pietru wieġbu: “Kristu, il-Magħżul* t’Alla.” 21  Imbagħad hu qalilhom b’leħen sod biex ma jgħidu lil ħadd dwar dan. 22  Qalilhom ukoll: “Jien, Bin il-bniedem, se jkolli ngħaddi minn ħafna tbatija u m’iniex se niġi aċċettat mill-anzjani,* mill-qassisin importanti, u mill-iskribi. Ukoll, jien se ninqatel u niġi rxoxtat fit-tielet jum.” 23  Imbagħad kompla jgħid lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ma jridx jgħix iktar għalih innifsu, imma jrid jissaporti l-persekuzzjoni* ġurnata wara oħra u jibqaʼ miexi warajja. 24  Għax min jipprova jsalva ħajtu, imut, imma min imut minħabba li hu dixxiplu tiegħi, se jgħix. 25  Għax x’jiswa li bniedem ikollu l-affarijiet kollha tad-dinja imma jagħmel ħsara lilu nnifsu jew jitlef ħajtu? 26  Għax kull min jistħi jgħid li hu dixxiplu tiegħi u jistħi jgħid li jemmen kliemi, jien, Bin il-bniedem, se nistħi ngħid li hu dixxiplu tiegħi meta niġi bl-awtorità kbira tiegħi, taʼ Missieri, u tal-anġli qaddisa. 27  Imma naċċertakom li fostkom hemm min mhux se jmut qabel ma jara s-Saltna t’Alla qed tmexxi.” 28  Fil-fatt, xi tmint ijiem wara li qal dan, hu ħa lil Pietru, Ġwanni, u Ġakbu miegħu u telaʼ fuq il-muntanja jitlob. 29  Hekk kif kien qed jitlob, wiċċu ma baqax jidher l-istess u l-ħwejjeġ tiegħu saru bojod ħafna u bdew ileqqu. 30  F’daqqa waħda, dehru żewġt irġiel jitkellmu miegħu. Dawn kienu Mosè u Elija. 31  Huma kienu qed jiddu u bdew jitkellmu dwar meta se jitlaq u li dan kellu jsir dalwaqt f’Ġerusalemm. 32  Issa Pietru u dawk li kienu miegħu kienu qed jonogħsu, imma meta qamu huma raw lil Ġesù jiddi u liż-żewġt irġiel li kienu miegħu. 33  Hekk kif dawn kienu se jitilqu minn ħdejn Ġesù, Pietru qallu: “Għalliem, hu privileġġ għalina li qegħdin hawn. Ħallina narmaw tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Hu ma kienx jaf x’qed jgħid. 34  Imma kif kien qed jgħid hekk, ġiet sħaba li bdiet tgħattihom u huma bdew jibżgħu. 35  Imbagħad instemaʼ leħen minnha li qal: “Dan hu Ibni li jien għażilt. Isimgħu minnu.” 36  Hekk kif instemaʼ l-leħen, huma raw li Ġesù kien waħdu. Imma f’dak iż-żmien, huma ma qalu lil ħadd x’kienu raw. 37  L-għada, meta niżlu minn fuq il-muntanja, iltaqgħet miegħu folla kbira. 38  Raġel mill-folla għajjat: “Għalliem, nitolbok bil-ħniena biex tgħin lit-tifel tiegħi,* għax hu l-uniku wieħed li għandi. 39  Hu jiġi attakkat minn spirtu ħażin u f’daqqa waħda jibda jgħajjat. Dan iġiegħel lit-tifel jitriegħed ħafna* u joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, u bilkemm ikun irid joħroġ minnu anki wara li jkun weġġgħu. 40  Jien tlabt bil-ħniena lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh, imma ma setgħux.” 41  Ġesù wieġeb: “Ja nies* bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom u nissaportikom? Ġib it-tifel tiegħek għandi.” 42  Imma anki xħin kien riesaq, id-demonju tefgħu mal-art u ġiegħlu jitriegħed ħafna. Imma Ġesù kellem b’mod sod lill-ispirtu ħażin* u fejjaq lit-tifel. Imbagħad tah lura lil missieru. 43  Kulħadd baqaʼ mbellah bil-qawwa kbira t’Alla. Waqt li kienu għadhom qed jistagħġbu bl-affarijiet kollha li kien qed jagħmel, hu qal lid-dixxipli tiegħu: 44  “Isimgħu sew u ftakru dan il-kliem, għax jien, Bin il-bniedem, se niġi tradut u ningħata f’idejn l-għedewwa.” 45  Imma huma ma fehmux x’kien qed jgħidilhom, għax it-tifsira taʼ dak li qal kienet moħbija minnhom. Huma beżgħu jistaqsuh dwar dan. 46  Imbagħad id-dixxipli bdew jargumentaw bejniethom min minnhom hu l-aqwa. 47  Peress li Ġesù kien jaf x’għandhom f’qalbhom, hu ħa tifel żgħir, qiegħdu ħdejh, 48  u qalilhom: “Kull min jilqaʼ lil dan it-tifel żgħir minħabba fija, ikun qed jilqaʼ lili wkoll, u kull min jilqaʼ lili, ikun qed jilqaʼ lil dak li bagħatni wkoll. Għax kull min jaġixxi b’umiltà fostkom, ikun l-aqwa.” 49  Ġwanni qallu: “Għalliem, rajna lil xi ħadd ikeċċi d-demonji f’ismek u aħna pprovajna nwaqqfuh, għax mhux wieħed minna.” 50  Imma Ġesù wieġbu: “Tipprovawx twaqqfuh, għax min mhux kontra tagħkom hu magħkom.” 51  Meta kien qed joqrob iż-żmien li Ġesù jitlaʼ s-sema, hu ma ried iħalli xejn iżommu lura milli jmur Ġerusalemm. 52  Għalhekk, hu bagħat xi dixxipli qablu. Huma marru f’raħal fis-Samarija biex jippreparaw għal meta jasal. 53  Imma huma ma laqgħuhx, għax hu kien determinat li jmur Ġerusalemm. 54  Meta d-dixxipli Ġakbu u Ġwanni raw dan, huma qalu: “Mulej, trid li nitolbu biex jinżel nar mis-sema u jeqridhom?” 55  Imma hu dar lejhom u kkoreġiehom.* 56  Għalhekk, Ġesù u d-dixxipli tiegħu marru f’raħal ieħor. 57  Hekk kif kienu fi triqithom, xi ħadd qallu: “Jien se niġi warajk kull fejn tmur.” 58  Imma Ġesù qallu: “Il-volpijiet għandhom il-ħofor fejn jgħixu u l-għasafar għandhom il-bejtiet, imma jien, Bin il-bniedem, m’għandix dar tiegħi fejn norqod.”* 59  Imbagħad qal lil xi ħadd ieħor: “Kun dixxiplu tiegħi.” Ir-raġel wieġbu: “Mulej, ħallini mmur nidfen lil missieri l-ewwel.” 60  Imma hu qallu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom,* imma int mur u pprietka dwar is-Saltna t’Alla maʼ kullimkien.” 61  U ieħor qallu: “Jien niġi warajk Mulej, imma l-ewwel ħallini mmur ngħid lil tad-dar li se nitlaq.” 62  Ġesù qallu: “Ebda raġel li jpoġġi jdejh fuq il-moħriet u jħares lura ma jixraqlu li jidħol fis-Saltna t’Alla.”

Noti taʼ taħt

Jistaʼ jkun qed jirreferi għal bastun żejjed.
Letteralment “fidda.”
Jew “żewġ tibdiliet.”
Jiġifieri Erodi Antipa. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “it-tetrarka.”
Jew “il-Midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “tħares lejn ibni.”
Letteralment “iqabbad aċċessjonijiet lit-tifel.”
Letteralment “ġenerazzjoni.”
Letteralment “mhux nadif.”
Letteralment “ċanfarhom.”
Letteralment “m’għandi mkien fejn immidd rasi.”
Milli jidher jirreferi għal dawk mejta spiritwalment.