L-Aħbar Tajba Skont Mattew 1:1-25
1 Il-ktieb tal-istorja* dwar Ġesù Kristu,* dixxendent taʼ David, dixxendent taʼ Abraham:
2 Abraham kellu lil Iżakk;Iżakk kellu lil Ġakobb;Ġakobb kellu lil Ġuda u tfal oħra;
3 Ġuda kellu lil Pereż u lil Żeraħ minn Tamar;Pereż kellu lil Ħesron;Ħesron kellu lil Ram;
4 Ram kellu lil Għamminadab;Għamminadab kellu lil Naħson;Naħson kellu lil Salmon;
5 Salmon kellu lil Bogħaż minn Raħab;Bogħaż kellu lil Għobed minn Rut;Għobed kellu lil Ġesse;
6 Ġesse kellu lil David ir-re.
David kellu lil Salamun mill-mara taʼ Urija;
7 Salamun kellu lil Reħobogħam;Reħobogħam kellu lil Abija;Abija kellu lil Asa;
8 Asa kellu lil Ġeħosafat;Ġeħosafat kellu lil Ġeħoram;Ġeħoram kellu lil Użżija;
9 Użżija kellu lil Ġotam;Ġotam kellu lil Aħaż;Aħaż kellu lil Ħeżekija;
10 Ħeżekija kellu lil Manasse;Manasse kellu lil Amon;Amon kellu lil Ġosija;
11 Ġosija kellu lil Ġekonija u tfal oħra matul iż-żmien li ttieħdu f’Babilonja.
12 Wara li ttieħdu f’Babilonja, Ġekonija kellu lil Saltijel;Saltijel kellu lil Żerubbabel;
13 Żerubbabel kellu lil Abijud;Abijud kellu lil Eljakim;Eljakim kellu lil Għażor;
14 Għażor kellu lil Sadok;Sadok kellu lil Akim;Akim kellu lil Eljud;
15 Eljud kellu lil Elegħażar;Elegħażar kellu lil Mattan;Mattan kellu lil Ġakobb;
16 Ġakobb kellu lil Ġużeppi r-raġel taʼ Marija, li kellha lil Ġesù, li jgħidulu Kristu.
17 Mela, minn Abraham sa David kien hemm 14-il ġenerazzjoni, minn David sakemm ittieħdu f’Babilonja kien hemm 14-il ġenerazzjoni, u minn mindu ttieħdu f’Babilonja sa żmien Kristu kien hemm 14-il ġenerazzjoni.
18 Dan hu dak li ġara qabel twieled Ġesù Kristu: Marija kienet għarusa lil Ġużeppi, imma qabel ma żżewġu, hi ħarġet tqila permezz tal-ispirtu qaddis* t’Alla.
19 Madankollu, peress li żewġha* Ġużeppi kien raġel sewwa u ma riedx jikxifha man-nies, hu kellu l-ħsieb li jiddivorzjaha bil-moħbi.
20 Imma wara li ħaseb dwar dan, deherlu l-anġlu taʼ Ġeħova* f’ħolma u qallu: “Ġużeppi bin David, tibżax tieħu lil martek Marija d-dar, għax hi ħarġet tqila* permezz tal-ispirtu qaddis.
21 Hi se jkollha tifel, u int għandek issemmih Ġesù,* għax hu se jsalva lin-nies mid-dnubiet tagħhom.”
22 Dan kollu ġara biex iseħħ dak li qal Ġeħova* permezz tal-profeta tiegħu:
23 “Il-verġni se toħroġ tqila u jkollha tifel, u huma jsemmuh Emmanuwel,” li meta jiġi tradott ifisser “Alla Hu Magħna.”
24 Imbagħad Ġużeppi qam mill-irqad u għamel bħalma kien qallu l-anġlu taʼ Ġeħova,* u ħa lil martu d-dar.
25 Imma hu ma kellux relazzjoni sesswali magħha sakemm kellha t-tifel, u hu semmieh Ġesù.
Noti taʼ taħt
^ Jew “tal-ġenealoġija.”
^ Jew “il-Messija” jiġifieri l-wieħed midluk jew magħżul minn Alla.”
^ Jew “tal-qawwa attiva.”
^ Skont id-drawwa tal-Lhud, l-għarajjes kienu jitqiesu bħala miżżewġin.
^ Din hi l-ewwel darba minn 273 li jidher l-isem divin, Ġeħova, fil-versi tal-Iskrittura Griega Kristjana taʼ din il-Bibbja. Ara App. A5.
^ Jew “għax dak li tnissel fiha hu.”
^ Għandu x’jaqsam mal-isem Ebrajk Ġeswa, jew Ġożwè, li jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.”