Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù Kristu​—Il-​Messija Mwiegħed

Ġesù Kristu​—Il-​Messija Mwiegħed

APPENDIĊI

Ġesù Kristu​—Il-​Messija Mwiegħed

BIEX jgħinna nidentifikaw il-​Messija, Alla Ġeħova nebbaħ lil ħafna profeti fil-​Bibbja biex jipprovdu dettalji dwar it-​twelid, il-​ministeru, u l-​mewt taʼ dan il-​Ħellies imwiegħed. Dawn il-​profeziji Bibliċi kollha twettqu f’Ġesù Kristu. Huma eżatti u dettaljati b’mod taʼ l-​għaġeb. Biex nagħtu eżempju taʼ dan, ejja nikkunsidraw ftit profeziji li bassru ġrajjiet li kellhom x’jaqsmu mat-​twelid u t-​tfulija tal-​Messija.

Il-profeta Isaija bassar li l-​Messija kellu jkun dixxendent tas-​Sultan David. (Isaija 9:6 [9: 7, NW]) Ġesù tabilħaqq twieled fil-​linja taʼ David.​—Mattew 1:​1, 6-17.

Mikea, profeta ieħor t’Alla, bassar li dan it-​tifel kellu eventwalment isir ħakkiem u li kellu jitwieled f’“Betlehem taʼ Efrata.” (Mikea 5:1 [5:​2, NW]) Fiż-​żmien meta twieled Ġesù, kien hemm żewġt ibliet f’Iżrael li kien jisimhom Betlehem. Waħda kienet qrib Nazaret fir-​reġjun tan-​naħa taʼ fuq tal-​pajjiż, u l-​oħra, qrib Ġerusalemm f’Ġuda. Betlehem li kienet qrib Ġerusalemm qabel kienet tissejjaħ Efrata. Ġesù twieled f’dik il-​belt, preċiż bħalma bassret il-​profezija!​—Mattew 2:1.

Profezija oħra fil-​Bibbja bassret li l-​Iben t’Alla kellu jissejjaħ “mill-​Eġittu.” It-​tfajjel Ġesù ttieħed lejn l-​Eġittu. Hu nġab lura wara l-​mewt t’Erodi, u b’hekk wettaq il-​profezija.​—Hosegħa 11:1; Mattew 2:​15.

Fit-tabella f’paġna 200, l-​iskritturi mniżżlin taħt it-​titlu “Profezija” fihom dettalji dwar il-​Messija. Jekk jogħġbok qabbel dawn maʼ l-​iskritturi mniżżlin taħt it-​titlu “Twettiq.” Jekk tagħmel dan se tkompli ssaħħaħ il-​fidi tiegħek fil-​verità tal-​Kelma t’Alla.

Filwaqt li teżamina dawn l-​iskritturi, żomm f’moħħok li dawk minnhom li huma profeziji nkitbu mijiet taʼ snin qabel it-​twelid taʼ Ġesù. Ġesù stqarr: “Kulma hemm miktub dwari fil-​liġi taʼ Mosè u fil-​Profeti u fis-​Salmi jrid jitwettaq.” (Luqa 24:44) Bħalma int stess tistaʼ tikkonferma fil-​Bibbja tiegħek, dawn twettqu tabilħaqq​—u sa l-​inqas dettall!

[Tabella f’paġna 200]

PROFEZIJI DWAR IL-​MESSIJA

ĠRAJJA PROFEZIJA TWETTIQ

Imwieled fit-​tribù taʼ Ġuda Ġenesi 49:10 Luqa 3:23-33

Imwieled minn verġni Isaija 7:14 Mattew 1:18-25

Dixxendent tas-​Sultan David Isaija 9:6 Mattew 1:1,6-17

(9:7, NW)

Ġeħova jiddikjara li hu Ibnu Salm 2:7 Mattew 3:17

Ma jemmnux fih Isaija 53:1 Ġwanni 12:37, 38

Daħal Ġerusalemm riekeb Żakkarija 9:9 Mattew 21:1-9

fuq felu

Tradut minn ħabibu Salm 41:10 Ġwanni 13:18, 21-30

(41:9, NW)

Tradut għal 30 biċċa tal-​fidda Żakkarija 11:12 Mattew 26:14-16

Sieket quddiem min akkużah Isaija 53:7 Mattew 27:11-14

Ħwejġu tellgħuhom bix-​xorti Salm 22:18 Mattew 27:35

Mgħajjar fuq iz-​zokk Salm 22:8, 9 Mattew 27:39-43

tat-tortura (22:7, 8,NW)

Ebda għadma ma kissrulu Salm 34:21 Ġwanni 19:33, 36

(34:20, NW)

Midfun maʼ l-​għonja Isaija 53:9 Mattew 27:57-60

Imqajjem qabel it-​taħsir Salm 16:10 Atti 2:24, 27

Qiegħed fil-​leminija t’Alla Salm 110:1 Atti 7:56