Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb

Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb

Kapitlu Sbatax

Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb

Għala għandna nitolbu lil Alla?

Xi rridu nagħmlu biex Alla jismagħna?

Alla kif iwieġeb it-​talb tagħna?

1, 2. It-​talb għala għandna nqisuh bħala privileġġ kbir, u għala għandna bżonn inkunu nafu x’tgħallem il-​Bibbja dwaru?

IMQABBLA maʼ l-​univers immens, l-​art hija żgħira ħafna. Fil-​fatt, għal Ġeħova, “li għamel is-​sema u l-​art,” il-​ġnus taʼ bnedmin huma bħal qatra waħda minn barmil ilma. (Salm 115:15; Isaija 40:15) Madankollu, il-​Bibbja tgħid: “Qrib il-​Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-​sewwa. Jaqtgħalhom xewqithom ’il dawk li jibżgħu minnu, jismaʼ l-​għajta tagħhom, u jsalvahom.” (Salm 145:​18, 19) Immaġina ftit xi jfisser dan! Il-​Ħallieq li jistaʼ kollox hu qribna u jismagħna jekk aħna ‘nsejħulu fis-​sewwa.’ Xi privileġġ għandna li nersqu lejn Alla bit-​talb!

2 Madankollu, jekk irridu li Ġeħova jismaʼ talbna, jeħtieġ li nitolbu bil-​mod li hu japprova. Kif nistgħu nagħmlu dan jekk ma nifhmux dak li tgħallem il-​Bibbja dwar it-​talb? Huwa vitali li aħna nkunu nafu dak li tgħid l-​Iskrittura fuq dan is-​suġġett, għax it-​talb jgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova.

GĦALA NITOLBU LIL ĠEĦOVA?

3. X’inhi raġuni importanti waħda għala għandna nitolbu lil Ġeħova?

3 Raġuni importanti waħda għala għandna nitolbu lil Ġeħova hi li hu stess iħeġġiġna nagħmlu dan. Il-​Kelma tiegħu tinkuraġġina: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:​6, 7) Żgur li ma nkunux irridu ninjoraw provvediment ħanin bħal dan li l-​Ħakkiem Suprem taʼ l-​univers għamel għalina!

4. It-​talb regulari lil Ġeħova kif isaħħaħ ir-​relazzjoni tagħna miegħu?

4 Raġuni oħra għala għandna nitolbu hi li t-​talb li nitolbu regolarment lil Ġeħova se jsaħħilna r-​relazzjoni tagħna miegħu. Ħbieb veri ma jikkomunikawx biss meta jkollhom bżonn xi ħaġa. Pjuttost, ħbieb veri huma interessati f’xulxin, u l-​ħbiberija tagħhom tkompli tissaħħaħ iktar ma jesprimu liberament il-​ħsibijiet, it-​tħassib, u s-​sentimenti tagħhom. F’ċerti aspetti, l-​istess nistgħu ngħidu għar-​relazzjoni tagħna m’Alla Ġeħova. Bl-​għajnuna taʼ dan il-​ktieb, int sirt taf ħafna dwar dak li tgħallem il-​Bibbja dwar Ġeħova, il-​personalità tiegħu, u l-​iskopijiet tiegħu. Int sirt tafu bħala persuna vera. It-​talb jagħtik l-​opportunità li tesprimi l-​ħsibijiet u s-​sentimenti profondi tiegħek lil Missierek tas-​sema. Meta tagħmel hekk, int tersaq eqreb lejn Ġeħova.​—Ġakbu 4:8.

LIEMA ĦTIĠIJIET IRRIDU NWETTQU?

5. X’juri li Ġeħova ma jismax it-​talb kollu?

5 Jismaʼ Ġeħova kull xorta taʼ talb? Ikkunsidra dak li qal lill-​Iżraelin ribellużi fi żmien il-​profeta Isaija: “Ukoll jekk tkattru t-​talb, jien ma nismagħkomx, għax idejkom mimlija demm.” (Isaija 1:​15) Mela, minħabba ċerti affarijiet li nkunu qed nagħmlu Alla jistaʼ ma jismax it-​talb tagħna. Għaldaqstant, biex Alla jismaʼ talbna, aħna rridu nwettqu xi ħtiġijiet bażiċi.

6. Sabiex Alla jismaʼ talbna, liema ħtieġa essenzjali hemm, u kif nistgħu nwettquha?

6 Ħtieġa essenzjali hi li neżerċitaw fidi. (Marku 11:24) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew [lil Alla], għax min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Il-​fidi vera hija iktar milli sempliċement tkun taf li Alla jeżisti u li jismaʼ u jwieġeb it-​talb. L-​għemejjel tagħna jagħtu prova tal-​fidi tagħna. Irridu nagħtu evidenza ċara li għandna l-​fidi bil-​mod kif ngħixu ħajjitna kuljum.​—Ġakbu 2:​26.

7. (a) Għala għandna nuru rispett meta nitolbu lil Ġeħova? (b) Meta nitolbu lil Alla, kif nistgħu nuru l-​umiltà u s-​sinċerità?

7 Ġeħova jirrikjedi wkoll li dawk li jersqu lejh bit-​talb jagħmlu dan bl-​umiltà u s-​sinċerità. M’għandniex għalxiex inkunu umli meta nitkellmu maʼ Ġeħova? Meta n-​nies ikollhom opportunità jkellmu lil xi sultan jew president, huma ġeneralment jagħmlu dan bir-​rispett, billi jirrikonoxxu l-​pożizzjoni għolja li jkollu dak il-​ħakkiem. Mela, kemm iktar għandna nuru rispett meta nersqu lejn Ġeħova! (Salm 138:​6, Saydon) Fil-​fatt, hu “Alla li Jistaʼ Kollox.” (Ġenesi 35:11) Meta nitolbu lil Alla, il-​mod kif nersqu lejh għandu juri li aħna bl-​umiltà nirrikonoxxu l-​pożizzjoni tagħna quddiemu. Umiltà bħal din se tqanqalna wkoll biex nitolbu minn qalbna bis-​sinċerità, u nevitaw talb taʼ rutina u ripetut.​—Mattew 6:​7, 8.

8. Kif nistgħu naġixxu fi qbil maʼ dak li nitolbu għalih?

8 Ħtieġa oħra biex Alla jismaʼ talbna hi li rridu naġixxu fi qbil mat-​talb tagħna. Ġeħova jistenna li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex naħdmu għal dak li tlabna. Per eżempju, jekk nitolbu, “Agħtina llum ħobżna għal dan il-​jum,” irridu naħdmu iebes fi kwalunkwe xogħol li nsibu u li kapaċi nagħmlu. (Mattew 6:​11; 2 Tessalonikin 3:​10) Jekk nitolbu biex nirbħu xi dgħjufija li jkollna, irridu noqogħdu attenti li nevitaw ċirkustanzi u sitwazzjonijiet li jistgħu jdaħħluna fit-​tentazzjoni. (Kolossin 3:5) Barra minn dawn il-​ħtiġijiet bażiċi, hemm mistoqsijiet dwar it-​talb li għandna bżonn inkunu nafu t-​tweġiba għalihom.

INWIEĠBU XI MISTOQSIJIET DWAR IT-​TALB

9. Lil min għandna nitolbu, u permezz taʼ min?

9 Lil min għandna nitolbu? Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu lil “Missierna fis-​smewwiet.” (Mattew 6:9) Mela, it-​talb tagħna għandu jiġi indirizzat biss lil Alla Ġeħova. Madankollu, Ġeħova jitlob li aħna nirrikonoxxu l-​pożizzjoni taʼ l-​Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù Kristu. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 5, Ġesù ntbagħat fuq l-​art biex jagħti ruħu bħala fidwa ħalli jeħlisna mid-​dnub u l-​mewt. (Ġwanni 3:​16; Rumani 5:​12) Hu l-​Qassis il-​Kbir u Mħallef maħtur. (Ġwanni 5:​22; Ebrej 6:​20) Għaldaqstant, l-​Iskrittura tgħidilna biex noffru t-​talb tagħna permezz taʼ Ġesù. Hu stess qal: “Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) Sabiex it-​talb tagħna jinstemaʼ, irridu nitolbu biss lil Ġeħova permezz taʼ Ibnu.

10. Għala m’hemmx għalfejn noqogħdu f’xi pożizzjoni jew qagħda speċifika biex nitolbu?

10 Irridu noqogħdu f’xi pożizzjoni jew qagħda speċjali meta nitolbu? Le. Ġeħova ma jitlobx li noqogħdu f’xi pożizzjoni speċifika jew jgħidilna kif inpoġġu idejna. Il-​Bibbja tgħallem li hemm diversi pożizzjonijiet aċċettabbli kif wieħed jistaʼ jitlob. Dawn jinkludu li noqogħdu bil-​qiegħda, rasna baxxuta, għarkopptejna, u bil-​wieqfa. (1 Kronaki 17:16; Neħemija 8:​6, KŻ; Danjel 6:​11 [6:​10, NW]; Marku 11:25) L-​iktar ħaġa importanti m’hijiex li noqogħdu f’xi pożizzjoni speċjali biex kulħadd jistaʼ jarana, imma li jkollna attitudni xierqa f’qalbna. Fil-​fatt, matul il-​ħidma taʼ kuljum jew meta tinqalaʼ xi emerġenza, aħna nistgħu noffru talba f’qalbna nkunu fejn inkunu. Ġeħova jismaʼ dan it-​talb avolja dawk taʼ madwarna forsi lanqas biss jindunaw li nkunu qed nitolbu.​—Neħemija 2:​1-6.

11. X’inhuma xi ftit mill-​affarijiet persunali li nistgħu nitolbu dwarhom?

11 Għal xiex nistgħu nitolbu? Il-​Bibbja tispjega: “Kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu, hu [Ġeħova] jismagħna.” (1 Ġwanni 5:​14) Għalhekk, nistgħu nitolbu għal kull ħaġa li hi fi qbil mar-​rieda t’Alla. Hija r-​rieda tiegħu li nitolbu dwar affarijiet persunali? Dażgur! Meta nitolbu lil Ġeħova nkunu qisna qed nitkellmu maʼ ħabib tal-​qalb. Nistgħu nitkellmu ċar, u ‘niftħu qalbna’ m’Alla. (Salm 62:9 [62:​8, NW]) Huwa xieraq li nitolbuh għall-​ispirtu qaddis, għaliex dan se jgħinna nagħmlu dak li hu sewwa. (Luqa 11:13) Nistgħu nitolbuh ukoll għall-​gwida biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u għas-​saħħa biex inkampaw mad-​diffikultajiet. (Ġakbu 1:5) Meta nagħmlu xi dnub, għandna nitolbu l-​maħfra fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu. (Efesin 1:​3, 7) M’għandniex xi ngħidu, m’għandniex nitolbu biss dwar affarijiet persunali. Fit-​talb tagħna għandna ninkludu wkoll lil nies oħrajn​—membri tal-​familja, kif ukoll aduraturi sħabna.​—Atti 12:5; Kolossin 4:​12.

12. L-​affarijiet li jinvolvu lil Missierna tas-​sema kif nistgħu nagħtuhom l-​ewwel importanza fit-​talb tagħna?

12 L-​affarijiet li għandhom x’jaqsmu m’Alla Ġeħova għandna nagħtuhom l-​ewwel importanza fit-​talb tagħna. Ċertament li għandna għalfejn nesprimu tifħir u radd il-​ħajr minn qalbna għat-​tjubija kollha tiegħu. (1 Kronaki 29:​10-13) Ġesù tana t-​talba mudell, imniżżla f’Mattew 6:​9-13, li fiha hu għallimna nitolbu biex l-​isem t’Alla jiġi mqaddes, jiġifieri, meqjus bħala sagru, jew qaddis. Imbagħad semma biex tiġi s-​Saltna t’Alla u biex ir-​rieda tiegħu ssir fuq l-​art bħalma hi fis-​sema. Kien biss wara li semma dawn l-​affarijiet importanti li jinvolvu lil Ġeħova li Ġesù ffoka fuq il-​bżonnijiet persunali. Meta aħna bl-​istess mod nagħtu lil Alla l-​iktar post importanti fit-​talb tagħna, inkunu qed nuru li m’aħniex interessati biss fil-​ġid tagħna nfusna.

13. L-​Iskrittura x’tgħid dwar kemm għandu jkun twil it-​talb li Alla jaċċetta?

13 Kemm għandu jkun twil it-​talb tagħna? Il-​Bibbja ma tagħmel ebda limitu fuq kemm għandu jkun twil it-​talb persunali jew dak li jsir pubblikament. Dan jistaʼ jvarja minn talba qasira taʼ qabel l-​ikel għal talba twila li ngħidu fil-​privat biex niftħu qalbna maʼ Ġeħova. (1 Samwel 1:​12, 15) Madankollu, Ġesù kkundanna lil dawk l-​individwi li riduha taʼ tajbin u li kienu jagħmlu talb twil biex jidhru minn kulħadd. (Luqa 20:​46, 47) Talb bħal dan ma jimpressjonahx lil Ġeħova. L-​importanti hu li nitolbu minn qalbna. Għalhekk, it-​talb li Alla jaċċetta jistaʼ jkun twil skond il-​ħtiġijiet u ċ-​ċirkustanzi taʼ dak li jkun.

14. Il-​Bibbja xi trid tfisser meta tinkuraġġina biex ‘nitolbu kontinwament,’ u dan għala hu taʼ faraġ għalina?

14 Kemm-il darba għandna nitolbu? Il-​Bibbja tinkuraġġina biex ‘nitolbu kontinwament,’ biex ‘nipperseveraw fit-​talb,’ u biex ‘nitolbu bla waqfien.’ (Mattew 26:41; Rumani 12:12; 1 Tessalonikin 5:​17) M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li rridu nitolbu lil Ġeħova kull minuta tal-​ġurnata. Pjuttost, il-​Bibbja qed tħeġġiġna biex nitolbu regolarment, u rroddu ħajr lil Ġeħova kontinwament għat-​tjubija li juri magħna u nduru lejh għall-​gwida, il-​faraġ, u s-​saħħa. M’huwiex taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova ma jpoġġi ebda limitu fuq kemm għandu jkun twil it-​talb u kemm-il darba għandna nitolbuh? Jekk verament napprezzaw il-​privileġġ tat-​talb, aħna se nsibu ħafna opportunitajiet biex nitolbu lil Missierna tas-​sema.

15. Għala għandna ngħidu “Amen” fl-​aħħar tat-​talb persunali jew li jingħad pubblikament?

15 Għala għandna ngħidu “Amen” fl-​aħħar tat-​talba? Il-​kelma “amen” tfisser “żgur,” jew “hekk ikun.” Xi eżempji skritturali juru li hu xieraq li tgħid “Amen” wara talb persunali jew li jingħad pubblikament. (1 Kronaki 16:36; Salm 41:14 [41:​13, NW]) Meta ngħidu “Amen” fl-​aħħar tat-​talba tagħna stess, inkunu qed nikkonfermaw li dak li għedna għednieh bis-​sinċerità. Meta ngħidu “Amen”​—minn taħt l-​ilsien jew b’leħen għoli​—fl-​aħħar taʼ talba li tingħad minn ħaddieħor fil-​pubbliku, aħna nuru li qed naqblu mal-​ħsibijiet taʼ min ikun qal it-​talba.​—1 Korintin 14:16.

KIF ALLA JWIEĠEB TALBNA

16. X’fiduċja jistaʼ jkollna rigward it-​talb?

16 Ġeħova tassew iwieġeb it-​talb? Dażgur li jwieġbu! Għandna bażi soda għalfejn inkunu fiduċjużi li Dak ‘li jismaʼ talbna’ jwieġeb it-​talb sinċier li joffru miljuni taʼ nies. (Salm 65:3 [65:​2, NW]) Ġeħova jistaʼ jwieġeb it-​talb tagħna b’diversi modi.

17. Għala jistaʼ jingħad li Alla juża l-​anġli u l-​qaddejja tiegħu fuq l-​art biex iwieġeb talbna?

17 Ġeħova juża l-​anġli u l-​qaddejja tiegħu fuq l-​art biex iwieġeb it-​talb. (Ebrej 1:​13, 14) Kien hemm ħafna esperjenzi taʼ individwi li talbu lil Alla jagħtihom l-​għajnuna ħalli jifhmu l-​Bibbja u ftit wara ġew kuntattjati mill-​qaddeja taʼ Ġeħova. Esperjenzi bħal dawn juru li l-​anġli qegħdin jidderieġu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. (Rivelazzjoni 14:6) Biex iwieġeb it-​talb tagħna meta nkunu verament fil-​bżonn, Ġeħova għandu mnejn iqanqal lil xi Kristjan biex jagħtina l-​għajnuna.​—Proverbji 12:25; Ġakbu 2:​16.

18. Ġeħova kif juża l-​ispirtu qaddis tiegħu u l-​Kelma tiegħu biex iwieġeb it-​talb tal-​qaddejja tiegħu?

18 Alla Ġeħova juża wkoll l-​ispirtu qaddis tiegħu u l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, biex iwieġeb it-​talb tal-​qaddejja tiegħu. Hu għandu mnejn iwieġeb it-​talb tagħna għall-​għajnuna biex inkampaw mal-​provi billi jagħtina l-​gwida u s-​saħħa permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu. (2 Korintin 4:7) Spiss it-​tweġiba għat-​talb tagħna għall-​gwida tiġi mill-​Bibbja, li permezz tagħha Ġeħova jagħtina l-​għajnuna biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Skritturi li huma t’għajnuna nistgħu nsibuhom waqt li nkunu qed nagħmlu l-​istudju persunali tagħna mill-​Bibbja u meta naqraw il-​pubblikazzjonijiet Kristjani, bħalma hu dan il-​ktieb. Forsi jolqtuna xi punti skritturali li jissemmew f’xi laqgħa Kristjana jew fil-​kummenti taʼ xi anzjan fil-​kongregazzjoni li jixtiqilna l-​ġid.​—Galatin 6:1.

19. X’għandna nżommu f’moħħna jekk jidher li t-​talb tagħna xi drabi ma jiġix imwieġeb?

19 Jekk naħsbu li Ġeħova qed idum biex iwieġeb it-​talb tagħna, dan qatt ma jkun għaliex ma jistax iwieġbu. Minflok, irridu niftakru li Ġeħova jwieġeb it-​talb skond ir-​rieda tiegħu u fil-​waqt tiegħu. Hu jaf il-​bżonnijiet tagħna u kif jieħu ħsiebhom iktar milli nafu aħna. Spiss hu jħallina ‘nibqgħu nitolbu, infittxu, u nħabbtu.’ (Luqa 11:​5-10) Perseveranza bħal din turi lil Alla li x-​xewqa tagħna hija kbira ħafna u li l-​fidi tagħna hija ġenwina. Barra minn hekk, Ġeħova jistaʼ jwieġeb it-​talb tagħna b’mod li ma jkunx daqshekk ovvju għalina. Per eżempju, hu jistaʼ jwieġeb it-​talba tagħna rigward xi prova partikulari, mhux billi jneħħi l-​problema, imma billi jagħtina s-​saħħa biex nissaportuha.​—Filippin 4:​13.

20. Għala għandna nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​privileġġ prezzjuż tat-​talb?

20 Kemm għandna għalxiex inkunu grati li l-​Ħallieq taʼ dan l-​univers immens hu qrib dawk kollha li jsejħulu kif jixraq bit-​talb! (Salm 145:18) Jalla nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​privileġġ prezzjuż tat-​talb. Jekk nagħmlu hekk, se jkollna l-​prospett hieni li nersqu dejjem eqreb lejn Ġeħova, Dak li jismaʼ talbna.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ Il-​fatt li nitolbu regolarment lil Ġeħova jgħinna nersqu eqreb lejh.​—Ġakbu 4:8.

▪ Biex Alla jismaʼ talbna, aħna rridu nitolbu bil-​fidi, bl-​umiltà, u bis-​sinċerità.​—Marku 11:24.

▪ Irridu nitolbu biss lil Ġeħova permezz taʼ Ibnu.​—Mattew 6:9; Ġwanni 14:6.

▪ Ġeħova, Dak ‘li jismaʼ talbna,’ juża l-​anġli tiegħu, il-​qaddejja tiegħu fuq l-​art, l-​ispirtu qaddis tiegħu, u l-​Kelma tiegħu biex iwieġeb it-​talb.​—Salm 65:2 (65:3, NW).

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 165]

Dak “li għamel is-​sema u l-​art” lest li jismaʼ talbna

[Stampi f’paġna 171]

It-​talb tiegħek jistaʼ jkun mismugħ fi kwalunkwe okkażjoni

[Stampa f’paġna 172, 173]

Bi tweġiba għat-​talb tagħna, Ġeħova jistaʼ jqanqal lil xi Kristjan biex jgħinna