Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU TLIETA U GĦOXRIN

Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra

Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra

1. Liema setaʼ kien l-​agħar mument fil-​ħajja taʼ Pietru?

PIETRU qatt ma kien se jinsa dak il-​mument ikrah meta hu u Ġesù ħarsu fiss f’għajnejn xulxin. Ra Pietru xi ħjiel taʼ diżappunt jew taʼ ċanfir fil-​ħarsa taʼ Ġesù? Ma nistgħux inkunu ċerti; ir-​rakkont ispirat jgħid biss li “l-​Mulej dar u ħares lejn Pietru.” (Lq. 22:61) Imma f’dik il-​ħarsa Pietru ra s-​serjetà tan-​nuqqas tiegħu stess. Hu ntebaħ li kien għadu kif għamel proprju dik il-​ħaġa li kien bassar Ġesù, dik il-​ħaġa li Pietru kien insista li qatt ma kien se jagħmel—hu kien ċaħad lill-​għażiż Sidu. Kien mument ikrah għal Pietru, x’aktarx l-​agħar mument tal-​agħar ġurnata taʼ ħajtu.

2. Pietru kellu bżonn jitgħallem liema lezzjoni, u kif nistgħu nibbenefikaw mill-​istorja tiegħu?

2 Xorta waħda, din is-​sitwazzjoni ma kinitx waħda bla tama għal Pietru. Peress li Pietru kien raġel taʼ fidi kbira, hu kien għad għandu opportunità li jirkupra mill-​iżbalji tiegħu u li jitgħallem waħda mill-​iktar tagħlimiet importanti taʼ Ġesù. Din kellha x’taqsam mal-​maħfra. Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nieħdu l-​istess tagħlima. Għalhekk, ejja naraw kif Pietru tgħallem din it-​tagħlima diffiċli.

Raġel li Kellu Ħafna X’Jitgħallem

3, 4. (a) Pietru liema mistoqsija għamillu lil Ġesù, u Pietru x’għandu mnejn ħaseb? (b) Ġesù kif wera li Pietru kien ġie influwenzat mill-​attitudni komuni taʼ dak iż-​żmien?

3 Madwar sitt xhur qabel, f’Kafarnahum, raħal twelidu, Pietru avviċina lil Ġesù u staqsieh: “Mulej, kemm-​il darba jistaʼ ħija jidneb kontrija u naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?” Pietru x’aktarx li ħaseb li kien qed ikun ġeneruż. Wara kollox, il-​mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-​żmien kienu jgħallmu li wieħed kellu jaħfer sa tliet darbiet biss! Ġesù wieġbu u qallu li mhux “Sa sebaʼ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba.”—Mt. 18:21, 22.

4 Ried Ġesù jgħid li Pietru kellu jżomm kont bl-​eżatt tal-​azzjonijiet taʼ dawk li jonqsuh? Le; minflok, billi dawwar is-​sebgħa taʼ Pietru f’77, ried jgħid li l-​imħabba ma tqiegħed ebda limitu għal kemm wieħed għandu jaħfer. (1 Kor. 13:4, 5) Ġesù wera li Pietru kien ġie influwenzat mill-​attitudni komuni taʼ dak iż-​żmien, jiġifieri, li wieħed ikollu qalbu xierfa u ma jaħfirx. Din l-​attitudni kienet iġġiegħel li dak li jkun iżomm kont, bħallikieku fuq xi reġistru, taʼ kemm-​il darba jaħfer. Iżda, Alla jaħfer bil-​kbir u b’mod ġeneruż.Aqra l-​ 1 Ġwanni 1:7-​9.

5. Meta nistgħu nitgħallmu l-​iktar dwar il-​maħfra?

5 Pietru ma qagħadx iħaqqaqha maʼ Ġesù. Imma, it-​tagħlima taʼ Ġesù tassew laħqitlu qalbu? Kultant nitgħallmu l-​iktar dwar il-​maħfra meta nindunaw kemm verament għandna bżonnha aħna stess. Mela, ejja nagħtu ħarsa lejn il-​ġrajjiet li wasslu għall-​mewt taʼ Ġesù. F’dawk is-​sigħat diffiċli, Pietru għamel ħafna affarijiet li kienu jirrikjedu l-​maħfra taʼ Sidu.

Tiżdied il-​Ħtieġa għall-​Maħfra

6. Pietru kif irreaġixxa meta Ġesù pprova jgħallem lill-​appostli dwar l-​umiltà, u madankollu Ġesù kif ittrattah?

6 Kienet lejla speċjali—l-​aħħar lejl taʼ Ġesù fuq l-​art. Ġesù kien għad għandu ħafna affarijiet x’jgħallimhom lill-​appostli tiegħu—fosthom dwar l-​umiltà. Ġesù ħalla eżempju billi b’mod umli ħaslilhom saqajhom. Dan kien xogħol li normalment kien jingħata lill-​inqas wieħed mill-​qaddejja. Għall-​ewwel, Pietru ddubita l-​azzjonijiet taʼ Ġesù. Imbagħad irrifjuta din l-​azzjoni u iktar tard insista li minbarra saqajh, Ġesù jaħsillu wkoll idejh u rasu! Ġesù ma tilifx il-​paċenzja, iżda bil-​kalma spjega l-​importanza u t-​tifsir taʼ dak li kien qed jagħmel.—Ġw. 13:1-​17.

7, 8. (a) Pietru b’liema modi kompla jġarrab il-​paċenzja taʼ Ġesù? (b) Ġesù kif kompla juri attitudni taʼ qalb tajba u taʼ maħfra?

7 Ftit wara dan, Pietru kompla jġarrab il-​paċenzja taʼ Ġesù. L-​appostli bdew jikkustinjaw bejniethom dwar min minnhom kien l-​akbar u Pietru ċertament li kien involut f’din l-​imġiba taʼ kburija umana li hi taʼ għajb. Xorta waħda, Ġesù kkoreġiehom bil-​kelma t-​tajba u saħansitra faħħarhom għat-​tajjeb li kienu għamlu, jiġifieri, għal-​lealtà li wrew lejn Sidhom. Iżda hu bassar li lkoll kemm huma kienu se jabbandunawh. Pietru wieġeb u qal li kien se jżomm il-​lealtà tiegħu lejn Ġesù, anki kieku kellu jiffaċċja l-​mewt. Għall-​kuntrarju, Ġesù pprofetizza li, proprju dak il-​lejl stess, Pietru kellu jiċħad lil Sidu tliet darbiet qabel ma s-​serduq kellu jidden darbtejn. Imbagħad Pietru mhux talli miera lil Ġesù, imma talli ftaħar li kien se jkun iktar leali mill-​appostli l-​oħrajn kollha!—Mt. 26:31-​35; Mk. 14:27-​31; Lq. 22:24-​28; Ġw. 13:36-​38.

8 Kien Ġesù kważi se jitlef il-​paċenzja maʼ Pietru? Fil-​fatt, matul dan iż-​żmien diffiċli, Ġesù baqaʼ jfittex it-​tajjeb fl-​appostli tiegħu li kienu imperfetti. Avolja kien jaf li Pietru kien se jonqsu, xorta waħda qallu: “Jien tlabt bil-​ħerqa għalik biex il-​fidi tiegħek ma tonqosx; u int, meta terġaʼ tiġi lura, saħħaħ lil ħutek.” (Lq. 22:32) B’hekk, Ġesù qal li kien fiduċjuż li Pietru kien se jdur lura minn dan l-​iżball u jerġaʼ jibda jaqdi fedelment. X’attitudni taʼ qalb tajba u taʼ maħfra!

9, 10. (a) Fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, Pietru liema korrezzjoni kellu bżonn? (b) Il-​każ taʼ Pietru fiex jistaʼ jfakkarna?

9 Iktar tard, fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, Pietru kellu bżonn jiġi koreġut iktar minn darba. Ġesù talab lilu kif ukoll lil Ġakbu u lil Ġwanni biex jibqgħu għassa waqt li Hu kien qed jitlob. Ġesù kien f’agunija emozzjonali u kellu bżonn l-​appoġġ, iżda Pietru u l-​oħrajn kull darba bdew jorqdu. Ġesù għamel din l-​istqarrija li wriet empatija u maħfra: “Naturalment, l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.”—Mk. 14:32-​41.

10 Ma damitx wisq ma waslet ċorma nies bit-​torċi f’idejhom u armati bis-​sjuf u l-​bsaten. Dan kien il-​waqt biex l-​appostli jaġixxu b’attenzjoni u b’għaqal. Madankollu, bla ma qagħad jaħsibha, Pietru aġixxa billi xejjer sejf lejn ras Malku, wieħed mill-​qaddejja tal-​qassis il-​kbir, u qatagħlu widintu barra. Bil-​kalma, Ġesù kkoreġa lil Pietru, fejjaq il-​ferita, u spjega prinċipju kontra l-​vjolenza li għadu jiggwida lis-​segwaċi Tiegħu sal-​ġurnata tal-​lum. (Mt. 26:47-​55; Lq. 22:47-​51; Ġw. 18:10, 11) Pietru kien diġà għamel ħafna żbalji li kienu jirrikjedu l-​maħfra taʼ Sidu. Il-​każ tiegħu għandu mnejn ifakkarna li lkoll nidinbu spiss. (Aqra Ġakbu 3:2.) Min minna m’għandux bżonn il-​maħfra t’Alla kull ġurnata li tgħaddi? Iżda lil Pietru kienu se jiġrulu iktar affarijiet matul dak il-​lejl. Il-​kbir kien għadu ġej.

L-​Agħar Nuqqas taʼ Pietru

11, 12. (a) Pietru kif wera xi ftit tal-​kuraġġ wara li Ġesù ġie arrestat? (b) Pietru kif naqas milli jagħmel dak li qal li kien se jagħmel?

11 Ġesù qal lil din iċ-​ċorma nies li ladarba kienu qed ifittxu lilu, kellhom iħalluhom jitilqu lill-​appostli. Waqt li dawn in-​nies bdew jorbtu lil Ġesù, Pietru qagħad josserva bla ma setaʼ jagħmel xejn. Imbagħad Pietru ħarab bħalma għamlu wkoll l-​appostli l-​oħrajn.

12 Huma u jaħarbu, Pietru u Ġwanni waqfu, x’aktarx ħdejn id-​dar taʼ dak li qabel kien il-​qassis il-​kbir jismu Anna. Kien hawnhekk li Ġesù kien ġie interrogat għall-​ewwel darba. Hekk kif Ġesù ttieħed minn hemmhekk, Pietru u Ġwanni segwewh iżda “mill-​bogħod.” (Mt. 26:58; Ġw. 18:12, 13) Pietru ma kienx beżżiegħ. Żgur li kien jeħtieġ xi ftit tal-​kuraġġ biex wieħed isegwi lil Ġesù. In-​nies kienu armati, u Pietru kien diġà weġġaʼ lil wieħed minnhom. Madankollu, fl-​eżempju taʼ Pietru aħna ma narawx it-​tip taʼ mħabba leali li hu nnifsu kien stqarr li għandu, jiġifieri, li jekk hemm bżonn ikun lest li jmut maʼ Sidu.—Mk. 14:31.

13. Liema hu l-​uniku mod kif insegwu lil Kristu b’mod xieraq?

13 Bħal Pietru, ħafna nies illum jipprovaw isegwu lil Kristu “mill-​bogħod”—b’tali mod li ħadd iktar ma jinduna. Imma bħalma kiteb Pietru nnifsu ftit wara, l-​uniku mod kif għandna nsegwu lil Kristu b’mod xieraq hu li nżommu qrib Tiegħu kemm jistaʼ jkun billi nimitaw l-​eżempju Tiegħu f’kollox, ikunu xi jkunu l-​konsegwenzi.—Aqra l-​1 Pietru 2:21.

14. Pietru kif qattaʼ l-​lejl waqt li Ġesù kien għaddej ġuri?

14 Pietru segwa b’attenzjoni lil dawk li ħadu lil Ġesù sakemm wasal sal-​kanċell taʼ waħda mill-​iktar djar kbar u li jolqtu l-​għajn li kien hemm f’Ġerusalemm. Kienet id-​dar taʼ Kajfa, il-​qassis il-​kbir li kien għani u setgħan. Dawn id-​djar normalment kienu jkunu mibnijin madwar bitħa u b’kanċell fuq quddiem. Pietru wasal ħdejn il-​kanċell u ma tħalliex jidħol. Ġwanni, li kien jaf lill-​qassis il-​kbir u kien diġà ġewwa, ġie u ġiegħel lill-​għassies tal-​bieb iħalli lil Pietru jidħol. Milli jidher, Pietru ma qagħadx ħdejn Ġwanni, u lanqas ma pprova jidħol fid-​dar biex ikun maġenb Sidu. Hu baqaʼ fil-​bitħa, fejn xi lsiera u qaddejja kienu qed iqattgħu dawk is-​sigħat fis-​sirda tal-​lejl quddiem nar iħeġġeġ, josservaw hekk kif ix-​xhieda foloz li kienu kontra Ġesù bdew deħlin u ħerġin matul il-​ġuri li kien għaddej ġewwa.—Mk. 14:54-​57; Ġw. 18:15, 16, 18.

15, 16. Spjega kif twettqet il-​profezija taʼ Ġesù dwar tliet ċaħdiet.

15 It-​tfajla li kienet fetħet il-​kanċell biex jidħol Pietru setgħet tarah aħjar fid-​dawl tan-​nar. Hi għarfitu u akkużatu billi qaltlu: “Int ukoll kont maʼ Ġesù l-​Galilew!” Peress li nqabad fuq sieq waħda, Pietru ċaħad li kien jaf lil Ġesù u saħansitra għamel tabirruħu li ma fehemx fuqiex kienet qed titkellem it-​tfajla. Hu mar bilwieqfa maġenb il-​kanċell u pprova ma jagħtix fl-​għajn, iżda tfajla oħra indunat bih u stqarret l-​istess ħaġa: “Dan ir-​raġel kien maʼ Ġesù n-​Nazzarenu.” Pietru ħalef: “Ma nafux lil dak ir-​raġel!” (Mt. 26:69-​72; Mk. 14:66-​68) X’aktarx li kien wara din it-​tieni ċaħda li Pietru semaʼ s-​serduq jidden, iżda kien wisq aljenat biex jiftakar fil-​profezija li kien bassar Ġesù proprju ftit sigħat qabel.

16 Ftit ħin wara, Pietru tagħtu rasu u pprova jaħrab l-​attenzjoni tan-​nies. Iżda resaq lejh grupp taʼ nies li kienu weqfin madwar il-​bitħa. Wieħed minnhom kien jiġi minn Malku, l-​ilsir li kien ġie ferut minn Pietru. Hu qal lil Pietru: “Ma rajtekx fil-​ġnien miegħu?” Pietru ħass li ried jikkonvinċihom li ma kellhomx raġun. Għalhekk, hu ħalef u milli jidher qal li jekk kien qed jigdeb taqaʼ saħta fuqu. Din kienet it-​tielet ċaħda taʼ Pietru. Lanqas kien laħaq spiċċa l-​kelma li ma nstemax is-​serduq jidden—it-​tieni wieħed li Pietru kien semaʼ jidden dak il-​lejl.—Ġw. 18:26, 27; Mk. 14:71, 72.

“Il-Mulej dar u ħares lejn Pietru”

17, 18. (a) Pietru kif irreaġixxa meta ntebaħ kemm kien naqsu bl-​ikrah lil Sidu? (b) Pietru x’setaʼ ħaseb?

17 Ġesù kien għadu kemm ħareġ f’gallarija li kienet tagħti għall-​bitħa. Kien f’dan il-​mument, deskritt fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu, li għajnejn Ġesù ħarsu fiss f’għajnejn Pietru. Dak il-​ħin, Pietru ntebaħ kemm kien naqas lil Sidu bil-​kbir. Pietru telaq mill-​bitħa, mifni minħabba l-​ħtija li ħass. Hu rħielha jimraħ fit-​toroq tal-​belt imdawlin mill-​qamar kwinta li kien qed jgħib. Għajnejh imtlew bid-​dmugħ għax beda jġib ix-​xeni quddiem għajnejh. Hu nfexx jibki biki taʼ mrar.—Mk. 14:72; Lq. 22:61, 62.

18 Hu faċli ħafna li wara żball bħal dan, individwu jassumi li d-​dnub tiegħu hu gravi wisq biex ikun jistaʼ jinħafer. Jistaʼ jkun li Pietru hekk ħaseb. Setaʼ Pietru jingħata maħfra?

Kien Pietru Jistħoqqlu Maħfra?

19. Pietru kif żgur li ħassu dwar in-​nuqqas tiegħu, u madankollu kif nafu li ma ddisprax?

19 Huwa diffiċli timmaġina kemm Pietru ħassu mweġġaʼ hekk kif beda jbexbex u bdew iseħħu l-​ġrajjiet tal-​ġurnata. Min jaf kemm ċanfar lilu nnifsu meta Ġesù miet iktar tard dakinhar, wara sigħat sħaħ taʼ turment! Pietru żgur li kien iħossu mifni kull meta jaħseb dwar kemm kien ġiegħel lil Sidu jħossu iktar imweġġaʼ f’dak li kien l-​aħħar jum tal-​ħajja Tiegħu bħala bniedem. Għalkemm in-​niket tiegħu kien kbir, Pietru ma qatax qalbu u ma ddisprax. Aħna nafu dan għax wara ftit insibuh mill-​ġdid fil-​kumpanija taʼ ħutu spiritwali. (Lq. 24:33) Bla dubju, l-​appostli kollha ddispjaċiehom għal kif kienu ġabu ruħhom f’dak il-​lejl kiefer u kienu xi ftit jew wisq taʼ faraġ għal xulxin.

20. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li għamel Pietru f’waħda mill-​iktar deċiżjonijiet għaqlin li qatt ħa?

20 Sa ċertu punt, hawnhekk naraw lil Pietru jieħu waħda mill-​iktar deċiżjonijiet għaqlin li qatt ħa. Meta qaddej t’Alla jiżbalja, dak li jgħodd mhuwiex kemm ikun gravi l-​iżball tiegħu, imma kemm hu determinat li jerġaʼ jirkupra sabiex jirranġa l-​affarijiet. (Aqra Proverbji 24:16.) Pietru wera fidi ġenwina billi ssieħeb maʼ ħutu avolja kien qed iħossu dipress. Meta tħossok imtaqqal b’xi niket jew dispjaċir, tiġik it-​tentazzjoni li tinqataʼ għalik waħdek, iżda dan hu perikoluż. (Prov. 18:1) Ikun għaqli li tibqaʼ qrib sħabek fit-​twemmin u terġaʼ tikseb is-​saħħa spiritwali.—Ebr. 10:24, 25.

21. Peress li kien inġabar maʼ ħutu spiritwali, Pietru liema aħbar semaʼ?

21 Peress li kien maʼ ħutu spiritwali, Pietru semaʼ bl-​aħbar xokkanti li l-​ġisem taʼ Ġesù ma kienx fil-​qabar. Pietru u Ġwanni marru jiġru lejn il-​qabar fejn Ġesù kien ġie midfun u d-​daħla kienet ġiet siġillata. L-​ewwel wasal Ġwanni, li x’aktarx kien iżgħar fl-​età. Meta sab id-​daħla tal-​qabar miftuħa, waqaf ħesrem. Iżda Pietru le. Għalkemm kellu nifsu maqtugħ bil-​ġiri, hu baqaʼ dieħel ġewwa. Il-​qabar kien vojt!—Ġw. 20:3-​9.

22. X’ġiegħel li jgħib kull ħjiel taʼ niket u dubju f’qalb Pietru?

22 Emmen Pietru li Ġesù kien ġie rxoxtat? Għall-​ewwel le, avolja xi nisa leali wasslu l-​aħbar li dehrulhom l-​anġli biex iħabbru li Ġesù kien qam mill-​mewt. (Lq. 23:55–24:11) Imma sa tmiem dik il-​ġurnata, kien għab kull ħjiel taʼ niket u dubju f’qalb Pietru. Issa Ġesù kien ħaj bħala spirtu setgħan! Hu deher lill-​appostli kollha tiegħu. Iżda, hu għamel xi ħaġa oħra qabel, xi ħaġa privata. Dakinhar l-​appostli qalu: “Il-​Mulej il-​veru ġie mqajjem u deher lil Xmun!” (Lq. 24:34) B’mod simili, iktar tard l-​appostlu Pawlu kiteb dwar dik il-​ġurnata speċjali meta Ġesù “deher lil Kefa, imbagħad lit-​tnax.” (1 Kor. 15:5) Kefa u Xmun huma ismijiet oħrajn għal Pietru. Ġesù deherlu dakinhar—milli jidher, meta Pietru kien waħdu.

Pietru kien għamel ħafna żbalji li kienu jirrikjedu l-​maħfra taʼ Sidu, imma min minna ma jeħtieġx il-​maħfra kuljum?

23. Illum, il-​Kristjani li jidinbu għala jkollhom bżonn jiftakru fil-​każ taʼ Pietru?

23 Il-​Bibbja ma tagħtix dettalji dwar il-​ġrajja kommoventi taʼ meta reġgħu ltaqgħu Ġesù u Pietru. Nistgħu biss nimmaġinaw kemm ħassu kommoss Pietru meta reġaʼ ra lill-​għażiż Sidu ħaj, u li kellu l-​opportunità jesprimi d-​dispjaċir u l-​indiema tiegħu. Pietru ma xtaq xejn ħlief il-​maħfra. Min jistaʼ jiddubita li Ġesù ħafirlu, u li għamel dan b’mod ġeneruż? Illum, il-​Kristjani li jaqgħu fid-​dnub iridu jiftakru fil-​każ taʼ Pietru. Qatt m’għandna nassumu li ma jistħoqqilniex maħfra mingħand Alla. Ġesù jirrifletti perfettament lil Missieru, li “jaħfer bil-​kbir.”—Is. 55:7.

Iktar Evidenza taʼ Maħfra

24, 25. (a) Iddeskrivi l-​lejl li qattaʼ Pietru jistad fil-​Baħar tal-​Galilija. (b) L-​għada filgħodu, x’kienet ir-​reazzjoni taʼ Pietru għall-​miraklu taʼ Ġesù?

24 Ġesù qal lill-​appostli tiegħu biex imorru l-​Galilija fejn kellhom jerġgħu jiltaqgħu miegħu. Meta waslu, Pietru qatagħha li joħroġ jistad fuq il-​Baħar tal-​Galilija. Miegħu marru bosta oħrajn. Għal darb’oħra, Pietru sab ruħu fuq l-​għadira fejn kien qattaʼ ħafna mis-​snin bikrin tiegħu. Żgur li kien familjari sew maż-​żaqżiq tad-​dgħajsa, maċ-​ċafċif tal-​mewġ, u max-​xbieki li kienu jinħassu ħorox f’idejh, u dawn kienu taʼ wens għalih. Imma dak il-​lejl ma qabdux ħut.—Mt. 26:32; Ġw. 21:1-​3.

Pietru qabeż minn fuq id-dgħajsa u għam sax-xatt

25 Iżda maż-​żerniq kien hemm individwu li għajtilhom mix-​xatt u ħeġġeġ lis-​sajjieda biex jitfgħu x-​xbieki tagħhom fuq in-​naħa l-​oħra tad-​dgħajsa. Hekk għamlu u tellgħu qabda ġmielha taʼ 153 ħuta! Pietru kien jaf min kien dan l-​individwu. Hu qabeż mid-​dgħajsa u għam sax-​xatt. Fuq ix-​xatt, Ġesù ta ikla ħut imsajjar fuq il-​faħam lil ħbiebu leali. Hu dawwar l-​attenzjoni lejn Pietru.—Ġw. 21:4-​14.

26, 27. (a) Ġesù liema opportunità tah għal tliet darbiet lil Pietru? (b) Ġesù pprovda liema prova taʼ kif ħafer għalkollox lil Pietru?

26 Ġesù staqsa lil Pietru jekk kienx iħobb lil Sidu “iktar minn dawn”—ovvjament hu kien qed jirreferi għall-​qabda kbira taʼ ħut. Kienet l-​imħabba li Pietru kellu f’qalbu għan-​negozju tas-​sajd tħabbatha mal-​imħabba li kellu għal Ġesù? Sewwasew bħalma Pietru kien ċaħad lil Sidu tliet darbiet, Ġesù issa tah l-​opportunità li jerġaʼ jiddikjara mħabbtu għal tliet darbiet quddiem sħabu. Hekk kif Pietru għamel dan, Ġesù qallu kif juri din l-​imħabba: billi jpoġġi s-​servizz sagru l-​ewwel u qabel kollox, u jitmaʼ, isaħħaħ, u jirgħa lill-​merħla taʼ Kristu, is-​segwaċi leali Tiegħu.—Lq. 22:32; Ġw. 21:15-​17.

27 B’hekk, Ġesù kkonferma li Pietru kien għadu utli għalih u għal Missieru. Pietru kien se jkollu rwol prezzjuż fil-​kongregazzjoni taħt id-​direzzjoni taʼ Kristu. Xi prova ċara li Ġesù kien ħafirlu għalkollox! Din il-​ħniena żgur li messet qalb Pietru, u ħalliet effett kbir fuqu.

28. Pietru b’liema mod sar bħal blata, fi qbil mat-​tifsira taʼ ismu?

28 Pietru wettaq l-​inkarigu tiegħu b’fedeltà għal bosta snin. Hu saħħaħ lil ħutu, bħalma kien ordna Ġesù lejliet dakinhar li miet Hu. Pietru ħadem b’qalb tajba u bil-​paċenzja f’li jirgħa u jitmaʼ lis-​segwaċi taʼ Kristu. Ir-​raġel jismu Xmun għex skont l-​isem li kien tah Ġesù—Pietru, jew Blata—billi fil-​kongregazzjoni sar forza li tqanqal it-​tajjeb u li kienet stabbli, qawwija, u taʼ min joqgħod fuqha. Insibu bosta evidenza taʼ dan fiż-​żewġ ittri kollhom imħabba li kiteb Pietru personalment u li saru kotba imprezzabbli fil-​Bibbja. Dawn l-​ittri juru wkoll li Pietru qatt ma nesa t-​tagħlima li kien tgħallem minn Ġesù dwar il-​maħfra.—Aqra l-​1 Pietru 3:8, 9; 4:8.

29. Kif nistgħu nimitaw il-​fidi taʼ Pietru u l-​ħniena taʼ Sidu?

29 Jalla aħna wkoll nieħdu din it-​tagħlima. Nitolbu aħna maħfra lil Alla kuljum għall-​ħafna nuqqasijiet li nagħmlu? Naċċettawha mbagħad din il-​maħfra u nemmnu fil-​qawwa li għandha biex tnaddafna? Naħfru lil dawk taʼ madwarna? Jekk iva, inkunu qed nimitaw il-​fidi taʼ Pietru—u l-​ħniena taʼ Sidu.