Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 88

Bidla għar-raġel għani u għal Lazzru

Bidla għar-raġel għani u għal Lazzru

LUQA 16:14-​31

  • IT-​TIXBIHA TAR-​RAĠEL GĦANI U LAZZRU

Ġesù qed jagħti lid-​dixxipli tiegħu pariri mill-​aħjar dwar l-​użu tal-​għana materjali. Imma d-​dixxipli tiegħu mhumiex l-​uniċi wħud li qed jisimgħu. Preżenti wkoll hemm il-​Fariżej. Dawn imisshom jieħdu bis-​serjetà l-​pariri taʼ Ġesù. Għala? Għax huma “jħobbu l-​flus.” Hekk kif jisimgħu dak li qed jgħid Ġesù, ‘jibdew jitkerrhulu.’—Luqa 15:2; 16:13, 14.

Imma dan ma jbeżżax lil Ġesù. Hu jgħidilhom: “Intom tiddikjaraw lilkom infuskom ġusti quddiem il-​bnedmin, imma Alla jaf x’hemm fi qlubkom; għax dak li hu meqjus importanti fost il-​bnedmin hu moqżież f’għajnejn Alla.”—Luqa 16:15.

Il-​Fariżej ilhom jitqiesu ‘importanti fost il-​bnedmin,’ imma issa hu żmien taʼ bidla, żmien biex tinqaleb il-​folja. Dawk meqjusin importanti ħafna li huma għonja f’affarijiet materjali, li għandhom qawwa politika, u li għandhom influwenza reliġjuża se jieħdu tisbita. In-​nies komuni li jagħrfu l-​bżonn spiritwali tagħhom se jintrefgħu. Ġesù jagħmilha ċara li qed isseħħ bidla kbira billi jgħid:

“Il-​Liġi u l-​Profeti kienu sa Ġwanni. Minn dak iż-​żmien ’l hawn is-​saltna t’Alla qed tixxandar bħala aħbar tajba, u kull xorta taʼ nies qed tirsisti għaliha. Tabilħaqq, hu eħfef li jgħaddu s-​sema u l-​art milli ma titwettaqx tikka minn ittra tal-​Liġi.” (Luqa 3:18; 16:16, 17) Kliem Ġesù kif juri li qed isseħħ bidla?

Il-​mexxejja reliġjużi Lhud bi kburija jistqarru li jobdu l-​Liġi taʼ Mosè. Ftakar li meta Ġesù fejjaq lil raġel agħma f’Ġerusalemm, il-​Fariżej bi kburija qalu: “Aħna dixxipli taʼ Mosè. Aħna nafu li Alla kellem lil Mosè.” (Ġwanni 9:13, 28, 29) Skop wieħed tal-​Liġi li ngħatat lil Mosè kien li jwassal lil uħud umli sal-​Messija, jiġifieri, sa Ġesù. Ġwanni l-​Battista identifika lil Ġesù bħala l-​Ħaruf t’Alla. (Ġwanni 1:29-​34) Minn meta Ġwanni beda l-​ministeru tiegħu, Lhud umli, speċjalment fost il-​foqra, semgħu dwar “is-​saltna t’Alla.” Iva, hemm “aħbar tajba” għal dawk kollha li jridu jkunu ċittadini tas-​Saltna t’Alla u jibbenefikaw minnha.

Ma jistax ikun li l-​Liġi Mosajka ma titwettaqx; infatti, din wasslet lin-​nies sal-​Messija. Barra minn hekk, dalwaqt mhux se jkun għad hemm il-​bżonn li tiġi segwita. Pereżempju, il-​Liġi ppermettiet li jkun hemm divorzju għal diversi raġunijiet, imma issa Ġesù jispjega li “kulmin jiddivorzja lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u min jiżżewweġ mara divorzjata minn żewġha jagħmel adulterju.” (Luqa 16:18) Dan il-​kliem jirrabjahom ħafna lill-​Fariżej li jħobbu jagħmlu regoli għal kull ħaġa taʼ xejn!

Ġesù issa jirrakkonta tixbiha li tenfasizza kemm hi kbira l-​bidla li qed isseħħ. Din tinvolvi lil żewġt irġiel li s-​sitwazzjoni tagħhom tinbidel minn estrem għal ieħor. Hekk kif tikkunsidra t-​tixbiha, żomm f’moħħok li fost dawk li qed jisimgħuha hemm il-​Fariżej li jħobbu l-​flus u li jitqiesu importanti fost il-​bnedmin.

Ġesù jgħid: “Wieħed raġel għani kien jiddandan bil-​porpra u bl-​għażel u jgawdi bl-​abbundanza minn jum għal jum. U wieħed tallab jismu Lazzru kien jitqiegħed ħdejn il-​bieb tiegħu. Kien mimli ġrieħi u kien jixtieq li jimla żaqqu b’dak li jaqaʼ minn fuq il-​mejda taʼ l-​għani. Iva, saħansitra l-​klieb kienu jiġu jilagħqulu l-​ġrieħi.”—Luqa 16:19-​21.

Il-​Fariżej iħobbu l-​flus, allura jidher ċar li dan ir-​“raġel għani” qed jirrappreżenta lilhom. Dawn il-​mexxejja reliġjużi Lhud iħobbu wkoll jilbsu lbies lussuż u li jqum il-​flus. U minbarra l-​għana materjali li forsi għandhom, jidhru għonja fil-​privileġġi u l-​opportunitajiet li jgawdu. Iva, billi jxebbahhom maʼ raġel liebes il-​vjola, kulur irjali, qed jenfasizza l-​pożizzjoni għolja tagħhom, u l-​għażel abjad jirrifletti l-​fatt li jqisu lilhom infushom ġusti.—Danjel 5:7.

Dawn il-​mexxejja għonja u kburin kif iqisu lin-​nies fqar u komuni? Huma bi tmaqdir iqisuhom bħala amħaarets, jew nies tal-​art, li la jafu l-​Liġi u lanqas ma jistħoqqilhom min jgħallimhielhom. (Ġwanni 7:49) Dan jirrifletti s-​sitwazzjoni tat-​“tallab jismu Lazzru,” li jixxennaq għal saħansitra “dak li jaqaʼ minn fuq il-​mejda taʼ l-​għani.” Bħal Lazzru miksi ġrieħi, in-​nies komuni huma meqjusin inferjuri, bħallikieku ma jogħġbux lil Alla.

Din is-​sitwazzjoni tal-​biki ilha ftit għaddejja, imma Ġesù jaf li wasal il-​waqt għal bidla kbira kemm għal dawk li huma bħar-​raġel għani u kemm għal dawk li huma bħal Lazzru.

IL-​BIDLA GĦAR-​RAĠEL GĦANI U GĦAL LAZZRU

Ġesù jkompli biex jiddeskrivi din il-​bidla drammatika fiċ-​ċirkustanzi. Hu jgħid: “Issa, maż-​żmien, it-​tallab miet u ttieħed mill-​anġli fi ħdan Abraham. Ukoll, l-​għani miet u ndifen. U fil-​Qabar refaʼ għajnejh ’il fuq, waqt li kien għaddej minn tbatija kbira, u ra lil Abraham ’il bogħod u lil Lazzru miegħu, fi ħdanu.”—Luqa 16:22, 23.

Dawk li qed jisimgħu lil Ġesù jafu li Abraham ilu li miet u li qiegħed fil-​Qabar. L-​Iskrittura tagħmilha ċara li ħadd fil-​Qabar, jew Xeol, ma jistaʼ jara jew jitkellem, inkluż Abraham. (Ekkleżjasti 9:5, 10) Allura, dawn il-​mexxejja reliġjużi x’jaħsbu li jrid ifisser Ġesù b’din it-​tixbiha? X’jistaʼ jkun qed jindika dwar in-​nies komuni u l-​mexxejja reliġjużi li jħobbu l-​flus?

Ġesù għadu kemm wera li se jkun hemm bidla billi qal ‘il-​Liġi u l-​Profeti kienu sa Ġwanni l-​Battista, imma minn dak iż-​żmien ’l hawn is-​saltna t’Alla qed tixxandar bħala aħbar tajba.’ Għalhekk, huwa permezz tal-​ippritkar taʼ Ġwanni u taʼ Ġesù Kristu li kemm Lazzru u kemm ir-​raġel għani jmutu fis-​sens li jinbidlulhom iċ-​ċirkustanzi tagħhom u jesperjenzaw pożizzjonijiet ġodda quddiem Alla.

Speċifikament dawk li huma umli jew foqra ilhom jiġu traskurati spiritwalment. Imma huma qed jilqgħu l-​messaġġ dwar is-​Saltna li l-​ewwel xandar Ġwanni l-​Battista u mbagħad Ġesù u dan il-​messaġġ qed jgħinhom. Qabel, kellhom jgħaddu bil-​ftit li kien “jaqaʼ minn fuq il-​mejda” spiritwali tal-​mexxejja reliġjużi. Issa qed jiġu mitmugħin veritajiet Skritturali vitali, b’mod partikulari l-​affarijiet meraviljużi li qed jispjega Ġesù. Huma bħallikieku sa fl-​aħħar għandhom pożizzjoni approvata f’għajnejn Alla Ġeħova.

B’kuntrast, il-​mexxejja reliġjużi li huma għonja u għandhom pożizzjoni għolja jirrifjutaw li jilqgħu l-​messaġġ tas-​Saltna li xandar Ġwanni u li Ġesù qed jipprietka maʼ Iżrael kollu. (Mattew 3:1, 2; 4:17) Infatti, huma rrabjati, jew turmentati, minħabba dan il-​messaġġ, li jipponta lejn il-​fatt li Alla se jġib fuqhom ġudizzju bin-​nar. (Mattew 3:7-​12) Kieku Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kellhom jieqfu jxandru l-​messaġġ t’Alla, il-​mexxejja reliġjużi li jħobbu l-​flus kienu jieħdu r-​ruħ. Dawn il-​mexxejja huma bħar-​raġel għani fit-​tixbiha, li jgħid: “Missieri Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-​ilma u jberridli lsieni, għax qed inbati f’dan in-​nar iħeġġeġ.”—Luqa 16:24.

Imma mhux se jiġri hekk. Il-​biċċa l-​kbira mill-​mexxejja reliġjużi mhux se jinbidlu. Huma rrifjutaw li ‘jisimgħu minn Mosè u l-​Profeti,’ li l-​kitbiet tagħhom imisshom wassluhom biex jaċċettaw lil Ġesù bħala l-​Messija u s-​Sultan magħżul t’Alla. (Luqa 16:29, 31; Galatin 3:24) Huma la umiljaw ruħhom u lanqas ma ħallew lilhom infushom jiġu perswaduti mill-​foqra li aċċettaw lil Ġesù u li issa għandhom l-​approvazzjoni t’Alla. Min-​naħa tagħhom, id-​dixxipli taʼ Ġesù ma jistgħux jagħmlu kompromess jew idgħajfu l-​verità sempliċement biex jissodisfaw lill-​mexxejja reliġjużi jew biex jagħtuhom ftit serħan. Fit-​tixbiha tiegħu, Ġesù jiddeskrivi din ir-​realtà b’dak li l-​‘Missier Abraham’ jgħid lir-​raġel għani:

“Ibni, ftakar li int irċivejt bis-​sħiħ it-​tajjeb f’ħajtek, imma Lazzru rċieva l-​ħsara. Iżda, issa hu qed jitfarraġ hawnhekk imma int qed tbati. Barra minn hekk, tqiegħed dagħbien kbir [jew, ħofra fonda] bejnna u bejnkom, biex dawk li jkunu jridu jmorru minn hawnhekk għal għandkom ma jkunux jistgħu u lanqas jaqsmu minn hemmhekk għal għandna.”—Luqa 16:25, 26.

Kemm hi ġusta u xierqa li sseħħ din il-​bidla drammatika! Din tirreferi għal bidla fil-​pożizzjoni tal-​mexxejja reliġjużi kburin u taʼ dawk umli li jaċċettaw il-​madmad taʼ Ġesù u li sa fl-​aħħar qed isibu serħan u qed jiġu mitmugħin spiritwalment. (Mattew 11:28-​30) Din il-​bidla se tidher saħansitra iktar fi ftit xhur oħra meta l-​patt il-​ġdid se jieħu post il-​patt tal-​Liġi. (Ġeremija 31:31-​33; Kolossin 2:14; Ebrej 8:7-​13) Meta Alla jferraʼ l-​ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-​sena 33 WK, se jkun jidher ċar daqs il-​kristall li d-​dixxipli taʼ Ġesù għandhom l-​approvazzjoni t’Alla, u mhux il-​Fariżej u dawk li jissieħbu magħhom.