Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Iż-Żwieġ

Iż-Żwieġ

Huwa ż-żwieġ sempliċement arranġament soċjali?

“Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

F’għajnejn Alla, iż-żwieġ huwa ħafna iktar minn sempliċi arranġament soċjali. Huwa għaqda sagra bejn raġel u mara. Il-Bibbja tgħid: “Mill-bidu tal-ħolqien ‘[Alla] għamilhom raġel u mara. Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’ . . . Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” *Marku 10:6-9; Ġenesi 2:24.

Il-kliem “dak li Alla għaqqad flimkien” ma jfissirx li ż-żwiġijiet se jkunu perfetti. Minflok, billi turi li l-Ħallieq tagħna hu l-Oriġinatur tal-arranġament taż-żwieġ, il-Bibbja tenfasizza s-serjetà taʼ din l-għaqda. Il-koppji li għandhom din il-ħarsa lejn iż-żwieġ tagħhom iqisuh bħala rabta permanenti u sagra, u b’hekk isaħħu d-determinazzjoni tagħhom sabiex iż-żwieġ tagħhom jirnexxi. Huma jżidu iktar iċ-ċans li jirnexxu meta jduru lejn il-Bibbja għal gwida f’li jwettqu l-irwoli rispettivi tagħhom bħala raġel u mara miżżewġin.

 X’inhu l-irwol tar-raġel?

“Ir-raġel hu l-kap taʼ martu.”—Efesin 5:23.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Sabiex l-affarijiet imorru tajjeb fil-familja, xi ħadd irid jieħu l-aħħar deċiżjoni. Il-Bibbja tpoġġi din ir-responsabbiltà fuq ir-raġel. Imma dan ma jfissirx li għandu jkun xi dittatur jew bùli. Lanqas ma tippermettilu li jfarfar ir-responsabbiltajiet tiegħu, u b’hekk idgħajjef ir-rispett taʼ martu lejh u jgħabbiha b’responsabbiltà bla bżonn. Pjuttost, Alla jistenna minnu li jaħdem iebes sabiex jieħu ħsieb martu u biex jonoraha bħala l-iktar ħabiba intima u fdata tiegħu. (1 Timotju 5:8; 1 Pietru 3:7) ‘L-irġiel għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom bħal ġisimhom stess,’ jgħid Efesin 5:28.

Raġel li tassew iħobb lil martu japprezza l-abbiltajiet u t-talenti tagħha u jqis l-opinjonijiet tagħha bir-rispett, speċjalment f’affarijiet li jistgħu jeffettwaw lill-familja. M’għandux jinsisti li tgħaddi tiegħu sempliċement għaliex hu l-kap tal-familja. Meta r-raġel devot Abraham ma ħax il-parir għaqli taʼ martu dwar kwistjoni tal-familja, Alla Ġeħova qallu: “Ismaʼ minn kliemha.” (Ġenesi 21:9-12) Abraham obda b’umiltà, u l-familja tiegħu gawdiet paċi u unità, kif ukoll il-barka t’Alla.

X’inhu l-irwol tal-mara?

“Nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom.”—1 Pietru 3:1.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Eżatt qabel ma ħalaq mara għall-ewwel raġel, Alla qal: “Mhux tajjeb li r-raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” (Ġenesi 2:18) Xi ħaġa li taqbel tagħmel lil xi ħaġa oħra kompluta jew tipperfezzjonaha. B’hekk, Alla ma ħalaqx lill-mara biex tkun l-istess bħar-raġel jew biex tikkompeti miegħu, iżda biex tkun is-sieħba li taqbel għal miegħu. Flimkien, setgħu jwettqu l-inkarigu divin li ngħatalhom biex ikollhom it-tfal u jimlew l-art bi bnedmin bħalhom.—Ġenesi 1:28.

Biex jgħin lill-mara twettaq l-irwol tagħha, Alla taha l-karatteristiki fiżiċi, mentali, u emozzjonali ideali. Meta tużahom b’għaqal u bi mħabba, hi tkun qed tagħti sehem bla qies biex iż-żwieġ tagħha jirnexxi u tkun qed tgħin lil żewġha jħossu kuntent u sigur emozzjonalment. F’għajnejn Alla, mara eżemplari bħal din jistħoqqilha tifħir. *Proverbji 31:28, 31.

^ Par. 5 Il-Bibbja tippermetti d-divorzju jekk ikun hemm infedeltà sesswali biss.—Mattew 19:9.

^ Par. 14 Il-koppji se jsibu ħafna suġġerimenti t’għajnuna dwar iż-żwieġ u l-ħajja tal-familja fis-serje regulari fi Stenbaħ! “Għajnuna għall-Familja.”