It-Talb Kif Jistaʼ Jgħinek?
Meta Pamela ffaċċjat marda serja, hi fittxet għajnuna medika professjonali. Ukoll, hi talbet lil Alla biex isaħħaħha ħalli tissaporti din is-sitwazzjoni diffiċli. Għenha t-talb?
Pamela tispjega: “Meta kont għaddejja bit-trattament tal-kanser, spiss kont inħossni mbeżżgħa. Imma meta tlabt lil Alla Ġeħova, ħassejtni kalma u stajt niffaċċja s-sitwazzjoni aħjar. Xorta għadni nbati b’ħafna wġigħ, imma t-talb jgħinni nibqaʼ pożittiva. Meta n-nies isaqsuni kif jien, ngħidilhom, ‘Għalkemm għadu m’għaddilix, xorta ferħana!’”
M’għandniex għalfejn nistennew li nimirdu serjament jew li niġu effettwati bi problemi kbar biex nitolbu. Meta niffaċċjaw il-problemi, spiss kollha kemm aħna jkollna bżonn l-għajnuna. Jistaʼ jgħinna t-talb?
Il-Bibbja tgħidilna biex inħallu l-problemi tagħna maʼ Ġeħova. Hu dejjem se jkun hemm għalina u jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn. (Salm 55:22) Xi ħsieb inkuraġġanti! Allura kif jistaʼ jgħinek it-talb? Meta titlob lil Alla bil-mod li jixtieq hu, se jagħtik dak li għandek bżonn biex tiffaċċja l-problemi tiegħek.—Ara l-kaxxa “ Kif Se Jgħinek it-Talb?”