Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Il-mard—Kif tistaʼ tnaqqas ir-riskju?

Il-mard—Kif tistaʼ tnaqqas ir-riskju?

Il-ġisem tiegħek qed jiġġieled kuljum kontra għedewwa silenzjużi u li ma jidhrux imma li jistgħu joqtluk. Affarijiet bħal batterji, viruses, u parassiti jpoġġu f’periklu lis-saħħa tiegħek. * Aktarx m’intix konxju taʼ dawn il-battalji minħabba li s-sistema tal-immunità tiegħek twarrab jew teqred il-maġġorparti minnhom qabel ma tibda tara s-sintomi. Però, kultant, il-mikrobi ħżiena jmarrduna. F’dak il-każ, ikollok bżonn issaħħaħ l-immunità tiegħek b’mediċina u bi trattamenti oħra.

Għal eluf taʼ snin, in-nies ma kienu jafu kważi xejn dwar il-periklu li jiġi minn organiżmi żgħar li jagħmlu ħsara u li xi wħud minnhom hemm bżonn mikroskopju biex tarahom. Madankollu, meta xjenzjati tas-seklu 19 ikkonfermaw ir-rabta li hemm bejn il-mikrobi u l-mard, sirna armati aħjar biex niddefendu lilna nfusna. Minn dakinhar ’l hawn, riċerkaturi tal-mediċina neħħew jew naqqsu sew it-theddid taʼ xi mard li jittieħed, inkluż il-ġidri u l-poljo. Madankollu, dan l-aħħar, mard ieħor bħad-deni tas-suffejra u d-dengue (marda li tikkaġuna wġigħ fl-għekiesi), reġgħu tfaċċaw. Għala? Ikkunsidra dan li ġej:

  • Kull sena, miljuni taʼ nies jivvjaġġaw madwar id-dinja u spiss ikollhom mikrobi li jagħmlu l-ħsara. Artiklu fil-gazzetta Clinical Infectious Diseases jirrapporta li peress li n-nies jivvjaġġaw bl-ajru fi ftit ħin, mingħajr ma jkunu jafu jkunu qed ixerrdu mard li jittieħed minn pajjiż għal ieħor.

  • Ħafna antibijotiċi m’għadhomx effettivi biex jiġġieldu ċerti batterji. Minħabba f’hekk, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tgħid li d-dinja miexja lejn żmien fejn l-infezzjonijiet komuni jistgħu jerġgħu joqtlu.

  • L-inkwiet ċivili u l-faqar spiss ifixklu l-isforzi li jagħmel il-gvern biex jikkontrolla l-mard milli jinfirex.

  • Ħafna nies għandhom nuqqas taʼ għarfien bażiku dwar kif jevitaw il-mard.

Minkejja dawn l-affarijiet li huma inkwetanti, hemm ħafna x’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi lilek innifsek u l-familja tiegħek. Dan li ġej juri li, anki jekk qed tgħix f’pajjiż li qed jiżviluppa, hemm metodi sempliċi u effettivi li tistaʼ tagħmel.

^ par. 3 Ħafna mill-mikrobi ma jmarrdux. Din is-serje t’artikli tiffoka fuq mikro-organiżmi u mikrobi oħra li jinfettaw u li jpoġġu f’periklu lil saħħtek.