KIF L-ISFIDA SE TINGĦELEB GĦALKOLLOX
Taħt is-Saltna t’Alla se jkun hemm “sliem kotran”
Is-Saltna t’Alla, jiġifieri gvern magħmul minn Alla, li ilna tant nistennew dalwaqt se ġġib paċi u unità fuq l-art. Bħalma jwiegħed Salm 72:7 se jkun hawn “sliem kotran.” Imma s-Saltna t’Alla meta se tibda tmexxi fuq l-art kollha? Kif se tagħmel dan? U int kif tistaʼ tibbenefika mit-tmexxija tas-Saltna?
META SE TIĠI S-SALTNA T’ALLA?
Il-Bibbja bassret għadd taʼ ġrajjiet li jispikkaw li kienu se juru li s-Saltna t’Alla ġejja dalwaqt. Dawn il-ġrajjiet flimkien jagħmlu “sinjal” li jinkludi gwerer, ġuħ, mard, ħafna terremoti, u żieda fin-nuqqas taʼ mħabba kullimkien.—Mattew 24:3, 7, 12; Luqa 21:11; Rivelazzjoni 6:2-8.
Profezija oħra tgħid: “Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, . . . diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, . . . imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Timotju 3:1-4) Minn dejjem kien hemm xi nies li kellhom dawn il-karatteristiki. Imma issa l-biċċa l-kbira tan-nies huma hekk.
Dawn il-profeziji bdew jitwettqu fis-sena 1914. Infatti, storjografi, statisti, u kittieba kkummentaw dwar kif id-dinja nbidlet minn wara dik is-sena. Pereżempju, l-istorjografu Daniż Peter Munch kiteb: “Meta faqqgħet il-gwerra fl-1914, seħħet bidla kbira fl-istorja tal-umanità. Qabel dik is-sena, in-nies ħasbu li l-kundizzjonijiet tad-dinja kienu qed isiru dejjem aħjar . . . imma mbagħad ġie żmien taʼ diżastru, terrur, mibegħda, u inċertezza kullimkien.”
Fuq nota pożittiva, dawn il-kundizzjonijiet huma bħall-maltemp qabel il-bnazzi. Dawn juru li s-Saltna dalwaqt se tmexxi fuq l-art kollha. Infatti Ġesù inkluda din l-istqarrija pożittiva fis-sinjal li ta dwar it-tmiem: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
Din l-aħbar tajba hi t-tema ċentrali tal-messaġġ tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Tabilħaqq, ir-rivista prinċipali tax-Xhieda hi intitolata It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova. Dan jitkellem regolarment dwar l-affarijiet meraviljużi li s-Saltna t’Alla se tagħmel għall-bnedmin u għall-art.
IS-SALTNA T’ALLA KIF SE TIEĦU L-KONTROLL?
It-tweġiba tinvolvi dawn l-erbaʼ fatti importanti:
-
Is-Saltna mhi se tuża l-ebda mexxej politiku taʼ din id-dinja.
-
Il-mexxejja politiċi tad-dinja bi bluha se jiġġieldu kontra s-Saltna t’Alla minħabba li se jipprovaw jibqgħu ggranfati mal-poter.—Salm 2:2-9.
-
Is-Saltna t’Alla se jkollha teqred is-saltniet politiċi, li se jkunu jridu jkomplu jiddominaw lill-bnedmin. (Danjel 2:44; Rivelazzjoni 19:17-21) Din il-ġlieda finali mad-dinja tissejjaħ Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16.
-
Dawk kollha li minn jeddhom se jissottomettu ruħhom għas-Saltna t’Alla se jibqgħu ħajjin f’Armageddon u jgħixu f’dinja ġdida taʼ paċi. Dawn se jkunu dawk li l-Bibbja ssejħilhom “folla kbira,” u x’aktarx din se tkun tikkonsisti f’miljuni.—Rivelazzjoni 7:9, 10, 13, 14.
INT KIF TISTAʼ TIBBENEFIKA MIT-TMEXXIJA TAS-SALTNA?
L-ewwel pass biex issir sudditu tas-Saltna t’Alla hu t-tagħlim. Infatti, Ġesù qal f’talba lil Alla: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.
Meta n-nies isiru jafu lil Alla Ġeħova bħala Persuna, huma jibbenefikaw b’ħafna modi. Ikkunsidra biss tnejn: L-ewwel, huma jiżviluppaw fidi b’saħħitha fih. Din il-fidi, li hi bbażata fuq evidenza, tikkonvinċihom li s-Saltna t’Alla hi reali u li dalwaqt se tmexxi. (Ebrej 11:1) It-tieni, huma se jsiru jħobbu iktar lil Alla u lill-proxxmu. L-imħabba għal Alla se tqanqalhom jobduh b’qalb sħiħa. L-imħabba għall-proxxmu se tqanqalhom jagħmlu fil-prattika l-kliem taʼ Ġesù li spiss jissejjaħ ir-Regola tad-Deheb. Din tgħid: “Bħalma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-istess lilhom.”—Luqa 6:31.
Bħal missier kollu mħabba, il-Ħallieq tagħna jixtiqilna l-aħjar. Hu jrid li aħna jkollna dak li l-Bibbja ssejħilha “l-ħajja vera.” (1 Timotju 6:19) Illum, il-ħajja mhijiex “il-ħajja vera.” Għal miljuni taʼ nies, il-ħajja hi diffiċli ħafna u jridu jitħabtu biex jibqgħu ħajjin. Biex ikollok ħarsa fuq fuq tal-“ħajja vera,” ikkunsidra ftit mill-affarijiet meraviljużi li se tagħmel is-Saltna t’Alla għas-sudditi tagħha.