Ħalli “l-Liġi tal-Qalb Tajba bl-Imħabba” Timmotivak
“IL-QALB tajba tal-aħwa Kristjani kienet l-iktar ħaġa li laqtitni,” tgħid Lisa. * Hi kienet qed tgħid dak li ġibidha lejn il-verità. Anne, ġralha l-istess. Hi tgħid, “Inġbidt lejn il-verità minħabba li x-Xhieda kienu qalbhom tajba miegħi, mhux minħabba dak li jgħallmu.” Dawn iż-żewġ aħwa issa jieħdu pjaċir jaqraw il-Bibbja u jimmeditaw fuqha, imma l-qalb tajba li wrew magħhom ix-Xhieda kellha effett kbir fuqhom.
Kif nistgħu nuru qalb tajba li tinkuraġġixxi lil oħrajn? B’żewġ modi, b’dak li ngħidu u b’dak li nagħmlu. Imbagħad se nikkunsidraw ma’ min għandna nuru qalb tajba.
“IL-LIĠI TAL-QALB TAJBA BL-IMĦABBA” F’DAK LI NGĦIDU
Il-mara miżżewġa li tissemma fi Proverbji kapitlu 31 kellha “l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba” fuq ilsienha. (Prov. 31:26) Hi ħalliet din “il-liġi” taffettwa dak li tgħid u kif tgħidu. Il-missirijiet ukoll għandu jkollhom din “il-liġi” f’dak li jgħidu. Ħafna ġenituri jafu li meta jitkellmu bl-aħrax mat-tfal tagħhom jistgħu jagħmlulhom il-ħsara, u x’aktarx it-tfal mhux se jisimgħu minnhom. Meta l-ġenituri jitkellmu b’qalb tajba mat-tfal, se jkun iktar faċli biex jisimgħu u jobdu.
Sew jekk aħna ġenituri u sew jekk le, kif nistgħu nitgħallmu nitkellmu b’qalb tajba? L-ewwel parti taʼ Proverbji 31:26 tistaʼ tgħinna. Il-vers jgħid, hi “fetħet fommha bl-għerf.” Dan jinvolvi li nagħżlu kliemna u t-ton taʼ leħinna. Dan jistaʼ jgħinna nsaqsu lilna nfusna, ‘B’dak li se ngħid, se nirrabja lil oħrajn jew inżomm il-paċi?’ (Prov. 15:1) Iva, hu importanti li naħsbu qabel ma nitkellmu.
Proverbju ieħor jgħid: “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf.” (Prov. 12:18) Meta naħsbu kif il-kliem li ngħidu u t-ton li ngħiduh jistaʼ jaffettwa lil oħrajn, dan jistaʼ jimmotivana biex nikkontrollaw dak li ngħidu. Meta nitkellmu skont “il-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba,” aħna mhux se nużaw kliem li jweġġaʼ jew nitkellmu bla rispett. (Efes. 4:31, 32) Aħna se nibdlu kliem u ħsibijiet negattivi ma’ kliem pożittiv u mimli ħlewwa. Ġeħova ħallielna eżempju meta hu assigura lil Elija meta kien qiegħed jibżaʼ. L-anġlu li tkellem għal Ġeħova kellmu ‘b’leħen kalm u baxx.’ (1 Slat. 19:12) Però, biex nuru qalb tajba jinvolvi iktar milli nitkellmu bil-ħlewwa. Irridu nuruha wkoll b’dak li nagħmlu. Kif?
META NURU QALB TAJBA NIMMOTIVAW LIL OĦRAJN
Meta nitkellmu u naġixxu b’qalb tajba aħna nimitaw lil Ġeħova. (Efes. 4:32; 5:1, 2) Lisa, li semmejna diġà, tgħid kif ix-Xhieda wrew qalb tajba magħha. “Meta bħala familja kellna nitilqu taʼ malajr minn fejn konna qed ngħixu, żewġ koppji mill-kongregazzjoni ħadu l-off mix-xogħol tagħhom biex jgħinuna nippakkjaw. Dak iż-żmien kont għadni lanqas nistudja l-Bibbja!” Dan ġiegħel lil Lisa tkun trid titgħallem iktar dwar il-verità.
Anne, li semmejna fil-bidu, ukoll tapprezza l-qalb tajba li wrew magħha x-Xhieda taʼ Ġeħova. Hi tgħid: “Minħabba s-sitwazzjoni tad-dinja li qed ngħixu fiha, sibtha diffiċli biex nafda lin-nies. Meta ltqajt max-Xhieda, lanqas lilhom ma fdajt. Jien għedt, ‘Dawn għala qed juru interess fija?’ Imma l-qalb tajba li wrietni l-oħt li kont qed nistudja magħha ġegħlitni nafdaha.” X’kien ir-riżultat? “Iktar tard, bdejt niffoka fuq dak li kont qed nitgħallem.”
Rajt kif dak li miss qalb Lisa u Anne kien il-qalb tajba li wrew magħhom uħud mill-kongregazzjoni, u kif għenhom ikunu jridu jitgħallmu dwar il-verità? Il-qalb tajba li wrew l-aħwa tal-kongregazzjoni għenithom biex jibdew jafdaw lil Ġeħova u lill-poplu tiegħu.
TGĦALLEM IMITA L-QALB TAJBA LI JURI ALLA
Minħabba t-trobbija jew fejn jgħixu, xi nies huma mdorrijin jitkellmu b’qalb tajba u jitbissmu. Hu tajjeb li xi nies ikunu edukati minħabba l-kultura jew il-personalità Atti 28:2.
tagħhom. Imma jekk inkunu motivati biss mill-kultura jew il-personalità tagħna jistaʼ jkun li ma nkunux qed nimitaw il-qalb tajba taʼ Ġeħova.—QabbelIl-qalb tajba hi waħda mill-kwalitajiet tal-frott tal-ispirtu t’Alla. (Gal. 5:22, 23) Mela biex nuru iktar qalb tajba, irridu nħallu l-ispirtu t’Alla jinfluwenza l-mod kif naħsbu u naġixxu. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nimitaw lil Ġeħova u lil Ġesù. U bħal Ġesù, aħna vera jimpurtana minn oħrajn. Għalhekk, niġu motivati biex nuru qalb tajba għax inħobbu lil Ġeħova u lin-nies. Imbagħad il-qalb tajba se ssir kwalità b’saħħitha li tiġi mill-qalb u li Alla jaċċetta.
MA’ MIN GĦANDNA NURU QALB TAJBA?
Jistaʼ jkun faċli biex nuru qalb tajba ma’ dawk li jirrispettawna jew dawk li nafu. (2 Sam. 2:6) Mod wieħed hu billi nirringrazzjawhom għal dak li jagħmlu magħna. (Kol. 3:15) Imma xi ngħidu jekk inħossu li xi ħadd ma ħaqqux li nuruh qalb tajba?
Aħseb dwar dan: Ġeħova hu l-aqwa eżempju taʼ xi ħadd li juri qalb tajba mhix mistħoqqa. U l-Bibbja tgħallimna lezzjoni importanti biex nuru din il-kwalità. L-espressjoni “qalb tajba mhix mistħoqqa” hi użata ħafna drabi fl-Iskrittura Griega Kristjana. Ġeħova kif jurina qalb tajba?
Ġeħova juri qalb tajba man-nies kollha billi jagħtihom dak kollu li jkollhom bżonn biex jgħixu. (Mt. 5:45) Fil-fatt, anki qabel ma konna nafuh wera qalb tajba magħna. (Efes. 2:4, 5, 8) Pereżempju, hu ta lil Ibnu Ġesù għan-nies kollha. L-appostlu Pawlu kiteb li Ġeħova pprovda l-fidwa “skond ir-rikkezzi tal-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.” (Efes. 1:7) Barra minn hekk, minkejja li aħna niżbaljaw u niddiżappuntaw lil Ġeħova, hu jkompli jgħallimna. Il-gwida u l-Kelma tiegħu huma bħal “irxiex” tax-xita. (Dt. 32:2) Huwa impossibbli li npattu lura għal dak kollu li qed jagħmel magħna. U aħna nafu li jekk Ġeħova ma jurix qalb tajba magħna mhux se jkollna tama għall-futur.—Qabbel l-1 Pietru 1:13.
Bla dubju, il-qalb tajba li juri Ġeħova għax iħobbna ġġegħelna nimitawh. Għalhekk, minflok ma nagħżlu ma’ min nuruha, għandna naħdmu iebes biex nimitaw lil Ġeħova u nuru qalb tajba ma’ kulħadd. (1 Tess. 5:15) Meta dejjem nuru qalb tajba nkunu qisna ħuġġieġa nar li tagħmel is-sħana f’ġurnata kiesħa. Inkunu taʼ inkuraġġiment għall-familja, għall-aħwa, għal dawk li jaħdmu magħna, għat-tfal tal-iskola, u għall-ġirien.
Aħseb kif tal-familja u l-aħwa fil-kongregazzjoni se jibbenefikaw meta int titkellem u taġixxi b’qalb tajba. Jaf ikun hemm xi ħadd fil-kongregazzjoni tiegħek li jkollu bżonn l-għajnuna biex jieħu ħsieb xi affarijiet tad-dar, jew jagħmel il-qadi. U meta tkun fil-ministeru u tiltaqaʼ ma’ xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna, tistaʼ toffri li tgħinu?
Bħal Ġeħova, jalla dak li ngħidu u kif naġixxu dejjem ikun motivat “mil-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba.”
^ L-ismijiet ġew mibdulin.