Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-​ĦAJJIET

Ma ridtx immut!

Ma ridtx immut!
  • SENA TAT-​TWELID: 1964

  • POST TAT-​TWELID: L-​INGILTERRA

  • PASSAT: OMM ŻAGĦŻUGĦA MĦARBTA

IL-​PASSAT TIEGĦI

 

Twelidt f’Paddington, post ġewwa Londra li fih jgħixu ħafna nies. Kont ngħix m’ommi u maʼ tliet ħuti bniet akbar minni. Missieri mhux dejjem kien parti minn ħajjitna peress li kellu l-​problema tax-​xorb.

Meta kont għadni żgħira, ommi għallmitni nitlob kull filgħaxija. Kelli Bibbja żgħira li kien fiha biss is-​Salmi, u ivvintajt melodiji biex inkun nistaʼ nkantahom. Niftakarni naqra silta f’wieħed mill-​kotba tiegħi li baqgħet stampata f’moħħi: “Xi darba għada ma jasalx.” Minħabba dan il-​kliem, għamilt iljieli ma nagħlaqx għajn m’għajn naħseb fuq il-​futur. Bejni u bejn ruħi kont naħseb: ‘Bilfors li hemm aktar fil-​ħajja. Għala qiegħda hawn?’ Ma ridtx immut!

Kont sirt kurjuża ħafna dwar l-​okkult. Kont nipprova nkellem lill-​mejtin, inżur iċ-​ċimiterji maʼ ħbiebi tal-​iskola, kif ukoll nara films tal-​biżaʼ magħhom. Konna naħsbu li dan kien eċċitanti u fl-​istess ħin tal-​biżaʼ.

Kelli biss għaxar snin meta qbadt it-​triq għan-​niżla. Bdejt inpejjep it-​tabakk, u f’qasir żmien ma stajtx ngħaddi mingħajru. Aktar tard, żidt fil-​vizzji billi bdejt inpejjep il-​ħaxixa. Taʼ 11-​il sena, bdejt nixrob l-​alkoħol. Għalkemm fit-​togħma ma kienx jogħġobni, l-​effett tas-​sokor iva. Kont inħobb ħafna wkoll il-​mużika u ż-​żfin. Kont immur parties u diskoteki kull meta stajt. Kont noħroġ billejl baxx baxx u nerġaʼ nidħol lura bl-​istess mod ftit qabel ma kien ibexbex. Billi l-​għada kont inkun għajjiena, taʼ spiss kont niskarta l-​iskola. Meta kont immur, taʼ sikwit kont nixrob l-​alkoħol bejn lezzjoni u oħra.

Fl-​aħħar sena tal-​iskola, ġibt marki baxxi ħafna. Peress li ommi ma tantx kienet konxja taʼ kemm kont tħarbatt, kienet diżappuntata u rrabjata ħafna. Kellna xi ngħidu u jien tlaqt mid-​dar. Għal xi żmien kont ngħix man-​namrat tiegħi, Tony, li kien Rasta. Hu kien involut f’reati żgħar, kien ibigħ id-​drogi, u kien magħruf li kien vjolenti ħafna. Ma domtx ma nqbadt tqila u, taʼ 16-​il sena biss, kellna l-​ewwel tifel.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI

 

L-​ewwel darba li ltqajt max-​Xhieda taʼ Ġeħova kont ngħix f’dar għall-​ommijiet mhux miżżewġa u t-​trabi tagħhom. Hemmhekk, l-​awtoritajiet lokali kienu tawni kamra. Żewġ nisa Xhieda kienu jżuru regolarment xi wħud mill-​ommijiet l-​oħra li wkoll kienu għadhom żgħar. Darba waħda dħalt f’diskussjoni magħhom. L-​intenzjoni tiegħi kienet li nuri li x-​Xhieda kienu żbaljati. Madankollu, huma wieġbu l-​ħafna mistoqsijiet li kelli bil-​kalma u b’mod ċar mill-​Bibbja. Ħadt pjaċir ħafna nitkellem magħhom għax kienu tant ħelwin u ġentili. Għalhekk aċċettajt li nistudja l-​Bibbja magħhom.

Malajr tgħallimt xi ħaġa mill-​Bibbja li biddlitli ħajti. Minn mindu kont żgħira, kont nibżaʼ mill-​mewt. Madankollu, issa sirt naf bit-​tagħlim taʼ Ġesù dwar l-​irxoxt! (Ġwanni 5:28, 29) Tgħallimt ukoll li Alla kien jimpurtah minni b’mod persunali. (1 Pietru 5:7) Messli qalbi b’mod speċjali l-​kliem taʼ Ġeremija 29:11 li jgħid: “‘Għax jien naf il-​ħsibijiet li qed naħseb dwarkom,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘ħsibijiet taʼ paċi, mhux taʼ ħsara, sabiex nagħtikom futur u tama.’” Bdejt nemmen li jistaʼ jkolli t-​tama li ngħix għal dejjem f’Ġenna tal-​art.—Salm 37:29.

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu jesprimu mħabba ġenwina lejja. Meta attendejt waħda mil-​laqgħat tagħhom għall-​ewwel darba, kien hemm atmosfera sabiħa—kulħadd kien ospitabbli u dħuli ħafna! (Ġwanni 13:34, 35) Dan kien kuntrast qawwi mal-​mod kif kont ġejt ittrattata fil-​knisja lokali. Ix-​Xhieda laqgħuni minkejja ċ-​ċirkustanzi tiegħi. Dawn tawni l-​attenzjoni u l-​ħin tagħhom, ħafna għajnuna prattika, u ħadu ħsiebi. Ħassejtni bħallikieku kont parti minn familja kbira taʼ mħabba.

Mill-​istudju tal-​Bibbja rrealizzajt li kien se jkolli nagħmel bidliet f’ħajti sabiex nilħaq mal-​livelli morali għoljin t’Alla. Ma kinitx ħaġa faċli biex nieqaf inpejjep it-​tabakk. Fl-​istess ħin, indunajt li ċerta mużika kienet tqabbadni leblieba biex nieħu l-​ħaxixa. Għalhekk, biddilt it-​tip taʼ mużika li kont nismaʼ. Peress li ma ridtx nisker iżjed, ma bqajtx immur parties u diskoteki li kienu jħajruni nagħmel dan. U fittixt ħbieb ġodda li kienu se jgħinuni jkolli ħajja aħjar.—Proverbji 13:20.

Sadanittant, Tony wkoll kien qed jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Waqt li x-​Xhieda kienu jwieġbu l-​mistoqsijiet li kellu, hu wkoll sar konvint li dak li kien qed jitgħallem kien il-​verità. Hu għamel bidliet kbar f’ħajtu: ma baqax jagħmilha mal-​ħbieb vjolenti li kellu qabel, waqaf jagħmel ir-​reati żgħar, u qataʼ l-​ħaxixa. Biex nogħġbu l-​Ġeħova aktar bis-​sħiħ, it-​tnejn li aħna rajna l-​bżonn li nirranġaw il-​ħajja immorali li konna qed ngħixu u li nipprovdu ambjent stabbli għat-​tifel tagħna. Għalhekk, iżżewwiġna fl-​1982.

“Issa m’għadnix ngħaddi ljieli mqajma ninkwieta dwar il-​futur jew dwar il-​mewt”

Niftakarni nfittex artikli fir-​rivisti tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! * li kellhom rakkonti taʼ nies li rnexxielhom jagħmlu l-​bidliet f’ħajjithom li jien xtaqt nagħmel. Kemm inkuraġġewni l-​eżempji tagħhom! Ħassejtni msaħħa biex nibqaʼ nistinka u biex ma nċedix. Komplejt nitlob lil Ġeħova biex ma jaqtax qalbu minni. Jiena u Tony tgħammidna bħala Xhieda taʼ Ġeħova f’Lulju tal-​1982.

KIF IBBENEFIKAJT

 

Ħajti ġiet salvata għax żviluppajt relazzjoni m’Alla Ġeħova. Jiena u Tony esperjenzajna l-​appoġġ taʼ Ġeħova matul żminijiet diffiċli wkoll. Tgħallimna nistrieħu fuq Alla waqt li għaddejna minn diffikultajiet, u nħossu li hu dejjem għenna u kompla jsaħħaħ il-​familja tagħna.—Salm 55:22.

Sibt l-​għaxqa f’li ngħin it-​tifel u tifla tagħna biex isiru jafu lil Ġeħova bħalma nafu jien. Issa nħoss ferħ simili hekk kif nara t-​tfal tagħhom jikbru fl-​għarfien t’Alla wkoll.

Issa m’għadnix ngħaddi ljieli mqajma ninkwieta dwar il-​futur jew dwar il-​mewt. Jiena u Tony okkupati bis-​sħiħ nivvjaġġaw kull ġimgħa minn kongregazzjoni għall-​oħra tax-​Xhieda taʼ Ġeħova biex nagħtu l-​inkuraġġiment. Aħna ningħaqdu mal-​membri taʼ dawn il-​kongregazzjonijiet f’li nuru lil oħrajn li jekk jeżerċitaw il-​fidi f’Ġesù, huma wkoll ikunu jistgħu jgawdu ħajja eterna.

^ par. 19 Ippubblikat ukoll mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.