L-iċken ittra mill-alfabett Ebrajk tqawwilna qalbna
Nistgħu aħna verament inkunu ċerti li l-wegħdi t’Alla kollha se jseħħu? Ġesù kien konvint minn dan, u t-tagħlim tiegħu saħħaħ il-fidi tas-semmiegħa tiegħu. Ikkunsidra t-tixbiha li ta fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, li hi mniżżla f’Mattew 5:18: “Tassew ngħidilkom li iktar jgħaddu malajr is-sema u l-art milli b’xi mod titneħħa mil-Liġi l-iċken ittra jew tikka minn ittra u ma jseħħx kollox.”
L-iżgħar ittra tal-alfabett Ebrajk hi י (jod), li hi l-ewwel ittra tat-Tetragrammaton, l-isem qaddis t’Alla, Ġeħova. * Minn barra l-kliem u l-ittri stess tal-Liġi t’Alla, l-iskribi u l-Fariżej kienu saħansitra jqisu kull “tikka minn ittra” importanti ħafna.
Ġesù kien qed jgħid li hemm iktar ċans li jispiċċaw is-sema u l-art milli ma jitwettaqx l-inqas dettall tal-Liġi. Madankollu, l-Iskrittura taċċertana li s-smewwiet u l-art letterali se jibqgħu għal dejjem. (Salm 78:69) Allura din l-istqarrija sinifikanti tindika li ċertament kien se jitwettaq anki l-iżgħar dettall tal-Liġi.
Jimpurtah Alla Ġeħova minn dettalji żgħar? U żgur li iva! Ikkunsidra dan: L-Iżraelin tal-qedem kien intqalilhom li ma kellhom jiksru l-ebda għadma tal-ħaruf tal-Qbiż. (Eżodu 12:46) Forsi dan jidher dettall żgħir. Fehmu huma għalfejn ma kellhom jiksru l-ebda għadma? X’aktarx li le. Iżda Alla Ġeħova kien jaf li dan id-dettall kien ibassar il-fatt li l-Messija ma kien se jkollu ebda għadma miksura meta kien se jingħata l-mewt fuq iz-zokk tat-tortura.—Salm 34:20; Ġwanni 19:31-33, 36.
Il-kliem taʼ Ġesù x’jgħallimna? Anki aħna nistgħu nkunu fiduċjużi għalkollox li l-wegħdi t’Alla Ġeħova kollha se jitwettqu sal-inqas dettall. Kemm tqawwilna qalbna l-iċken ittra tal-alfabett Ebrajk!
^ par. 3 L-iżgħar ittra tal-alfabett Grieg hi ι (ijota) u evidentement hi simili għall-ittra Ebrajka י (jod). Peress li l-Liġi taʼ Mosè oriġinarjament inkitbet u għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra bl-Ebrajk, x’aktarx li Ġesù kien qed jirreferi għall-ittra bl-Ebrajk.