SUĠĠETT PRINĊIPALI | L-ANĠLI—X’TGĦID IL-BIBBJA DWARHOM?
Hemm anġli mill-agħar?
Iva, hemm anġli mill-agħar. Minn fejn ġew? Ftakar li Alla kien ħalaq lill-anġli bil-libertà tal-għażla. Ftit wara li Alla ħalaq l-ewwel raġel u mara, Adam u Eva, wieħed mill-ħlejjaq spirti perfetti abbuża mil-libertà tal-għażla li kellu u qajjem rewwixta. Hu rnexxielu jipperswadi lil Adam u Eva biex jirribellaw kontra Alla. (Ġenesi 3:1-7; Rivelazzjoni 12:9) Il-Bibbja ma tgħidilniex x’kien jismu dan l-anġlu jew liema pożizzjoni kellu fis-sema qabel ma rribella. Imma wara li rribella, il-Bibbja bdiet issejjaħlu Satana, li jfisser “Wieħed li Jopponi,” u Xitan, li jfisser “Wieħed li Jimmalafama.”—Mattew 4:8-11.
B’sogħba, ir-ribelljoni kontra r-rieda t’Alla ma spiċċatx hemm. Fi żmien Noè, għadd t’anġli “abbandunaw il-post xieraq” li kellhom mal-familja t’Alla fis-sema. Huma ġew fuq l-art u ħadu iġsma umani biex jgħixu ħajja immorali u mill-agħar, u b’hekk żvijaw mill-iskop li kienu maħluqin għalih.—Ġuda 6; Ġenesi 6:1-4; 1 Pietru 3:19, 20.
X’ġara minn dawn l-anġli mill-agħar? Meta Alla ġab dulluvju mad-dinja kollha biex inaddaf l-art, huma telqu l-iġsma li kellhom u marru lura fil-qasam tal-ispirti. Madankollu, Alla ma ħalliex lil dawn l-anġli diżubbidjenti jirritornaw għall-“pożizzjoni oriġinali tagħhom.” Minflok, hu żammhom f’kundizzjoni degradanti taʼ “dlam ċappa” spiritwali, magħrufa bħala Tartaru. (Ġuda 6; 2 Pietru 2:4) Dawn id-demonji għażlu li jkunu taħt il-kontroll taʼ Satana x-Xitan, “il-ħakkiem tad-demonji,” li “jibqaʼ jinbidel f’anġlu tad-dawl.”—Mattew 12:24; 2 Korintin 11:14.
Il-Bibbja turi li s-Saltna t’Alla mmexxija minn Kristu, li hi gvern fis-sema, ġiet stabbilita fl-1914. * Wara din il-ġrajja sinifikanti, Satana u d-demonji tiegħu tkeċċew mis-sema u twaddbu ’l isfel lejn l-art. Il-ħażen tant mifrux li ma nistgħux insibu tarfu u l-immoralità gravi li fnew il-pjaneta tagħna, huma evidenza tal-effett vendikattiv u qerriedi tagħhom.—Rivelazzjoni 12:9-12.
Però, iż-żieda fil-ħażen u l-vjolenza xokkanti jikkonfermaw li t-tmiem tal-ħakma kiefra tagħhom hi fil-qrib. Dawn il-ħlejjaq spirti kefrin dalwaqt se titneħħielhom il-qawwa li għandhom. Wara li s-Saltna tkun saltnet fuq art magħmula ġenna għal 1,000 sena, dawn l-ispirti mill-agħar se jkollhom ftit żmien bħala l-aħħar opportunità biex jgħaddu minn prova l-bnedmin. Imbagħad se jiġu meqrudin għal dejjem.—Mattew 25:41; Rivelazzjoni 20:1-3, 7-10.
^ par. 6 Għal iktar informazzjoni dwar is-Saltna t’Alla, ara kapitlu 8 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Disponibbli wkoll fuq www.pr2711.com/mt.