ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 42
Int ‘Lest li Tobdi’?
“L-għerf li ġej minn fuq hu . . . lest li jobdi.”—ĠAK. 3:17.
GĦANJA 101 Naħdmu flimkien f’unità
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Għala jistaʼ jkun diffiċli għalina biex nobdu?
XI KULTANT issibha diffiċli biex tobdi? Ir-Re David ġieli ħassu hekk, u għalhekk talab lil Alla: “Għinni nkun lest li nobdik.” (Salm 51:12) Għalkemm David kien iħobb lil Ġeħova, xi kultant xorta kien isibha diffiċli biex jobdi. U anki aħna. Għala? L-ewwel, peress li aħna imperfetti għandna t-tendenza li ma nobdux. It-tieni, Satana jipprova jġegħelna ma nobdux lil Ġeħova bħalma għamel hu. (2 Kor. 11:3) It-tielet, aħna mdawrin bi “spirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza.” (Efes. 2:2) Għalhekk, irridu naħdmu iebes biex niġġieldu kontra l-imperfezzjonijiet tagħna, Satana, u din id-dinja ħażina, biex b’hekk nobdu lil Ġeħova u lil dawk li hu tahom l-awtorità.
2. X’jiġifieri tkun ‘lest li tobdi’? (Ġakbu 3:17)
2 Aqra Ġakbu 3:17. Ġakbu kiteb li xi ħadd li għandu l-għerf ikun “lest li jobdi.” Aħseb ftit xi jfisser dan. Aħna rridu nkunu lesti li nobdu lil dawk li Ġeħova tahom xi awtorità. Però, Ġeħova ma jistenniex li aħna nobdu lil xi ħadd li jgħidilna biex ninjoraw il-kmandamenti tiegħu.—Atti 4:18-20.
3. Għala hu importanti għal Ġeħova li nobdu lil dawk li għandhom awtorità fuqna?
3 Forsi nsibuha iktar faċli biex nobdu lil Ġeħova milli lill-bnedmin. Dan minħabba li Ġeħova dejjem jagħti direzzjoni perfetta. (Salm 19:7) Imma n-nies li għandhom l-awtorità mhumiex perfetti. Minkejja dan, Missierna tas-sema ta xi awtorità lill-ġenituri, l-uffiċjali tal-gvern, u l-anzjani. (Prov. 6:20; 1 Tess. 5:12; 1 Pt. 2:) Meta nobdu lilhom, inkunu qed nobdu lil Ġeħova. Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nobdu lin-nies li Ġeħova tahom xi awtorità, anki meta nsibuha diffiċli biex naqblu mad-direzzjoni tagħhom jew ma nkunux irridu napplikawha. 13, 14
OBDI LILL-ĠENITURI TIEGĦEK
4. Għala ħafna tfal ma jobdux lill-ġenituri tagħhom?
4 Iż-żgħażagħ u t-tfal huma mdawrin bi wħud tamparhom li huma “diżubbidjenti lejn il-ġenituri.” (2 Tim. 3:1, 2) Għala ħafna mit-tfal ma jobdux? Xi ġenituri jagħmlu l-kontra taʼ dak li jgħidu lit-tfal tagħhom, u dan għat-tfal ma jagħmilx sens. Oħrajn iħossu li l-ġenituri mhumiex raġonevoli u li l-pariri tagħhom m’għadhomx tajbin għal żmienna minħabba li d-dinja nbidlet. Jekk għadek żgħir, ġieli tħossok hekk? Ħafna jsibuha diffiċli biex jobdu l-kmand taʼ Ġeħova: “Obdu lill-ġenituri tagħkom f’unjoni mal-Mulej, għax dan hu sewwa.” (Efes. 6:1) X’jistaʼ jgħinek tobdi?
5. Kif naraw f’Luqa 2:46-52, Ġesù għala hu l-aqwa eżempju għaż-żgħażagħ?
5 Tistaʼ titgħallem kif tobdi minn Ġesù għax hu l-aqwa eżempju għalina. (1 Pt. 2:21-24) Hu kien perfett, imma l-ġenituri tiegħu kienu imperfetti. Xorta waħda, Ġesù obda lill-ġenituri tiegħu anki meta għamlu xi żbalji jew ma fehmuhx. (Eżo. 20:12) Aħseb xi ġralu Ġesù meta kellu 12-il sena. (Aqra Luqa 2:46-52.) Ġesù mar mal-ġenituri tiegħu Ġerusalemm. Imma meta kienu sejrin lura d-dar, huma ma ndunawx li Ġesù ma kienx magħhom. Ġużeppi u Marija kellhom joqogħdu attenti li t-tfal tagħhom kollha qegħdin magħhom. Meta Ġużeppi u Marija fl-aħħar sabu lil Ġesù, Marija waħħlet fih talli ma marx magħhom! Kieku ried, Ġesù setaʼ qalilha li ma kellux tort, imma minflok kellimhom b’rispett. Għalkemm Ġużeppi u Marija “ma fehmux x’kien qed jgħidilhom,” Ġesù “baqaʼ jobdihom.”
6-7. X’jistaʼ jgħin liż-żgħażagħ jobdu lill-ġenituri tagħhom?
6 Żgħażagħ, ġieli ssibuha diffiċli biex tobdu lill-ġenituri tagħkom meta jagħmlu xi żball jew ma jifhmukomx? X’jistaʼ jgħinkom? L-ewwel, aħseb kif iħossu Ġeħova. Il-Bibbja tgħid li meta tobdi lill-ġenituri tiegħek, “dan jogħġob lill-Mulej.” (Kol. 3:20) Ġeħova jaf li xi kultant il-ġenituri tiegħek ma jifhmukx jew jagħmlu regoli li ma jkunux faċli biex tobdihom. Imma meta tobdi xorta, Ġeħova jkun ferħan.
7 It-tieni, aħseb kif iħossuhom il-ġenituri tiegħek. Meta tobdi lill-ġenituri tiegħek, huma se jkunu ferħanin u se jafdawk iktar. (Prov. 23:22-25) X’aktarx il-ħbiberija taʼ bejnietkom se tikber. Ħu mill-Belġju jismu Alexandre jgħid, “Meta bdejt nagħmel dak li kienu jgħiduli l-ġenituri tiegħi, sirna iktar close u konna iktar ferħanin.” b It-tielet, aħseb kif meta tobdi issa se jgħinek fil-futur. Paulo, li jgħix il-Brażil, jgħid, “Li nobdi lill-ġenituri tiegħi għenni biex nobdi lil Ġeħova u lil nies oħrajn li għandhom l-awtorità.” Il-Bibbja tagħtik raġuni tajba għala għandek tobdi lill-ġenituri tiegħek. Din tgħid: “Biex jaħbatlek tajjeb u ddum żmien twil fuq l-art.”—Efes. 6:2, 3.
8. Ħafna żgħażagħ għala jiddeċiedu li jobdu lill-ġenituri tagħhom?
8 Ħafna żgħażagħ indunaw li meta jobdu jmorru tajjeb. Luiza, mill-Brażil, sabitha diffiċli biex tifhem għala kien hemm żmien li ma setax ikollha mowbajl. Fuq kollox, il-biċċa l-kbira taʼ dawk tamparha kellhom wieħed. Imma mbagħad indunat li l-ġenituri tagħha kienu qed jipproteġuha. Hi tgħid, “Inħoss li meta nobdi lill-ġenituri tiegħi, inkun qisni qed nilbes is-seat belt fil-karozza li tistaʼ ssalvali ħajti.” Elizabeth, oħt żagħżugħa mill-Istati Uniti, xi kultant issibha diffiċli biex tobdi lill-ġenituri tagħha. Hi tgħid, “Meta ma nifhimx għala l-ġenituri tiegħi jkunu għamlu xi regola, noqgħod naħseb kif ir-regoli li għamlu qabel ipproteġewni.” Monica, li tgħix l-Armenja, tgħid li dejjem kellha riżultati aħjar meta obdiet lill-ġenituri tagħha milli meta m’obdiethomx.
OBDI LILL- “AWTORITAJIET SUPERJURI”
9. Ħafna kif iħossuhom dwar il-liġijiet?
9 Il-Bibbja ssejjaħ lill-gvernijiet “awtoritajiet superjuri.” (Rum. 13:1) Ħafna nies jaqblu li għandu jkun hemm il-gvernijiet imexxu, u forsi anki jobdu xi liġijiet li jagħmlu l-gvernijiet. Imma meta l-liġijiet ma jkunux jogħġbuhom, x’aktarx ma jobduhomx. Pereżempju, aħseb dwar il-ħlas tat-taxxa. F’pajjiż fl-Ewropa, ħafna nies jaħsbu li jekk it-taxxa tkun għolja tagħmel sew jekk ma tħallashiex. Huwa għalhekk li n-nies f’dak il-pajjiż ma jħallsux it-taxxi kollha li jitlobhom il-gvern.
10. Għala nobdu wkoll il-liġijiet li ma jogħġbuniex?
10 Il-Bibbja turina li l-gvernijiet jikkaġunaw it-tbatija, qegħdin taħt il-kontroll taʼ Satana, u dalwaqt se jiġu meqrudin. (Salm 110:5, 6; Ekk. 8:9; Lq. 4:5, 6) Tgħidilna wkoll li “min jopponi l-awtorità jkun qed jiħodha kontra l-arranġament t’Alla.” Għalissa Ġeħova qed iħalli l-gvernijiet imexxu biex ikun hawn l-ordni, u hu jistenna li aħna nobduhom. Għalhekk, irridu ‘nagħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu,’ inkluż it-taxxi, ir-rispett, u l-ubbidjenza. (Rum. 13:1-7) Forsi naħsbu li xi liġijiet ma jkunx faċli għalina biex nobduhom jew ma jkunx jaqblilna jekk nobduhom. Imma jekk l-awtoritajiet ma jgħidulniex biex niksru xi kmand taʼ Ġeħova, aħna rridu nobduhom għax Ġeħova hekk irid.—Atti 5:29.
11-12. Ġużeppi u Marija x’kellhom jagħmlu biex jobdu l-liġi, u x’kien ir-riżultat? (Luqa 2:1-6)? (Ara l-istampi.)
11 Aħna nistgħu nitgħallmu minn Ġużeppi u Marija li kienu lesti li jobdu lill-awtoritajiet superjuri anki meta kien diffiċli għalihom. (Aqra Luqa 2:1-6.) Meta Marija kellha kważi disaʼ xhur tqala, il-gvern qalilhom biex jagħmlu xi ħaġa diffiċli ħafna. L-Imperatur Awgustu għamel liġi biex dawk li kienu qed jgħixu fl-Imperu Ruman imorru fejn twieldu ħalli jiġu reġistrati. Ġużeppi u Marija kellhom imorru Betlem, vjaġġ taʼ madwar 150 kilometru, b’ħafna tlajjaʼ u nżul. Dan il-vjaġġ ma kienx faċli, speċjalment għal Marija. Wisq probabbli, huma kienu inkwetati minħabba s-saħħa taʼ Marija u tat-tarbija li kienet se titwieled. X’kien se jiġri kieku kellha twelled waqt li jkunu qed jivvjaġġaw fit-triq? La din it-tarbija kienet se tkun il-Messija mwiegħed minn Ġeħova, setgħu ma jobdux il-liġi tal-gvern?
12 Għalkemm Ġużeppi u Marija kellhom għal xiex ikunu inkwetati, huma xorta obdew il-liġi. Ġeħova ħa pjaċir li huma obdew, u ħa ħsiebhom. Marija waslet Betlem qawwija u sħiħa, welldet tarbija b’saħħitha, u kellha parti f’li titwettaq profezija tal-Bibbja!—Mik. 5:2.
13. Meta nobdu lill-gvern kif jaffettwa lill-aħwa?
13 Meta nobdu l-gvern, mhux aħna biss immorru tajjeb imma oħrajn ukoll. Kif? Aħna nevitaw il-konsegwenzi li jiġu meta ma nobdux il-liġi. (Rum. 13:4) Barra minn hekk, meta nobdu l-liġi tal-pajjiż, il-gvern se jara li aħna, bħala Xhieda taʼ Ġeħova, nies sewwa. Pereżempju, ħafna snin ilu fin-Niġerja, xi suldati daħlu f’Sala tas-Saltna waqt laqgħa biex ifittxu għal nies li ma ridux iħallsu t-taxxi. Imma l-kap tagħhom qalilhom biex jitilqu. Hu qal: “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova dejjem iħallsu t-taxxi.” Meta tobdi l-liġi, int tkun qed tagħmel isem tajjeb għall-aħwa kollha, mhux għalik biss. U xi darba, din ir-reputazzjoni taf tgħin lill-aħwa.—Mt. 5:16.
14. X’għen lil oħt tkun ‘lesta li tobdi’ lill-awtoritajiet tal-gvern?
14 Xi kultant, jaf xorta nsibuha diffiċli biex nobdu l-gvern. Oħt jisimha Joanna, mill-Istati Uniti, tgħid: “Kienet vera diffiċli għalija biex nobdi l-gvern, għax xi wħud mill-familja tiegħi batew l-inġustizzja.” Imma Joanna għamlet sforz biex tbiddel il-mod kif kienet taħsibha dwar il-gvernijiet. L-ewwel, waqfet tara rapporti fuq il-midja soċjali li kienu jitkellmu b’mod negattiv dwar l-awtoritajiet. (Prov. 20:3) It-tieni, talbet lil Ġeħova biex tafda fih u mhux tittama li jinbidel il-gvern. (Salm 9:9, 10) U t-tielet, studjat artikli fil-pubblikazzjonijiet tagħna dwar kif nibqgħu newtrali. (Ġw. 17:16) Issa Joanna tgħid li tħossha ħafna iktar kalma u kuntenta minħabba li tirrispetta u tobdi l-awtoritajiet tal-gvern.
OBDI D-DIREZZJONI MILL-ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA
15. Xi kultant għala tistaʼ tkun diffiċli biex nobdu direzzjoni li nirċievu mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
15 Ġeħova jridna li ‘nkunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu’ fil-kongregazzjoni. (Ebr. 13:17) Ġesù hu l-Mexxej tagħna, u hu perfett. Imma l-irġiel li ġew magħżulin biex imexxu mhumiex perfetti. Forsi nsibuha diffiċli biex nobduhom, speċjalment jekk jistaqsuna nagħmlu xi ħaġa li ma togħġobniex. Darba l-appostlu Pietru wkoll ngħata direzzjoni li sabha diffiċli biex jobdiha. Meta anġlu qal lil Pietru biex jiekol annimali li skont il-Liġi taʼ Mosè ma kinux nodfa, hu rrifjuta, mhux darba imma tliet darbiet! (Atti 10:9-16) Għala? Għax għalih dan ma kienx jagħmel sens. Hu kien imdorri jagħmel l-affarijiet b’mod differenti. Jekk kienet diffiċli għal Pietru biex jobdi anġlu perfett, mhux se tkun sorpriża għalina jekk insibuha diffiċli biex nobdu d-direzzjoni taʼ rġiel imperfetti!
16. Għalkemm id-direzzjoni li rċieva Pawlu ma kinitx tagħmel sens għalih, hu x’għamel? (Atti 21:23, 24, 26)
16 L-appostlu Pawlu kien “lest li jobdi” anki meta rċieva direzzjoni u ħaseb li ma kinitx tagħmel sens. Il-Kristjani Lhud semgħu li Pawlu kien qed jgħallem “xi ħaġa kontra l-Liġi taʼ Mosè, li hi apostasija.” (Atti 21:21) L-anzjani f’Ġerusalemm qalu lil Pawlu biex jieħu erbaʼ rġiel fit-tempju u jitnaddaf b’mod ċerimonjali biex juri li hu kien qed jobdi l-Liġi. Imma Pawlu kien jaf li l-Kristjani ma kellhomx għalfejn jobdu l-Liġi. Hu ma kien għamel xejn ħażin, iżda obda mill-ewwel. Għalhekk, l-għada Pawlu “ħa lil dawn l-irġiel u tnaddaf b’mod ċerimonjali magħhom.” (Aqra Atti 21:23, 24, 26.) Minħabba li Pawlu obda d-direzzjoni, l-aħwa baqgħu magħqudin.—Rum. 14:19, 21.
17. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Stephanie?
17 Oħt jisimha Stephanie sabitha diffiċli biex tobdi direzzjoni li għamlu aħwa responsabbli. Hi u r-raġel tagħha kienu qed jieħdu pjaċir jaqdu fi grupp taʼ lingwa barranija. Imbagħad l-uffiċċju tal-fergħa waqqaf il-grupp, u l-koppja ntbagħtu f’kongregazzjoni bil-lingwa tagħhom. Stephanie tgħid, “Kont vera mdejqa. Ma kontx konvinta li kien hemm iktar bżonn fil-lingwa tagħna.” Minkejja dan, obdiet id-direzzjoni l-ġdida. Hi tkompli tgħid, “Maż-żmien stajt nifhem għala l-aħwa ħadu dik id-deċiżjoni. Aħna sirna ġenituri spiritwali għal dawk l-aħwa li l-familja tagħhom mhix fil-verità. Qed nistudja ma’ oħt li dan l-aħħar reġgħet bdiet tattendi l-laqgħat. U issa għandi iktar ħin biex nagħmel l-istudju persunali.” Hi tkompli tgħid, “Għandi kuxjenza nadifa, għax għamilt dak kollu li stajt biex nobdi.”
18. Kif nibbenefikaw meta nobdu?
18 Aħna nistgħu nitgħallmu nobdu. Ġesù “tgħallem l-ubbidjenza minn dak li sofra.” (Ebr. 5:8) Bħal Ġesù, spiss aħna nitgħallmu nobdu meta niffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli. Pereżempju, fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, qalulna biex nieqfu niltaqgħu flimkien għal-laqgħat u nippritkaw minn dar għal dar. Int sibtha diffiċli biex tobdi? Imma għax obdejt, int kont protett, għent biex il-kongregazzjoni tkun magħquda, u għoġobt lil Ġeħova. Issa aħna preparati aħjar biex nobdu kull direzzjoni li nirċievu matul iż-żmien taʼ tbatija kbira. Ħajjitna tistaʼ tiddependi fuq l-ubbidjenza tagħna!—Ġob 36:11.
19. Għala tixtieq tobdi?
19 F’dan l-artiklu tgħallimna li meta nobdu jkollna ħafna barkiet. Imma aħna nagħżlu li nobdu għax inħobbu lil Ġeħova u nixtiequ nagħmlu dak li jrid hu. (1 Ġw. 5:3) Aħna qatt ma nistgħu nħallsu lil Ġeħova taʼ dak kollu li għamel magħna. (Salm 116:12) Imma aħna nistgħu nobdu lilu u lil dawk li għandhom awtorità fuqna. Jekk nobdu nuru li għandna l-għerf, u dawk li juru l-għerf iferrħu lil Ġeħova.—Prov. 27:11.
GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek
a Minħabba li aħna imperfetti, xi kultant ikun diffiċli biex nobdu, anki meta l-persuna li tkun tatna l-parir jew id-direzzjoni jkollha d-dritt tagħmel dan. F’dan l-artiklu se naraw kif nibbenefikaw meta nobdu lill-ġenituri tagħna, l-“awtoritajiet superjuri,” u l-aħwa li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni.
b Għall-pariri kif titkellem mal-ġenituri tiegħek dwar regoli li ssib diffiċli biex tobdi, ara l-artiklu “Kif nistaʼ nkellem lill-ġenituri tiegħi dwar ir-regoli tagħhom?” fuq jw.org.
c X’TURINA L-ISTAMPA: Ġużeppi u Marija obdew il-liġi taʼ Ċesari biex imorru jirreġistraw ruħhom f’Betlem. Il-Kristjani llum jobdu l-liġijiet tat-traffiku, iħallsu t-taxxa, u jobdu twissijiet mill-gvern dwar is-saħħa.