Oqgħod Attent minn Informazzjoni Ħażina
Illum hu faċli iktar minn qatt qabel biex issib informazzjoni, inkluż informazzjoni li tgħinek tibqaʼ protett u b’saħħtek. Imma għandek toqgħod attent minn informazzjoni ħażina bħal:
Aħbarijiet li jġegħluk temmen xi ħaġa oħra minflok il-verità
Rapporti li mhumiex veri bħal fake news
Pereżempju waqt il-pandemija tal-COVID-19, is-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda qal li kien hemm ħafna informazzjoni ħażina u perikoluża. Hu qal: “Qed jiżdiedu pariri ħżiena dwar is-saħħa u dwar kura medika li mhux veru taħdem. Tismaʼ ħafna gideb fuq il-televixin u r-radio. In-nies ixerrdu ħafna ideat fuq l-Internet. Sar komuni ħafna li n-nies juru li jobogħdu u juru preġudizzju lejn ċerti nies oħra.”
Bla dubju, minn dejjem kien hemm nies li xerrdu informazzjoni ħażina. Imma l-Bibbja qalet li fi żmienna “n-nies mill-agħar u l-impusturi [se] jibqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” (2 Timotju 3:1, 13) Permezz tal-Internet nistgħu naraw rapporti li mhumiex veri iżjed malajr minn qatt qabel u allura mingħajr ma rridu nxerrduhom aħna wkoll. Minħabba f’hekk, l-emails, is-social media, u l-aħbarijiet li naraw jistaʼ jkun fihom ħafna informazzjoni ħażina u mhux il-verità kollha.
X’tistaʼ tagħmel biex toqgħod attent minn informazzjoni ħażina u conspiracy theories? Ara xi versi mill-Bibbja li jistgħu jgħinuk.
Temminx kull ħaġa li tara jew tismaʼ
Dak li tgħid il-Bibbja: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.”—Proverbji 14:15.
Jekk ma noqogħdux attenti xi ħadd malajr jistaʼ jidħaq bina. Pereżempju aħseb dwar ir-ritratti u l-vidjows (memes) li jitfgħu online, speċjalment fuq is-social media. Ħafna drabi dawn ikunu biex idaħħqu. Imma dawn ir-ritratti u l-vidjows hu faċli biex jirranġawhom kif iridu u jaqtgħu xi biċċiet biex ifissru xi ħaġa oħra. In-nies jistgħu jagħmlu vidjows taʼ nies oħra jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li qatt ma qalu jew għamlu.
“Ħafna mill-informazzjoni ħażina li l-istudjużi jsibu fuq is-social media jkun fiha ritratti u vidjows li ma jkunux l-oriġinali, bħal memes.”—Axios Media.
Saqsi lilek innifsek: ‘Il-vidjow jew ir-ritratt hu veru jew xi ħaġa tad-daħq?ʼ
Ara minn fejn ġejja l-informazzjoni u x’fiha
Dak li tgħid il-Bibbja: “Aċċertaw ruħkom minn kollox.”—1 Tessalonikin 5:21.
Qabel ma temmen jew tibgħat xi ħaġa, kun ċert li vera anki jekk hi popolari u tissemma fl-aħbarijiet. Kif?
Ara jekk tistax tafda lil min qalha. Kumpaniji tal-aħbarijiet jew organizzazzjonijiet oħra jistgħu jgħidu xi ħaġa li taqbel maʼ kif jaħsbu huma jew kif jaqblilhom. Qabbel dak li tismaʼ fl-aħbarijiet maʼ rapporti oħra. Kultant xi ħbieb jistgħu jibagħtu informazzjoni ħażina bl-email jew fuq is-social media b’intenzjoni tajba. Allura temminx xi ħaġa qabel ma tiċċekkja minn fejn ġejja.
Kun ċert li l-informazzjoni hi reċenti u vera. Ara hemmx xi dati, xi fatti li tistaʼ tikkonferma xi mkien ieħor, u evidenza li taqbel maʼ dik l-informazzjoni. Għandek toqgħod attent iktar jekk informazzjoni b’ħafna dettalji tiġi spjegata b’mod sempliċi ħafna jew jekk ir-rapport hux miktub biex iġiegħlek tħossok b’ċertu mod.
“Li tiċċekkja jekk l-informazzjoni li rċivejt hix vera qed issir importanti daqs li taħsel idejk.”—Sridhar Dharmapuri, uffiċjal tal-Food Safety and Nutrition għall-Ġnus Magħquda.
Saqsi lilek innifsek: ‘Il-mod kif inhu miktub ir-rapport hu l-opinjoni taʼ xi ħadd jew hemm il-fatti? Fih l-istorja kollha?ʼ
Ara l-fatti mhux dak li tixtieq tismaʼ inti
Dak li tgħid il-Bibbja: “Min jafda lil qalbu stess hu stupidu.”—Proverbji 28:26.
Normalment nemmnu informazzjoni li taqbel maʼ dak li naħsbu aħna. Kumpaniji tal-Internet ħafna drabi jibagħtulek informazzjoni dwar affarijiet li jinteressawk u li fittixt dwarhom fuq l-Internet. Imma dak li nieħdu pjaċir nisimgħu mhux dejjem ikun li għandna bżonn nisimgħu.
“In-nies huma kapaċi jaħsbu f’oħrajn u jużaw moħħhom. Imma dak li nixtiequ, li nibżgħu minnu, u li naħdmu għalih spiss iġegħelna nemmnu xi ħaġa għax taqbel maʼ dak li naħsbu.” Peter Ditto, psikologu soċjali.
Saqsi lilek innifsek: ‘Jien nemmen din l-informazzjoni għax taqbel maʼ dak li naħseb?ʼ
Ixxerridx informazzjoni ħażina
Dak li tgħid il-Bibbja: “Ixxerrdux aħbar li mhix vera.”—Eżodu 23:1.
Tinsiex li l-informazzjoni li taqsam m’oħrajn tistaʼ teffettwa ħafna l-mod kif jaħsbu u jaġixxu. Anki jekk tibgħat informazzjoni ħażina b’intenzjoni tajba, jistaʼ jkun hemm il-konsegwenzi.
“L-ewwel ħaġa li għandek tagħmel qabel ma tibgħat informazzjoni lil oħrajn saqsi lilek innifsek, ‘Jien ċert li dak li se nibgħat hu veru?ʼ Kieku kulħadd jagħmel hekk ikun hemm ħafna inqas informazzjoni ħażina fuq l-Internet.”—Peter Adams, viċi president tan-News Literacy Project.
Saqsi lilek innifsek: ‘Din l-informazzjoni qed naqsamha m’oħrajn għax vera?ʼ