L-Ekonomija Qatt Se Tkun Tajba għal Kulħadd?
F’ħafna pajjiżi, in-nies qed jipprotestaw għax iħossu li l-ekonomija mhix ġusta. Din is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar matul il-pandemija tal-COVID-19, u dan ġiegħel lin-nies iħossuhom imdejqin minħabba l-lockdowns u n-nuqqas taʼ ikel. In-nuqqas t’għajnuna medika wriet b’mod ċar id-differenza bejn is-sinjuri u l-fqar.
Qatt se jispiċċaw il-problemi ekonomiċi li jikkaġunaw ħafna tbatija lin-nies? Iva. Il-Bibbja tispjega x’se jagħmel Alla biex isolvi l-problemi li qed niffaċċjaw.
Problemi ekonomiċi li se jsolvi Alla
Il-problema: Il-bnedmin għadhom qatt ma ġabu ekonomija li hi tajba għal kulħadd.
Is-soluzzjoni: Alla se jneħħi l-gvernijiet umani u minflokhom jagħmel il-gvern tiegħu li jissejjaħ is-Saltna t’Alla. Dan il-gvern se jmexxi mis-sema għal fuq l-art kollha.—Danjel 2:44; Mattew 6:10.
Ir-riżultat: Minħabba li s-Saltna t’Alla se tmexxi fuq l-art kollha, l-affarijiet se jitmexxew b’mod ġust. In-nies mhux se jkunu foqra jew jibżgħu li mhux se jkollhom biżżejjed biex jgħixu. (Salm 9:7-9, 18) Minflok, huma se jgawdu r-riżultati tax-xogħol tagħhom u se jkollhom ħajja sabiħa mal-familji tagħhom. Il-Bibbja twegħedna: “Se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux u jgħammar ħaddieħor; ma jħawlux u jiekol ħaddieħor.”—Isaija 65:21, 22.
Il-problema: In-nies ma jistgħux jevitaw sitwazzjonijiet li jikkaġunaw it-tbatija u nuqqas t’affarijiet li jkollhom bżonn fil-ħajja.
Is-soluzzjoni: Permezz tas-Saltna tiegħu, Alla se jneħħi l-affarijiet li jġiegħlu n-nies jinkwetaw u jibżgħu.
Ir-riżultat: Taħt is-Saltna t’Alla, in-nies u l-familji tagħhom mhux se jesperjenzaw affarijiet li bihom jitilfu dak li jkollhom bżonn biex jgħixu. Pereżempju, qatt iktar ma se jkun hemm gwerer, nuqqas t’ikel jew pandemiji. (Salm 46:9; 72:16; Isaija 33:24) Alla jgħid: “Il-poplu tiegħi jgħammar f’postijiet taʼ paċi u f’residenzi mimlijin sigurtà u f’postijiet taʼ mistrieħ bla xkiel.”—Isaija 32:18.
Il-problema: In-nies li huma egoisti u dejjem iridu spiss jittrattaw ħażin lil nies oħrajn.
Is-soluzzjoni: In-nies li se jgħixu taħt is-Saltna t’Alla se jitgħallmu kif iħobbu lill-oħrajn iktar milli jħobbu lilhom infushom.—Mattew 22:37-39.
Ir-riżultat: Taħt is-Saltna t’Alla, kulħadd se jimita l-imħabba t’Alla li “ma tfittixx l-interessi tagħha.” (1 Korintin 13:4, 5) Il-Bibbja tgħid: “Ma se jagħmlu ebda ħsara jew ħerba fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi; għax l-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova a bħalma l-ilmijiet jiksu l-baħar.”—Isaija 11:9.
Il-Bibbja turi li aħna qed ngħixu fl-aħħar żminijiet taʼ din id-dinja u li Alla dalwaqt se jwettaq il-wegħdi tiegħu. Hu se jneħħi l-problemi ekonomiċi kollha. b (Salm 12:5) Imma qabel jiġri dan, il-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuk tkampa mal-problemi ekonomiċi li qed tiffaċċja. Pereżempju, ara l-artikli “How to Live on Less” u “A Balanced View of Money.”
a Ġeħova hu l-isem t’Alla kif turi l-Bibbja.—Salm 83:18.
b Biex tkun taf għala tistaʼ tafda l-Bibbja ara l-artiklu “The Bible—A Reliable Source of Truth.”