KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?
Stazzjon tal-JW Broadcasting bis-Satellita Jilħaq Fejn l-Internet Ma Jilħaqx
1 T’APRIL 2021
Kull xahar, aħna nistennew bil-ħerqa l-programmi u l-vidjows spiritwali li joħorġu fuq il-JW Broadcasting. Madanakollu, ħafna minn ħutna fl-Afrika m’għandhomx aċċess għal dawn il-programmi fuq l-Internet. Għala le?
Parti kbira mill-Afrika għandha aċċess limitat għall-Internet. U fejn hemm l-aċċess, spiss l-Internet ikun batut jew iqum ħafna flus. Pereżempju, indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet f’Madagascar darba ddawnlowdja programm wieħed tal-JW Broadcasting minn dawk li joħorġu kull xahar minn ħanut li joffri l-Internet. Hu kellu jħallas madwar €14, li hu iktar mill-paga li xi nies jaqilgħu f’ġimgħa waħda!
Minkejja dawn id-diffikultajiet, miljuni taʼ nies fl-Afrika issa jistgħu jgawdu l-JW Broadcasting mingħajr ma jużaw l-Internet. Kif?
Mill-2017 ’l hawn, il-JW Broadcasting sar disponibbli għal dawk li joqogħdu ’l isfel mid-Deżert taʼ Saħara fl-Afrika permezz taʼ stazzjon tat-televixin li jaħdem bis-satellita. Dan l-istazzjon jixxandar bla ħlas, 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, b’16-il lingwa.
Biex jagħmlu dan, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jħallsu lil servizz tax-xandir tat-televixin biex ikunu jistgħu jittrasmettu permezz tas-satellita. Is-satellita li tintuża tkopri xi 35 pajjiż fl-Afrika ’l isfel mid-Deżert taʼ Saħara. Il-kuntratt jiswa iktar minn madwar €10,000 kull xahar. Minn żmien għal żmien, jitħallas ammont ieħor biex jixxandru programmi live fuq stazzjon differenti. Dan jagħmilha possibbli biex eluf igawdu konvenzjonijiet jew programmi speċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ żjajjar tal-fergħa.
Ħafna nies, anke li ma jkunux Xhieda, jaraw l-istazzjon tal-JW bis-satellita fuq it-televixin id-dar. Iżda, ħafna minn ħutna ma jaffordjawx li jixtru l-apparat meħtieġ biex jaraw l-istazzjon tas-satellita. Biex jgħinuhom, iktar minn 3,670 Sala tas-Saltna ġew armati b’apparat tas-satellita biex ħutna jkunu jistgħu jaraw il-JW Broadcasting hemm. L-apparat, inkluż l-ispejjeż tat-trasport, jiswa madwar €60 jekk is-Sala tas-Saltna jkollha diġà televixin jew proġekter. Inkella, l-apparat li jkollhom bżonn jistaʼ jiswa iktar minn madwar €450.
Ħutna vera japprezzaw l-istazzjon. Anzjan fil-Kamerun jgħid: “Hu bħal manna f’nofs id-deżert għall-familja tagħna.” Odebode, ħu fin-Niġerja, jgħid: “Aħna naraw l-istazzjon bħala familja tliet darbiet fil-ġimgħa. It-tfal tiegħi dejjem iħarsu ’l quddiem għal dan. Drabi oħra huma saħansitra jkunu jridu li naqilbu għal fuq l-istazzjon tal-JW.” Rose, li hi wkoll min-Niġerja tgħid: “Għandi l-pjaċir ngħid li l-istazzjon bis-satellita tal-JW ħa post il-kilba li kelli biex nara l-istazzjon tal-aħbarijiet. Meta kont nara l-aħbarijiet, spiss kont inħossni mdejqa b’dak li nara u kienet titlagħli l-pressjoni. Imma l-JW Broadcasting huwa tant inkuraġġanti u taʼ serħan il-moħħ! Huwa l-istazzjon favorit tiegħi u barka mingħand Ġeħova.”
Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fil-Mozambique jgħid li fis-circuit tiegħu, is-Swali tas-Saltna għandhom l-apparat għall-istazzjon bis-satellita. L-aħwa f’dawn il-kongregazzjonijiet jaslu siegħa jew iktar qabel tibda l-laqgħa biex jaraw il-JW Broadcasting bis-satellita.
Għall-konvenzjoni internazzjonali tal-2019 f’Johannesburg, l-Afrika t’Isfel, l-istazzjon ġie użat biex jittrasmetti taħditiet prinċipali, inkluż dawk mogħtijin minn xi membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, lil disaʼ lokalitajiet oħra. Sphumelele, ħu mid-Dipartiment tal-Broadcasting Lokali fil-fergħa tal-Afrika t’Isfel, jgħid: “Qabel kien ikollna nittrasmettu t-taħditiet permezz tal-Internet. Imma dan jirrikjedi Internet stabbli u l-ispejjeż għalih. L-istazzjon tal-JW bis-satellita hu orħos u taʼ min joqgħod fuqu.”
Grazzi għad-donazzjonijiet ġenerużi tagħkom għax-xogħol taʼ madwar id-dinja, ħafna minn ħutna fl-Afrika jistgħu jaraw il-JW Broadcasting bis-satellita. Aħna verament grati għad-donazzjonijiet li għamiltu b’metodi differenti li jinsabu fuq donate.pr2711.com.