X’Inhi Babilonja l-Kbira?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-ktieb tar-Rivelazzjoni jsemmi “mara” li hi ‘prostituta kbira’ u li għandha “isem misterjuż: ‘Babilonja l-Kbira.’” (Rivelazzjoni 17:1, 3, 5) Din il-mara tirrappreżenta r-reliġjonijiet foloz kollha, li ‘partu l-verità dwar Alla mal-gideb.’ a (Rumani 1:25) Għalkemm dawn ir-reliġjonijiet għandhom ħafna affarijiet differenti, b’xi mod jew ieħor ilkoll ibiegħdu lin-nies milli jqimu lill-Alla l-veru, Ġeħova.—Dewteronomju 4:35.
Affarijiet li jgħinuk tagħraf min hi Babilonja l-Kbira
Babilonja l-Kbira hi simbolu. Il-ktieb tar-Rivelazzjoni hu preżentat “b’mod simboliku,” allura huwa raġunevoli li nikkonkludu li Babilonja l-Kbira hi simbolu u mhux mara letterali. (Rivelazzjoni 1:1) Barra minn hekk, hi “toqgħod bilqiegħda fuq ħafna ilmijiet,” li jirrappreżentaw “in-nies, il-folol, il-ġnus, u l-lingwi.” (Rivelazzjoni 17:1, 15) Mara letterali ma tistax tagħmel dan.
Babilonja l-Kbira tirrappreżenta entità internazzjonali. Hi msejħa “l-belt il-kbira li tmexxi fuq ir-rejiet tal-art.” (Rivelazzjoni 17:18) B’hekk, hi tistaʼ tinfluwenza lil ħafna pajjiżi madwar id-dinja.
Babilonja l-Kbira mhix entità politika jew kummerċjali, imma waħda reliġjuża. Babilonja tal-qedem kienet belt reliġjuża ħafna, u kienet magħrufa għall-“magħmul u s-sħarijiet.” (Isaija 47:1, 12, 13; Ġeremija 50:1, 2, 38) Infatti, in-nies li kienu joqogħdu f’din il-belt kienu jipprattikaw ir-reliġjon falza li topponi lill-Alla l-veru, Ġeħova. (Ġenesi 10:8, 9; 11:2-4, 8) Il-ħakkiema taʼ Babilonja b’arroganza kienu jħossu li huma iktar importanti minn Ġeħova u l-qima tiegħu. (Isaija 14:4, 13, 14; Danjel 5:2-4, 23) Bl-istess mod, Babilonja l-Kbira hi magħrufa għall-‘ispiritiżmu li tagħmel.’ Dan juri li hi organizzazzjoni reliġjuża.—Rivelazzjoni 18:23.
Babilonja l-Kbira ma tistax tkun entità politika, għax “ir-rejiet tal-art” se jitnikktu minħabba l-qerda tagħha. (Rivelazzjoni 17:1, 2; 18:9) U lanqas mhi qawwa kummerċjali, għax il-Bibbja tagħmel differenza bejnha u bejn “in-negozjanti tal-art.”—Rivelazzjoni 18:11, 15.
Jidher ċar li Babilonja l-Kbira tissimbolizza r-reliġjon falza. Minflok ma tgħallem lin-nies kif jersqu eqreb lejn l-Alla l-veru, Ġeħova, ir-reliġjon falza fil-fatt twassalhom biex iqimu allat oħrajn. Il-Bibbja din il-ħaġa tiddeskriviha bħala prostituzzjoni spiritwali. (Levitiku 20:6; Eżodu 34:15, 16) Ħafna reliġjonijiet foloz għadhom jgħallmu tagħlim falz li ilu ġej minn Babilonja tal-Qedem, inkluż it-tagħlim taʼ trinità , l-immortalità tar-ruħ, u l-użu tal-istatwi fil-qima tagħhom. Dawn ir-reliġjonijiet iħalltu wkoll il-qima tagħhom mal-imħabba għad-dinja. Il-Bibbja turi li min jipprattika dawn l-affarijiet mhuwiex leali.—Ġakbu 4:4.
Il-ġid materjali tar-reliġjon falza u l-iffanfrar tagħha jaqblu mal-mod kif il-Bibbja tiddeskrivi lil Babilonja l-Kbira, li hi “liebsa ħwejjeġ b’kulur vjola u aħmar jgħajjat, u deheb, ħaġar prezzjuż, u perli.” (Rivelazzjoni 17:4) Babilonja l-Kbira hi s-sors tal-“affarijiet diżgustanti tal-art.” (Rivelazzjoni 17:5) Il-membri tar-reliġjon falza huma “n-nies, il-folol, il-ġnus, u l-lingwi” li jappoġġaw lil Babilonja l-Kbira.—Rivelazzjoni 17:15.
Babilonja l-Kbira hi responsabbli għall-mewt “taʼ dawk kollha li nqatlu b’mod vjolenti.” (Rivelazzjoni 18:24) Matul l-istorja, ir-reliġjon falza mhux biss qanqlet gwerer u ħeġġet atti terroristiċi, imma wkoll naqset milli tgħallem lin-nies il-verità dwar Ġeħova, l-Alla kollu mħabba. (1 Ġwanni 4:8) Dan in-nuqqas wassal biex ikun hawn ħafna tixrid taʼ demm.
Alla kif iqisha lil Babilonja l-Kbira?
Għal Alla, Babilonja l-Kbira tant għamlet “dnubiet [li] lanqas tistaʼ tgħoddhom.” (Rivelazzjoni 18:4, 5) Alla hu rrabjat ħafna mar-reliġjonijiet foloz minħabba li qalu l-gideb dwaru u talli trattaw ħażin lin-nies tagħhom.
X’se jiġrilha Babilonja l-Kbira?
Il-Bibbja tgħid li ‘Alla ġġudika’ lil Babilonja l-Kbira. (Rivelazzjoni 18:20) B’mod simboliku, il-Bibbja qalet bil-quddiem li Alla se jeqred ir-reliġjonijiet foloz kollha. (Rivelazzjoni 18:8) Hu se jġiegħel lil bhima salvaġġa b’kulur aħmar jgħajjat—li tirrappreżenta entità politika b’saħħitha—biex din teqred lir-reliġjonijiet foloz kompletament. (Rivelazzjoni 17:16, 17) “Il-belt il-kbira, Babilonja, se titwaddab bl-istess ħeffa, u qatt mhu se terġaʼ tidher.” (Rivelazzjoni 18:21) Allura bir-raġun li l-Bibbja tgħid li dawk li jridu jogħġbu lil Alla għandhom ‘joħorġu minn nofsha u jinfirdu minn magħhom,’ jiġifieri mir-reliġjonijiet foloz.—2 Korintin 6:14-17.
a Ara l-artiklu “Kif nistaʼ nsib ir-reliġjon vera?”