Il-Bibbja fiha kontradizzjonijiet?
It-tweġiba tal-Bibbja
Le, il-Bibbja kollha hi fi qbil. Filwaqt li xi siltiet jistgħu jidhru li l-Bibbja tikkontradixxi lilha nfisha, normalment dawn tistaʼ tifhimhom b’mod korrett billi tapplika prinċipju jew iktar minn dawn li ġejjin:
Ikkunsidra l-kuntest. Kwalunkwe awtur jistaʼ jidher li qed jikkontradixxi lilu nnifsu jekk kliemu jiġi meħud barra l-kuntest.
Ikkunsidra l-ħarsa tal-kittieb. Xhieda taʼ xi ġrajja jistgħu jiddeskrivu din b’mod eżatt imma ma jużawx l-istess kliem jew jinkludu l-istess dettalji.
Ikkunsidra fatti u drawwiet storiċi.
Agħmel distinzjoni bejn l-użu figurattiv u letterali taʼ kelma.
Irrikonoxxi li xi ħaġa tistaʼ tiġi attribwita lil xi ħadd, jiġifieri jingħad li jkun għamel xi ħaġa hu, anki jekk ma jkunx għamilha hu personalment. a
Uża traduzzjoni eżatta tal-Bibbja.
Tipprovax iġġib fi qbil dak li tgħid il-Bibbja maʼ ideat jew twemmin reliġjuż żbaljat.
L-eżempji li ġejjin juru kif dawn il-prinċipji jistgħu jispjegaw xi ftit minn dawk li jidhru li huma inkonsistenzi fil-Bibbja.
L-1 prinċipju: Il-kuntest
Jekk Alla straħ fis-sebaʼ jum, allura kif baqaʼ jaħdem? Il-kuntest tar-rakkont tal-ħolqien fil-Ġenesi juri li l-istqarrija li Alla “fis-sebaʼ jum beda jistrieħ mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel” tirreferi speċifikament għax-xogħol tiegħu tal-ħolqien fiżiku li għandu x’jaqsam mal-art. (Ġenesi 2:2-4) Ġesù ma kkontradixxiex dan għax meta qal li Alla “baqaʼ jaħdem s’issa,” hu kien qed jitkellem dwar xogħlijiet oħrajn t’Alla. (Ġwanni 5:17) Ix-xogħlijiet t’Alla jinkludu l-ispirazzjoni tal-Bibbja u l-mod kif jiggwida u jieħu ħsieb il-bnedmin.—Salm 20:6; 105:5; 2 Pietru 1:21.
It-2 u t-3 prinċipju: Il-ħarsa u l-istorja
Ġesù fejn fejqu lir-raġel agħma? Il-ktieb taʼ Luqa jgħid li Ġesù fejjaq raġel agħma meta Ġesù kien “qed joqrob lejn Ġeriko,” filwaqt li l-istess rakkont f’Mattew isemmi żewġt irġiel għomja u jgħid li l-fejqan seħħ meta Ġesù kien ‘ħiereġ minn Ġeriko.’ (Luqa 18:35-43; Mattew 20:29-34) Dawn iż-żewġ rakkonti li huma miktubin minn ħarsa taʼ kittieba differenti fil-fatt jikkumplimentaw lil xulxin. Rigward in-numru ta’ rġiel, Mattew hu iktar speċifiku billi jsemmi li kien hemm tnejn, filwaqt li Luqa jiffoka fuq ir-raġel li Ġesù kellem direttament. U dwar il-post fejn sar il-fejqan, l-arkeoloġi sabu li fi żmien Ġesù, Ġeriko kienet belt doppja—kien hemm il-belt Lhudija antika madwar kilometru u nofs ’il bogħod mill-belt Rumana iktar ġdida. Jistaʼ jkun li Ġesù kien bejn iż-żewġt ibliet meta għamel dan il-miraklu.
Ir-4 prinċipju : Termini figurattivi u letterali
L-art se tinqered? F’Ekkleżjasti 1:4, il-Bibbja tgħid li “l-art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Dan għal xi wħud jidher li jikkontradixxi l-istqarrija li “l-art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-nar.” (2 Pietru 3:10, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Madankollu, fil-Bibbja l-kelma “art” tintuża sew b’mod letterali billi tirreferi għall-pjaneta tagħna, u sew b’mod figurattiv billi tirreferi għan-nies li jgħixu fid-dinja. (Ġenesi 1:1; 11:1) Il-qerda tal-“art” li hi deskritta fit-2 Pietru 3:10 ma tirreferix għall-qerda tal-pjaneta tagħna imma għall-“qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”—2 Pietru 3:7.
Il-5 prinċipju: L-attribuzzjoni
F’Kafarnahum, min mar għand Ġesù bit-talba taċ-ċenturjun? Mattew 8:5, 6 jgħid li ċ-ċenturjun (fizzjal tal-armata) innifsu mar għand Ġesù, filwaqt li Luqa 7:3 jgħid li ċ-ċenturjun bagħat xi xjuħ tal-Lhud biex jagħmlu t-talba tiegħu. Din li tidher bħala kontradizzjoni fil-Bibbja tistaʼ tiġi mifhuma li l-fizzjal tal-armata kien il-wieħed li talab dan, imma bagħat ix-xjuħ bħala r-rappreżentanti tiegħu.
Is-6 prinċipju: Traduzzjoni eżatta
Aħna lkoll nidinbu? Il-Bibbja tgħallem li aħna lkoll nirtu d-dnub mill-ewwel raġel, Adam. (Rumani 5:12) Xi traduzzjonijiet jidhru li jikkontradixxu dan billi jgħidu li individwu tajjeb “ma jidnibx.” (1 Ġwanni 3:6, GħBM) Però, fil-lingwa oriġinali, il-verb Grieg għall-kelma “dnub” fl-1 Ġwanni 3:6 hu fl-imperfett (jew, fil-preżent), li f’dik il-lingwa normalment jindika azzjoni kontinwa. Hemm differenza bejn id-dnub li jintiret, li ma jistax jiġi evitat, u d-dnub li jsir apposta, li dak li jkun jiħodha drawwa li ma jobdix il-liġijiet t’Alla. B’hekk, xi traduzzjonijiet jiċċaraw dik li tidher bħala kontradizzjoni billi b’mod eżatt jużaw frażijiet bħal “min ma jipprattikax id-dnub.”—Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida.
Is-7 prinċipju: Il-Bibbja, mhux dak li jgħid xi twemmin reliġjuż
Huwa Ġesù daqs Alla jew inqas minn Alla? Ġesù darba qal: “Jien u l-Missier ħaġa waħda.” Dan donnu jikkontradixxi l-istqarrija tiegħu: “Il-Missier akbar minni.” (Ġwanni 10:30; 14:28) Biex nifhmu dawn il-versi b’mod korrett, irridu neżaminaw dak li l-Bibbja tgħid verament dwar Ġeħova u Ġesù minflok ma nipprovaw inġibu dawn il-versi fi qbil mat-twemmin tat-Trinità, li mhuwiex ibbażat fuq il-Bibbja. Il-Bibbja turi li Ġeħova huwa kemm Missier Ġesù kif ukoll l-Alla tiegħu, il-Wieħed li anki Ġesù jadura. (Mattew 4:10; Marku 15:34; Ġwanni 17:3; 20:17; 2 Korintin 1:3) Ġesù mhuwiex daqs Alla.
Il-kuntest tal-istqarrija taʼ Ġesù “Jien u l-Missier ħaġa waħda” juri li hu kien qed jitkellem dwar il-fatt li hu u Missieru, Alla Ġeħova, għandhom l-istess l-iskop. Ġesù iktar tard qal: “Il-Missier hu f’unjoni miegħi u jien f’unjoni mal-Missier.” (Ġwanni 10:38) Ġesù kellu din l-unità fl-iskop anki mas-segwaċi tiegħu, għax dwarhom talab lil Alla: “Jien tajthom il-glorja li tajtni, sabiex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda. Jien f’unjoni magħhom u int f’unjoni miegħi.”—Ġwanni 17:22, 23.
a Pereżempju, fl-artiklu tagħha dwar it-Taj Mahal, l-Encyclopædia Britannica tgħid li “nbena mill-imperatur Mongolu Shah Jahân.” Però, dan ma bniehx hu personalment għax l-artiklu stess ikompli jgħid li “ġew impjegati iktar minn 20,000 ħaddiem” biex jinbena.