X’Jiġri Meta Tmut?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja tgħid: “Il-ħajjin jafu li għad imutu; imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn.” (Ekkleżjasti 9:5; Salm 146:4) Għalhekk, meta mmutu, ma nibqgħux neżistu. Il-mejtin la jistgħu jaħsbu, la jaġixxu, u lanqas iħossu xi ħaġa.
“Trab terġaʼ ssir”
Alla spjega x’jiġri meta mmutu meta kellem lill-ewwel bniedem, Adam. Minħabba li Adam m’obdiex, Alla qallu: “Trab int u trab terġaʼ ssir.” (Ġenesi 3:19) Qabel ma Alla ħalaq lil Adam “mit-trab taʼ l-art,” Adam ma kienx jeżisti. (Ġenesi 2:7) Bl-istess mod, meta Adam miet, hu reġaʼ lura lejn it-trab u ma baqax jeżisti.
L-istess ħaġa tiġri lil dawk li jmutu issa. Meta titkellem kemm dwar il-bnedmin u kemm dwar l-annimali, il-Bibbja tgħid: “Kollha mit-trab ġew, u kollha lejn it-trab jerġgħu jmorru.”—Ekkleżjasti 3:19, 20.
Il-mewt mhux bilfors hi t-tmiem taʼ kollox
Il-Bibbja spiss tqabbel il-mewt mal-irqad. (Salm 13:3; Ġwanni 11:11-14; Atti 7:60) Xi ħadd li jkun rieqed fil-fond ma jkunx konxju taʼ xi jkun qed jiġri madwaru. Bl-istess mod, il-mejtin ma huma konxji taʼ xejn. Madankollu, il-Bibbja tgħallem li Alla jistaʼ jqajjem il-mejtin bħallikieku mill-irqad u jerġaʼ jagħtihom il-ħajja. (Ġob 14:13-15) Għal dawk li Alla jirxoxtahom, il-mewt mhijiex it-tmiem taʼ kollox.