Min kienet il-mara taʼ Kajjin?
It-tweġiba tal-Bibbja
Kajjin, l-ewwel wild tal-ewwel koppja umana, iżżewweġ lil waħda minn ħutu jew lil xi ħadd ieħor li kien jiġi mill-qrib minnu. Nistgħu naslu għal din il-konklużjoni billi nikkunsidraw x’tgħid il-Bibbja dwar Kajjin u l-familja tiegħu.
Fatti dwar Kajjin u l-familja tiegħu
In-nies kollha huma dixxendenti t’Adam u Eva. Alla “minn raġel wieħed [Adam] għamel il-ġnus kollha tal-bnedmin, biex jgħammru fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art.” (Atti 17:26) Mart Adam, Eva, saret “omm il-ħajjin kollha.” (Ġenesi 3:20) Għaldaqstant, Kajjin żgur li żżewweġ lil xi ħadd mid-dixxendenti taʼ Adam u Eva.
Eva, l-ewwel kellha lil Kajjin, imbagħad lil Abel, u wara kellha wlied oħrajn. (Ġenesi 4:1, 2) Meta Kajjin ġie mkeċċi talli qatel lil ħuh, hu lmenta: “Żgur li kulmin isibni joqtolni.” (Ġenesi 4:14) Minn min kien qed jibżaʼ Kajjin? Il-Bibbja tgħid li Adam “nissel subien u bniet.” (Ġenesi 5:4) Milli jidher, id-dixxendenti l-oħra t’Adam u Eva setgħu heddew lil Kajjin.
Fil-bidu tal-istorja umana, kien normali li wieħed jiżżewweġ lil xi ħadd jiġi minnu. Pereżempju, ir-raġel leali Abraham iżżewweġ lil oħtu mill-missier. (Ġenesi 20:12) L-ewwel kmand kontra żwieġ bħal dan deher fil-Liġi Mosajka, li daħlet fis-seħħ mijiet taʼ snin wara Kajjin. (Levitiku 18:9, 12, 13) Donnu li t-tfal li kienu jitwieldu minn qraba lura f’dak iż-żmien ma kinux suxxettibbli li jitwieldu b’difetti bħalma jiġri llum.
Il-Bibbja tippreżenta r-rakkont taʼ Adam, Eva, u l-familja tagħhom bħala rakkont storiku eżatt. Ġenealoġiji dettaljati li jmorru lura sa Adam ma ssibhomx biss fil-ktieb tal-Ġenesi, li nkiteb minn Mosè, imma ssibhom ukoll fil-kitbiet tal-istorjografi Esdra u Luqa. (Ġenesi 5:3-5; 1 Kronaki 1:1-4; Luqa 3:38) Kittieba tal-Bibbja jirreferu għall-istorja taʼ Kajjin bħala ġrajja storika.—Ebrej 11:4; 1 Ġwanni 3:12; Ġuda 11.