Mur fil-kontenut

Nixtieq immut—Tistaʼ l-Bibbja tgħinni meta jkolli ħsibijiet biex nagħmel suwiċidju?

Nixtieq immut—Tistaʼ l-Bibbja tgħinni meta jkolli ħsibijiet biex nagħmel suwiċidju?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Iva! Il-Bibbja ġejja minn “Alla, li jfarraġ lill-imgħakksin.” (2 Korintin 7:6) Minkejja li l-Bibbja mhix ktieb dwar is-saħħa mentali, din għenet lil ħafna biex jegħlbu ħsibijiet taʼ suwiċidju. Il-pariri prattiċi tagħha jistgħu jgħinu lilek ukoll.

 Il-Bibbja x’pariri prattiċi tagħti?

  • Esprimi dak li tkun qed tħoss.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.”—Proverbji 17:17.

     Xi jfisser dan: Aħna għandna bżonn l-għajnuna taʼ oħrajn meta jkollna ħsibijiet li jinkwetawna.

     Jekk iżżomm kollox ġo fik, tistaʼ ġġorr xi ħaġa li ssir tqila wisq għalik. Imma jekk titkellem maʼ oħrajn, inti tistaʼ tnaqqas it-tensjoni u tibda tħares lejn il-problemi li jkollok b’lenti oħra.

     Ipprova dan: Kellem lil xi ħadd illum, forsi lil xi ħadd tal-familja jew xi ħabib li tafdah. a Inti tistaʼ tesprimi ruħek ukoll billi tikteb dwar kif qed tħossok.

  • Fittex għajnuna professjonali.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-morda iva.”—Mattew 9:12.

     Xi jfisser dan: Aħna rridu nfittxu l-għajnuna medika meta nkunu morda.

     Ħsibijiet taʼ suwiċidju jistgħu jkunu sintomi taʼ mard mentali jew emozzjonali. Bħall-mard fiżiku, m’hemm xejn minn xiex tistħi. Tistaʼ tingħata kura għal mard mentali u mard emozzjonali.

     Ipprova dan: Fittex l-għajnuna mingħand tabib kwalifikat mill-iktar fis possibbli.

  • Ftakar li Alla jimpurtah minnek.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Ma jinbigħux ħames għasafar tal-bejt għal żewġ muniti taʼ valur żgħir? Madankollu lanqas wieħed minnhom m’hu minsi quddiem Alla. . . . Tibżgħux; intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.”—Luqa 12:6, 7.

     Xi jfisser dan: Inti prezzjuż għal Alla.

     Forsi tħossok waħdek, imma Alla jara dak li inti għaddej minnu. Hu jimpurtah minnek—anka jekk inti tlift it-tama li tgħix. “Qalb maqsuma u mgħaffġa, O Alla, int ma tistmerrhiex,” jgħid Salm 51:17. Alla jridek tgħix għax hu jħobbok.

     Ipprova dan: Eżamina evidenza mill-Bibbja li Alla jħobbok. Pereżempju, ara kapitlu 24 tal-ktieb Ersaq Qrib Lejn Ġeħova, ktieb li jgħinek tistudja l-Bibbja.

  • Itlob lil Alla.

     Dak li tgħid il-Bibbja: ‘Itfaʼ l-ansjetà kollha tiegħek fuq Alla, għax hu jimpurtah minnek.’—1 Pietru 5:7.

     Xi jfisser dan: Alla jistiednek biex b’mod sinċier tiftaħ qalbek miegħu u tgħidlu dak kollu li qed jinkwetak.

     Alla jistaʼ jagħtik kemm il-paċi ġewwinija kif ukoll is-saħħa biex tibqaʼ għaddej. (Filippin 4:6, 7, 13) B’dan il-mod, hu jsostni lil dawk li jsejħulu b’qalb sinċiera.—Salm 55:22.

     Ipprova dan: Itlob lil Alla llum. Uża ismu, Ġeħova, u għidlu dak li tħoss. (Salm 83:18) Itolbu biex jgħinek tkompli għaddej.

  • Immedita dwar it-tama tal-Bibbja għall-futur.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Din it-tama li għandna hi bħal ankra għal ruħna, żgura u soda.”—Ebrej 6:19.

     Xi jfisser dan: L-emozzjonijiet tiegħek jistgħu jinbidlu malajr u tħossok qisek vapur fil-maltemp, imma t-tama li nsibu fil-Bibbja tistaʼ tgħinek tkun iktar stabbli.

     Dik it-tama mhix sempliċiment ħolma, imma hija bbażata fuq il-wegħda t’Alla li se jneħħi dak li qed jikkawża t-tbatija tagħna.—Rivelazzjoni 21:4.

     Ipprova dan: Tgħallem iktar dwar it-tama tal-Bibbja billi taqra lezzjoni 5 tal-browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla!

  • Agħmel xi ħaġa li tieħu pjaċir tagħmel.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Qalb ferriħija tajba biex tfejjaq.”—Proverbji 17:22.

     Xi jfisser dan: Meta aħna nagħmlu l-affarijiet li jġibulna l-ferħ, aħna nistgħu ntejbu s-saħħa mentali jew is-saħħa emozzjonali tagħna.

     Ipprova dan: Agħmel xi ħaġa li normalment tieħu pjaċir tagħmilha. Pereżempju, ismaʼ mużika li tferrħek, aqra xi ħaġa inkuraġġanti, jew sib xi delizzju. Ukoll, meta tagħmel xi ħaġa biex tgħin lil oħrajn, anka xi ħaġa żgħira, inti se żżid il-ferħ tiegħek.—Atti 20:35.

  • Ħu ħsieb is-saħħa fiżika tiegħek.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “It-taħriġ tal-ġisem hu taʼ benefiċċju.”—1 Timotju 4:8.

     Xi jfisser dan: Aħna nibbenefikaw meta nagħmlu l-eżerċizzju, norqdu biżżejjed, u nieklu ikel bnin.

     Ipprova dan: Mur mixja mgħaġġla, imqar għal kwarta.

  • Ftakar li l-emozzjonijiet u affarijiet oħrajn fil-ħajja jinbidlu.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Ma tafux x’se jsir minnkom għada.”—Ġakbu 4:14.

     Xi jfisser dan: Problema li tinkwetak—anka waħda li ma tistax tikkontrollaha—tistaʼ tkun temporanja.

     Tidher kemm tidher kerha s-sitwazzjoni tiegħek illum, għada tistaʼ tinbidel. Għalhekk, fittex modi kif tkampa. (2 Korintin 4:8) Is-sitwazzjoni ħażina tiegħek aktarx li tinbidel mal-ħin, imma jekk tagħmel suwiċidju ma tistax terġaʼ lura.

     Ipprova dan: Aqra rakkonti mill-Bibbja dwar nies li tant ħassewhom skuraġġiti li xtaqu jmutu u ara kif eventwalment ħajjithom inbidlet għall-aħjar—spiss b’mod li lanqas biss kienu jimmaġinaw. Ikkunsidra xi eżempji.

 Issemmi l-Bibbja nies li xtaqu jmutu?

 Iva. Il-Bibbja tgħidilna dwar xi wħud li xtaqu jmutu. Alla ma rrabjax magħhom minħabba f’hekk, imma offrielhom l-għajnuna. Hu jistaʼ jagħmel l-istess miegħek.

Elija

  •   Min kien? Elija kien profeta kuraġġuż. Imma xi kultant, hu wkoll ħassu skuraġġit. “Elija kien raġel b’sentimenti bħal tagħna,” jgħid Ġakbu 5:17.

  •   Għala ried imut? Kien hemm żmien meta Elija ħassu waħdu, beżgħan, u ma jiswa għal xejn. Għalhekk hu talab bil-ħrara: “Ġeħova, ħudli ruħi.”—1 Slaten 19:4.

  •   X’għen lil Elija? Elija fetaħ qalbu m’Alla. Alla kif inkuraġġieh? Alla kien konċernat dwaru u wrieh dan permezz tal-qawwa tiegħu. Hu assigura lil Elija li hu kien għadu bżonjuż u tah assistent li jifhmu u kapaċi.

  •   Aqra dwar Elija: 1 Slaten 19:2-18.

Ġob

  •   Min kien? Ġob kien raġel tal-familja sinjur li kien iqim lealment lill-Alla l-veru.

  •   Għala ried imut? Il-ħajja taʼ Ġob inqalbet taʼ taħt fuq. Hu tilef ġidu kollu. It-tfal kollha tiegħu mietu f’diżastru. Hu marad b’marda kiefra. U fl-aħħar, kien akkużat b’mod falz u bi krudeltà li dak kollu li kien ġralu kien kollu t-tort tiegħu. Ġob qal: “Nistkerrah ħajti; ma rridx inkompli ngħix.”—Ġob 7:16, nwt.

  •   X’għen lil Ġob? Ġob talab lil Alla u tkellem maʼ oħrajn. (Ġob 10:1-3) Hu kien inkuraġġit minn ħabib li għadru, Eliħu, u li għenu biex jara s-sitwazzjoni tiegħu b’mod ieħor. Fuq kollox, Ġob aċċetta l-pariri u l-għajnuna t’Alla.

  •   Aqra dwar Ġob: Ġob 1:1-3, 13-22; 2:7; 3:1-13; 36:1-7; 38:1-3; 42:1, 2, 10-13.

Mosè

  •   Min kien? Mosè kien mexxej taʼ Iżrael tal-qedem u profeta leali.

  •   Għala ried imut? Mosè kellu ħafna responsabbiltajiet, kien jiġi kritikat il-ħin kollu, u ħassu għajjien fiżikament u mentalment. Għalhekk lil Alla talbu: “Jekk jogħġbok, oqtolni.”—Numri 11:11, 15.

  •   X’għen lil Mosè? Mosè qal lil Alla x’kien qed iħoss. Alla għen lil Mosè biex inaqqas mix-xogħol li kellu ħalli ma jibqax daqshekk stressat.

  •   Aqra dwar Mosè: Numri 11:4-6, 10-17.

a Jekk tibqaʼ thewden fuq li tagħmel suwiċidju u ma ssib lil ħadd min-nies li tafda, ċempel aġenzija lokali li jagħtu din l-għajnuna.