Il-verġni Marija—X’tgħid il-Bibbja dwarha?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja tgħid li Marija, omm Ġesù, kellha l-privileġġ uniku li twelled lil Ġesù waqt li kienet għadha verġni. Il-Bibbja bassret dan il-miraklu fil-ktieb taʼ Isaija u semmiet it-twettiq tiegħu fl-Evanġelji taʼ Mattew u Luqa.
F’waħda mill-profeziji dwar it-twelid tal-Messija, Isaija bassar: “Ara! It-tfajla toħroġ tqila, u tiled iben.” (Isaija 7:14) Taħt ispirazzjoni minn Alla, il-kittieb tal-Evanġelju Mattew applika l-profezija taʼ Isaija għat-tnissil taʼ Ġesù f’Marija. Wara li kiteb li Marija ħarġet tqila b’mod mirakoluż, Mattew żied jgħid: “Dan kollu fil-fatt ġara biex iseħħ dak li ntqal minn Ġeħova permezz tal-profeta tiegħu: ‘Ara! Il-verġni a toħroġ tqila u tiled iben, u jsemmuh Emmanuwel,’ isem li meta jiġi tradott ifisser ‘Magħna Hu Alla.’”—Mattew 1:22, 23.
Anki l-kittieb tal-Evanġelju Luqa kiteb dwar it-tqala mirakoluża taʼ Marija. Hu kiteb li Alla bagħat lill-anġlu Gabrijel “għand verġni mwiegħda fiż-żwieġ lil raġel li kien jismu Ġużeppi mid-dar taʼ David; u l-verġni kien jisimha Marija.” (Luqa 1:26, 27) Marija kkonfermat li hi kienet verġni. Wara li semgħet li hi kienet se ssir omm Ġesù, il-Messija, Marija staqsiet: “Kif jistaʼ jkun dan, ladarba mhux qed ikolli x’naqsam maʼ raġel?”—Luqa 1:34.
Kif jistaʼ jkun li verġni welldet tarbija?
Marija ħarġet tqila permezz tal-ispirtu qaddis, li hu l-qawwa t’Alla fl-azzjoni. (Mattew 1:18) Lil Marija ntqalilha: “L-ispirtu qaddis jiġi fuqek, u l-qawwa mingħand l-Iktar Għoli tgħattik bid-dell tagħha. Għal din ir-raġuni wkoll dak li jitwieled jissejjaħ qaddis, Bin Alla.” b (Luqa 1:35) Alla b’mod mirakoluż ittrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu fil-ġuf taʼ Marija, u b’hekk hi nisslet iben.
X’kien l-iskop li verġni twelled tarbija?
Alla uża verġni biex twelled lil Ġesù sabiex Ġesù jkollu ġisem uman perfett, u b’hekk ikun jistaʼ jsalva l-bnedmin mid-dnub u l-mewt. (Ġwanni 3:16; Ebrej 10:5) Alla ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ġesù fil-ġuf taʼ Marija. Wara dan, evidentement l-ispirtu qaddis t’Alla pproteġa lill-embriju li kien qed jiżviluppa minn kwalunkwe imperfezzjoni.—Luqa 1:35.
Għaldaqstant, Ġesù twieled bniedem perfett, ekwivalenti għal dak li kien Adam qabel ma dineb. Dwar Ġesù, il-Bibbja tgħid: “Hu m’għamel ebda dnub.” (1 Pietru 2:22) Bħala raġel perfett, Ġesù setaʼ jħallas il-fidwa biex jifdi lill-bnedmin mid-dnub u l-mewt.—1 Korintin 15:21, 22; 1 Timotju 2:5, 6.
Marija baqgħet verġni?
Il-Bibbja ma tgħallimx li Marija baqgħet verġni għomorha kollu. Minflok, il-Bibbja turi li Marija kellha iktar tfal.—Mattew 12:46; Marku 6:3; Luqa 2:7; Ġwanni 7:5.
Kienet Marija meħlusa mid-dnub li jintiret mill-mument li ġiet imnissla?
Le, imma xi reliġjonijiet isostnu li hi kienet. Pereżempju, skont in-New Catholic Encyclopedia, id-duttrina tal-Immakulata Kunċizzjoni “hi t-twemmin li l-Verġni Marija kienet meħlusa mid-DNUB ORIĠINALI sa mill-bidu nett taʼ ħajjitha, jiġifieri mit-tnissil tagħha. Il-bqija tal-bnedmin jirtu d-dnub tan-nisel . . . Imma Marija, bi GRAZZJA unika, twieldet mingħajr it-tebgħa tad-dnub oriġinali.” c
B’kuntrast, imkien ma nsibu fil-Bibbja li Marija kienet meħlusa mid-dnub oriġinali. (Salm 51:5; Rumani 5:12) Infatti, Marija tat evidenza li kienet midinba meta ppreżentat sagrifiċċju li jpatti għad-dnub li kienet titlob il-Liġi Mosajka mill-ommijiet. (Levitiku 12:2-8; Luqa 2:21-24) In-New Catholic Encyclopedia tgħid: “L-Immakulata Kunċizzjoni mhijiex mgħallma b’mod espliċitu fl-Iskrittura . . . Dan hu tagħlim tal-Knisja.”
Kif għandna nqisu lil Marija?
Marija ħalliet eżempju mill-aħjar fil-fidi, fl-ubbidjenza, fl-umiltà, u fl-imħabba kbira għal Alla. Hi fost dawk l-uħud leali li taʼ min jimitahom.—Ebrej 6:12.
Madankollu, minkejja l-irwol uniku bħala omm Ġesù, il-Bibbja ma tgħallimx li għandna nqimu lil Marija jew li għandna nitolbu lilha. Ġesù m’għażilx lil ommu għal xi unur speċjali, u lanqas qal lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dan. Infatti, Marija tissemma biss fir-rakkonti tal-Evanġelji u darba fil-ktieb tal-Atti, hi ma tissemmiex fit-22 ktieb taʼ wara tal-hekk imsejjaħ it-Testment il-Ġdid.—Atti 1:14.
L-Iskrittura ma tagħti ebda evidenza li Marija ngħatat xi attenzjoni speċjali, aħseb u ara kemm ingħatat qima mill-Kristjani tal-ewwel seklu. Minflok, il-Bibbja tgħallem lill-Kristjani biex iqimu biss lil Alla.—Mattew 4:10.
a Il-kelma Ebrajka tradotta “tfajla” fil-profezija taʼ Isaija hi ʽal·mahʹ, li tistaʼ tirreferi kemm għal tfajla li hi verġni u kemm għal tfajla li mhijiex. Madankollu, taħt ispirazzjoni divina, Mattew uża l-kelma Griega iktar speċifika par·theʹnos, li tfisser “verġni.”
b Xi wħud joġġezzjonaw għall-użu tal-espressjoni “Bin Alla,” għax jemmnu li dan jindika li Alla kellu relazzjonijiet sesswali maʼ mara. Madankollu, din l-idea mhijiex fl-Iskrittura. Minflok, il-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “Bin Alla,” u “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu” għax hu kien l-ewwel u l-uniku wieħed li ġie maħluq direttament minn Alla. (Kolossin 1:13-15) Il-Bibbja anki għall-ewwel raġel, Adam, tirreferi għalih bħala “bin Alla.” (Luqa 3:38) Dan għax Adam ġie maħluq minn Alla.
c Second Edition, Volume 7, paġna 331.