Hija magħżula diġà d-data tal-mewt tagħna?
It-tweġiba tal-Bibbja
Le, mhijiex magħżula, jew predestinata, id-data tal-mewt tagħna. Minflok ma tappoġġa t-twemmin fid-destin, il-Bibbja tgħid li l-mewt taʼ spiss tiġi minħabba “ġrajjiet mhux mistennijin.”—Ekkleżjasti 9:11.
Il-Bibbja ma tgħidx li hemm “żmien li tmut”?
Iva, Ekkleżjasti 3:2 jgħid li hemm “żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel.” (Għaqda Biblika Maltija) Madankollu, il-kuntest taʼ dan il-vers juri li l-Bibbja qed tiddiskuti ġrajjiet kontinwi li huma komuni fil-ħajja. (Ekkleżjasti 3:1-8) Alla ma ddeċidiex minn qabel xi ħin speċifiku meta għandna mmutu, l-istess kif ma jisforzax bidwi biex jiżraʼ f’xi ħin partikulari. Minflok, il-punt hu biex nevitaw li nkunu tant preokkupati b’affarijiet t’inqas importanza li nispiċċaw nittraskuraw il-Ħallieq tagħna.—Ekkleżjasti 3:11; 12:1, 13.
Il-ħajja tistaʼ tiġi mtawla
Minkejja l-inċertezzi tal-ħajja, ħafna drabi nistgħu ntawlu ħajjitna jekk nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin. Il-Bibbja tgħid: “Il-liġi taʼ l-għaref hija sors taʼ ħajja, biex tbiegħed lil dak li jkun min-nases tal-mewt.” (Proverbji 13:14) Bl-istess mod, Mosè qal lill-Iżraelin li huma jistgħu ‘jtawlu jiemhom’ jekk jobdu l-kmandamenti t’Alla. (Dewteronomju 6:2) B’kuntrast, aħna nistgħu bi traskuraġni nqassru l-ħajja tagħna permezz taʼ deċiżjonijiet ħżiena jew banali.—Ekkleżjasti 7:17.
Però, inkunu kemm inkunu għaqlin, ma nistgħux naħarbu l-mewt. (Rumani 5:12) Madankollu, din is-sitwazzjoni se tinbidel, għaliex il-Bibbja twiegħed żmien fejn “ma jkunx hemm iżjed mewt.”—Rivelazzjoni 21:4.