IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Il-manjieri tajbin—Huma verament importanti?
‘In-nies lili ma jiftħulix il-bieb; allura għax għandi niftaħhulhom jien?’
‘M’għandix affarijiet iktar importanti dwar xiex inħabbel rasi milli noqgħod ngħid “jekk jogħġbok,” “grazzi,” u “skużani”?’
‘M’għandix għalfejn nuri manjieri tajbin maʼ ħuti. Aħna mhux familja?’
Int ġieli għedt xi ħaġa simili? Jekk iva, jistaʼ jkun li m’intix tgawdi l-benefiċċji taʼ li turi manjieri tajbin!
Dak li għandek tkun taf dwar il-manjieri tajbin
Il-manjieri tajbin jistgħu jtejbu dawn it-tliet aspetti f’ħajtek:
Ir-reputazzjoni tiegħek. Il-mod kif tittratta lin-nies iħalli impressjoni, jew għat-tajjeb jew għall-ħażin. Jekk turi manjieri tajbin, in-nies x’aktarx li se jqisuk bħala persuna matura u responsabbli—u mbagħad jittrattawk bħala tali persuna! Però, jekk tkun maledukat, in-nies se jaħsbu li int jimpurtak biss minnek innifsek, u tistaʼ tispiċċa ma ssibx xogħol jew titlef opportunitajiet oħrajn. Bħalma tgħid il-Bibbja, “bniedem kattiv iġiegħel lil ġismu stess jiġi mwarrab.”—Proverbji 11:17.
Il-ħbieb tiegħek. Il-Bibbja tgħid: “Ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14) Dan żgur li hu minnu f’dik li hi ħbiberija. In-nies jinġibdu lejn dawk li juru manjieri tajbin u li jittrattawhom sew. Wara kollox, min se jkun irid ikun fil-kumpanija taʼ xi ħadd li hu pastaż jew qżież?
Il-mod kif in-nies jittrattawk. Żagħżugħa jisimha Jennifer tgħid, “Jekk dejjem tkun edukat, maż-żmien tistaʼ tara titjieb fil-mod kif tiġi trattat saħansitra min-nies li s-soltu ma jurux manjieri tajbin.” M’għandniex xi ngħidu, jekk tkun pastaż, jistaʼ jiġri l-kontra. Il-Bibbja tgħid: “Bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom.”—Mattew 7:2.
Il-konklużjoni: Kuljum niġu f’kuntatt maʼ nies oħrajn. Għalhekk, il-mod kif iġġib ruħek jistaʼ jeffettwa kif in-nies iħarsu lejk u jittrattawk. Fi ftit kliem, il-manjieri tiegħek huma verament importanti!
Kif titjieb
Eżamina l-manjieri tiegħek. Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Nitkellem b’rispett mal-adulti? Kemm-il darba ngħid “jekk jogħġbok,” “grazzi,” jew “skużani”? Niġi aljenat meta nkun qed inkellem lil oħrajn—forsi billi naqra u nibgħat il-messaġġi? Lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti nittrattahom b’rispett, jew niħodhom for granted sempliċement għax huma “tal-familja”?’
Il-Bibbja tgħid: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.”—Rumani 12:10.
Agħmel miri. Ikteb tliet affarijiet li tistaʼ titjieb fihom. Pereżempju, Allison, li għandha 15-il sena, tgħid li għandha bżonn tkun persuna li “taf tismaʼ minflok li taf titkellem.” David, li għandu 19-il sena, jgħid li għandu bżonn jaħdem fuq li ma jibgħatx messaġġi waqt li jkun mal-familja jew il-ħbieb. “Hu nuqqas taʼ rispett,” jgħid hu. “Inkun bħallikieku qed ngħidilhom li nippreferi nkellem lil xi ħadd ieħor milli lilhom.” Edward, li għandu 17-il sena, jgħid li hu għandu bżonn jitgħallem ma jaqbiżx fin-nofs meta jkun qed jitkellem ħaddieħor. U Jennifer, li ssemmiet qabel, iddeċidiet li taħdem fuq kif turi manjieri tajbin maʼ wħud imdaħħlin fiż-żmien. “Jien kont ngħidilhom ‘hello’ taʼ malajr u mbagħad inġib skuża biex immur ħdejn sħabi li huma tampari,” tgħid hi. “Imma veru għamilt sforz biex insir nafhom. Dan għenni ntejjeb ħafna l-manjieri tiegħi!”
Il-Bibbja tgħid: “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Filippin 2:4.
Ara kif int sejjer. Għal xahar, innota kif titkellem jew taġixxi f’dawk l-aspetti li fihom int trid titjieb. Fl-aħħar tax-xahar, staqsi lilek innifsek: ‘Il-fatt li wrejt manjieri tajbin kif għenni nkun persuna aħjar? F’liema aspetti għad hemm il-bżonn li nitjieb?’ Agħmel miri ġodda skont il-bżonn.
Il-Bibbja tgħid: “Bħalma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-istess lilhom.”—Luqa 6:31.