IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Għala m’għandix ħbieb?
Qiegħed onlajn tara r-ritratti taʼ party li sar reċenti. Ħbiebek kollha qegħdin hemm u tgħidx kemm qed jieħdu pjaċir! Imma hemm xi ħaġa nieqsa. Anzi, hemm xi ħadd nieqes—int!
‘Kif ħadd ma stidinni lili?ʼ titħasseb int.
Tieħu għalik u tħossok tradut! Qisu r-relazzjoni tiegħek magħhom tisfaxxa fix-xejn, bħallikieku bnejt torri bil-karti tal-logħob u f’daqqa waħda jaqaʼ kollox. Tħossok imwarrab għall-aħħar, u tgħid bejnek u bejn ruħek: ‘Għala m’għandix ħbieb?’
Kwizz dwar is-solitudni
Veru jew falz
Jekk għandek ħafna ħbieb, int qatt ma se tħossok waħdek.
Jekk tibda tuża netwerk soċjali, int qatt ma se tħossok waħdek.
Jekk tibgħat ħafna messaġġi, int qatt ma se tħossok waħdek.
Jekk tagħmel affarijiet għal oħrajn, int qatt ma se tħossok waħdek.
It-tweġiba għal dawk l-erbaʼ stqarrijiet hi: falz.
Għala?
Fatti dwar il-ħbiberija u s-solitudni
Li jkollok ħafna ħbieb ma jfissirx li qatt m’inti se tħossok waħdek.
“Jien jimpurtani minn ħbiebi, imma kultant naħseb li huma ma tantx jimpurtahom minni. Meta tkun imdawwar bi ħbieb li jidhru li ma jħobbukx jew m’għandhomx bżonnok, tistaʼ verament tħossok waħdek.”—Anne.
Li tibda tuża netwerk soċjali ma jfissirx li qatt m’inti se tħossok waħdek.
“Xi nies iġemmgħu l-ħbieb bl-istess mod kif oħrajn iġemmgħu l-figurini. Imma kamra mimlija b’figurini qatt m’għamlet lil xi ħadd iħossu maħbub. Anka jekk għandek ruxxmata ħbieb fuq netwerk soċjali, jekk ma jkollokx relazzjoni siewja magħhom ikun kollu għalxejn, bħalma huma l-figurini bla ħajja.”—Elaine.
Li tibgħat ħafna messaġġi ma jfissirx li qatt m’inti se tħossok waħdek.
“Xi kultant meta tħossok waħdek toqgħod il-ħin kollu tħares lejn il-mowbajl biex tara jekk xi ħadd mill-ħbieb tiegħek bagħatlekx xi messaġġ. U meta tinduna li ħadd ma ħaseb fik, dan se jġiegħlek tħossok agħar!”—Serena.
Li tagħmel affarijiet għal ħaddieħor ma jfissirx li qatt m’inti se tħossok waħdek.
“Jien dejjem nipprova nkun ġeneruż mal-ħbieb tiegħi, imma nnotajt li huma ma jittrattawnix bl-istess mod. Ma jiddispjaċinix li kont ġeneruż magħhom, imma naraha ftit stramba li huma qatt ma wrew l-istess qalb tajba miegħi.”—Richard.
Il-konklużjoni: Jekk toqgħod taħseb, is-solitudni qiegħda fil-moħħ. “Din tiġi minn ġewwa l-persuna u mhix ikkaġunata minn ħaddieħor,” tgħid mara żagħżugħa li jisimha Jeanette.
X’tistaʼ tagħmel jekk tħoss li m’għandekx ħbieb u tħossok waħdek?
Kif tistaʼ tegħleb din il-problema?
Aħdem biex tikseb il-kunfidenza fik innifsek.
“Is-solitudni tistaʼ tirriżulta minn stima baxxa tiegħek innifsek. Meta tħoss li ma jistħoqqlokx li ħaddieħor jinteressah fik, ikun diffiċli biex tiftaħ qalbek u tagħmel ħbieb.”—Jeanette.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Galatin 5:14) Sabiex ikollna ħbiberiji b’saħħithom, irid ikollna xi ftit taʼ stima lejna nfusna—ovvjament, mingħajr ma din tinbidel fi kburija.—Galatin 6:3, 4.3.
Evita li titħassar lilek innifsek.
“Is-solitudni hi bħal ramel li jċedi malajr meta tgħaddi minn fuqu. Iktar ma tibqaʼ tipprova tissara biex toħroġ minnu, iktar tinżel fil-fond. Bl-istess mod, iktar ma titħassar lilek innifsek, iktar in-nies ma jkunux iridu joqogħdu miegħek. Għalhekk, tibda tħossok iktar u iktar waħdek.”—Erin.
Dak li tgħid il-Bibbja: “L-imħabba . . . ma tfittixx l-interessi tagħha.” (1 Korintin 13:4, 5) Il-fatt hu li meta niffokaw iżżejjed fuqna nfusna, ma nibqgħux nuru daqstant mogħdrija lejn ħaddieħor, u għalhekk hemm inqas ċans li l-ħbieb jinġibdu lejna. (2 Korintin 12:15) Ħa ngħiduha kif inhi: Meta s-suċċess tiegħek jiddependi minn dak li jagħmel ħaddieħor, ma tantx għandek ċans li tirnexxi! Fir-realtà, meta tgħid kliem bħal “Ħadd qatt ma jċempilli” u “Ħadd qatt ma jistidinni,” tkun qed tħalli lil ħaddieħor iħoll u jorbot il-ferħ tiegħek. Jekk tagħmel hekk, ma tkunx int qed tħallihom jikkontrollawlek ħajtek iżżejjed?
Tkunx kuntent bi kwalunkwe persuna bħala l-ħabib tiegħek.
“Dawk l-uħud li jħossuhom waħedhom ikunu jridu l-attenzjoni u huma jistgħu jaslu sal-punt li ma jagħtux kas minn fejn tiġi din l-attenzjoni. Kulma jridu hu li jħossuhom milqugħin. Imma xi nies se jġegħluk tħossok milqugħ u wara jieħdu vantaġġ minnek. Imbagħad int se tħossok iktar waħdek minn qatt qabel.”—Brianne.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Min qed jimxi maʼ l-għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-istupidi se jaħbatlu ħażin.” (Proverbji 13:20) Persuna li tkun mejta bil-ġuħ se tiekol kważi kulma ssib. Bl-istess mod, in-nies li huma neqsin mill-ħbieb jistgħu jispiċċaw jagħmlu ħbieb li mhumiex tajbin. Jistgħu faċilment isiru l-mira taʼ dawk li lesti li jieħdu vantaġġ minnhom billi jġegħluhom jaħsbu li relazzjonijiet bħal dawn huma normali, u m’għandhomx jistennew xi ħaġ’aħjar.
Il-konklużjoni: Kultant, kulħadd iħossu waħdu; imma xi nies iħossuhom iktar waħedhom minn oħrajn. U waqt li s-solitudni tistaʼ tkun sentiment ikrah, fl-aħħar mill-aħħar din hi biss—sentiment. Spiss, il-ħsibijiet tagħna jeffettwaw kif inħossuna, u aħna nistgħu nikkontrollaw il-ħsibijiet tagħna. Għalhekk, sa ċertu punt nistgħu nikkontrollaw ukoll kif inħossuna.
Ukoll, kun realistiku minn dak li tistenna minn ħaddieħor. Jeanette li kkwotajna qabel, tgħid: “Mhux kull persuna se tkun l-ikbar ħabiba tiegħek għal dejjem, imma se ssib nies li jimpurtahom minnek, u dan hu biżżejjed. Dan il-ħsieb se jgħinek biex ma tħossokx waħdek.”
Għandek bżonn iktar għajnuna? Aqra “ Kif tegħleb il-biżaʼ li jżommok lura milli tagħmel ħbieb?” Ukoll, niżżel il-PDF “Dak li tistaʼ tagħmel meta tħossok waħdek.”