IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Kif nistaʼ ningwalaha mal-ġenituri tiegħi?
Kwizz
Maʼ liema ġenitur x’aktarx li se targumenta?
Missieri
Ommi
Kemm-il darba jkollok xi tgħid maʼ dan il-ġenitur?
Rari
Xi kultant
Spiss
In-nuqqas taʼ qbil tagħkom kemm ikun serju?
Jitranġa malajr u bil-kwiet.
Jitranġa imma biss wara ħafna argumenti.
Ma jitranġax—lanqas wara ħafna argumenti.
Jekk donnok ma tistax tingwalaha mal-ġenituri tiegħek, għandek mnejn taħseb li huma għandhom jagħmlu xi ħaġa biex itejbu s-sitwazzjoni. Madankollu, kif se naraw, hemm passi li int tistaʼ tieħu biex tnaqqas in-nuqqas taʼ qbil u biex ma jkunx daqshekk serju. L-ewwel, ikkunsidra . . .
Għala jkun hemm nuqqas taʼ qbil
L-abbiltà tal-ħsieb. Hekk kif tikber, int se tibda taħseb iktar fil-fond minn meta kont għadek tifel. Int jibda jkollok ukoll opinjonijiet sodi—li ftit minnhom forsi ma jaqblux maʼ dawk tal-ġenituri tiegħek. Minkejja dan, il-Bibbja tgħid: “Onora lil missierek u lil ommok.”—Eżodu 20:12.
Fatt tal-ħajja: Hemm bżonn il-maturità u t-tattika biex meta ma taqbilx maʼ xi ħaġa ma targumentax.
L-indipendenza. Hekk kif timmatura, x’aktarx li l-ġenituri tiegħek se jagħtuk iktar libertà. Imma l-problema tistaʼ tkun li ma tingħatax libertà daqskemm tixtieq jew malajr kemm tkun tridha int—u dan jistaʼ jwassal għal nuqqas taʼ qbil. Minkejja dan, il-Bibbja tgħid: “Obdu lill-ġenituri tagħkom.”—Efesin 6:1.
Fatt tal-ħajja: Ħafna drabi, kemm tingħata libertà mill-ġenituri tiegħek jiddependi minn kif diġà tuża l-libertà li għandek.
Dak li tistaʼ tagħmel
Iffoka fuq l-irwol tiegħek. Minflok ma tagħti t-tort kollu lill-ġenituri tiegħek meta ma taqblux, aħseb dwar dak li tistaʼ tagħmel int biex ikun hemm il-paċi. “Ħafna drabi mhuwiex dak li jgħidu l-ġenituri li jkabbar l-argument imma l-mod kif int twiġibhom lura,” jgħid żagħżugħ jismu Jeffrey. “Li titkellem bil-kalma se jgħin ħafna biex jitranġaw l-affarijiet.”
Il-Bibbja tgħid: ‘Sakemm jiddependi minnek, żomm il-paċi.’—Rumani 12:18.
Agħti widen. “Din il-ħaġa nsibha diffiċli ħafna biex nagħmilha,” tammetti Samantha li għandha 17-il sena. “Imma rrealizzajt li meta l-ġenituri jaraw li qed tagħtihom widen hemm iktar ċans li mbagħad huma joqogħdu jisimgħu lilek.”
Il-Bibbja tgħid: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’—Ġakbu 1:19.
Aħseb bħalma jaħsbu f’team. Iffaċċja l-problema bħalma kieku tagħmel waqt li tkun f’xi logħba, bħal logħba tenis. Poġġi l-kwistjoni—u mhux lill-ġenituri tiegħek—in-naħa l-oħra tax-xibka. “F’argument, il-ġenituri jkunu jridu dak li jaħsbu li hu l-aħjar għat-tifel tagħhom, u t-tifel ikun irid dak li jaħseb li hu l-aħjar għalih,” jgħid żagħżugħ jismu Adam. “Allura, suppost, huma qed jaħdmu għall-istess għan.”
Il-Bibbja tgħid: ‘Iġri wara l-affarijiet li jġibu l-paċi.’—Rumani 14:19.
Ipprova ifhem. “Insibha t’għajnuna li niftakar li l-ġenituri jkollhom jiffaċċjaw il-problemi tagħhom ukoll, li spiss ikunu diffiċli daqs tagħna,” tgħid żagħżugħa jisimha Sarah. Tfajla jisimha Carla saħansitra tgħid: “Jien nipprova npoġġi lili nnifsi fiż-żarbun tal-ġenituri tiegħi.” Hi żżid tgħid: “X’kont nagħmel jien kieku kont qed inrabbi t-tfal u niffaċċja l-istess sitwazzjoni? Xi jkun l-aħjar għat-tfal tiegħi?”
Il-Bibbja tgħid: ‘Tfittixx l-interessi persunali tiegħek biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Filippin 2:4.
Obdi. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Bibbja hekk tgħidlek li għandek tagħmel. (Kolossin 3:20) U l-affarijiet ħa jkunu ħafna eħfef meta tagħmel li jgħidulek. “Ikolli inqas stress f’ħajti meta naqbad u nagħmel dak li jgħiduli l-ġenituri tiegħi,” tgħid żagħżugħa jisimha Karen. “Diġà għamlu ħafna sagrifiċċji għalija, allura din mhix ħaġa kbira biex nagħmilha.” Li tobdi hi l-aħjar soluzzjoni għan-nuqqas taʼ qbil!
Il-Bibbja tgħid: “Fejn m’hemmx ħatab in-nar jintefa.”—Proverbji 26:20.
Suġġeriment. Jekk issibha diffiċli biex tikkomunika, ipprova ikteb il-ħsibijiet tiegħek f’ittra jew messaġġ. “Jien nagħmel hekk meta ma tantx inkun f’burdata tajba u ma jkollix aptit nitkellem,” tgħid żagħżugħa jisimha Alyssa. “Dan jgħinni nesprimi dak li jkun hemm f’qalbi mingħajr ma ngħajjat jew ngħid xi ħaġa li wara jiddispjaċini.”