IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Kif Nista’ Ma Nibqax Nitnikker?
Xbajt dejjem tħalli x-xogħol u l-ħowmwerk għall-aħħar? Għandek bżonn tieqaf titnikker! Dan l-artiklu se jgħinek f’dan, anke meta:
Wara li taqra dan l-artiklu, agħmel il- kwizz dwar it-tnikkir.
Il-Bibbja tiddeskrivi l-konsegwenza tat-tnikkir. Din tgħid: “Min joqgħod għassa tar-riħ ma jiżrax; u min joqgħod iħares lejn is-sħab ma jaħsadx.”—Ekkleżjasti 11:4.
Ikkunsidra xi fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għall-problema u x’tistaʼ tagħmel int biex ma tibqax titnikker.
Il-biċċa xogħol tkun tidher impossibbli.
Ejja ngħiduha kif inhi—kultant biċċa xogħol tant tkun tidher kbira li jkun iktar faċli tħalliha għal imbagħad. Dawn huma xi suġġerimenti aħjar:
Aqsam il-proġett f’passi żgħar. Tfajla jisimha Melissa tgħid: “Anke jekk inkun naf li qiegħda lura ħafna, nipprova nlaħħaq billi nagħmel kollox ħaġa ħaġa.”
Titlifx ħin. “Ibda malli tingħata xi biċċa xogħol, anke jekk dan sempliċement ikun ifisser li żżidha mal-lista t’affarijiet li trid tagħmel jew li tikteb ftit ideat kif ikunu għadhom friski f’moħħok.”—Vera.
Itlob l-għajnuna. Il-ġenituri u l-għalliema tiegħek x’aktarx li ffaċċjaw sfida simili. Għala ma tibbenefikax mill-esperjenza tagħhom? Jistgħu jgħinuk torganizza l-ħsibijiet tiegħek u tfassal pjan.
Suġġeriment “Agħmel skeda. Veru, dan ifisser li trid tkun organizzat u determinat li ssegwiha, imma hi utli—tgħinek tagħmel kulma jkollok bżonn tagħmel.”—Abbey.
Ma jkollokx aptit.
Spiss, ix-xogħol li jkollok ikun jinvolvi affarijiet li jdejquk l-aktar. Allura x’tistaʼ tagħmel jekk il-proġett li għandek ma jħajrek xejn affattu? Ipprova dan li ġej.
Aħseb dwar raġuni waħda għala jkun tajjeb li tagħmlu kmieni. Pereżempju, aħseb dwar kemm se tħossok tajjeb la jkun lest. Tfajla jisimha Amy tgħid: “Kemm nieħu pjaċir u nħossni tajba meta nlesti xi ħaġa fil-ħin jew meta nkun bil-quddiem u fl-aħħar inkun nistaʼ nirrilassa.”
Fakkar lilek innifsek fil-konsegwenzi. Meta taqaʼ lura fix-xogħol iżżid mal-istress li diġà jkollok u tnaqqas iċ-ċans li tirnexxi. Il-Bibbja tgħid: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.”—Galatin 6:7, Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija, It-Tieni Edizzjoni.
Kun determinat li tlesti x-xogħol minn qabel. “Insibha t’għajnuna li nimmaġina li x-xogħol irid ikun lest ġurnata jew tnejn qabel ma attwalment għandu jkun lest,” tgħid tfajla jisimha Alicia. “Imbagħad inkun nistaʼ nerġaʼ nduru u jkolli ġurnata jew tnejn żejda biex nagħmel dan.”
Suġġeriment “Trid iddaħħalha f’moħħok li tkun motivat. Għid lilek innifsek li se tagħmel dak li hemm bżonn isir u li xejn mhu se jwaqqfek milli tagħmlu. Meta nagħmel hekk, nagħmel dak li hemm bżonn isir.”—Alexis.
Diġà jkollok ħafna x’tagħmel.
Ġuvni jismu Nathan jgħid: “In-nies spiss jgħiduli kemm nitnikker imma dan mhux sew! Ma jafux kemm ikolli x’nagħmel!” Jekk tħossok bħal Nathan, ipprova dawn is-suġġerimenti:
Ibda b’dak li hu iktar faċli. “Xi ħadd darba għallimni li jekk biċċa xogħol tiħodlok inqas minn ħames minuti, għandek tagħmilha mill-ewwel,” tgħid tfajla jisimha Amber. “Dan jinkludi affarijiet bħal li tnaddaf, iddendel il-ħwejjeġ, taħsel il-platti, u tagħmel xi telefonata.”
Agħmel il-prijoritajiet. Il-Bibbja tgħid: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’ (Filippin 1:10) Kif tistaʼ tapplika dan fil-ħajja taʼ kuljum tiegħek? “Inżomm lista tal-ħowmwerk kollu li jkolli u nieħu nota taʼ meta jrid ikun lest,” tgħid żagħżugħa jisimha Anna. “Imma iktar importanti minn hekk, nieħu nota taʼ meta nkun beħsiebni nibda naħdem u nlesti kull proġett.”
Taħseb li dan jidher restrittiv? Jekk iva, tajjeb li terġaʼ taħsibha! Il-verità hi li meta jkollok skeda, int tikkontrolla l-ħin tiegħek minflok ma tħalli l-ħin jikkontrollak. U dan inaqqas l-istress. Tfajla jisimha Kelly tgħid: “Meta jkolli pjan inħossni kalma u nkun nistaʼ nara l-affarijiet kif tassew huma.”
Tħalli xejn itellfek. Jennifer tgħid: “Meta nkun se nibda proġett, ngħid lil kulħadd fid-dar. Jekk ikun hemm xi ħaġa li jriduni nagħmel, nitlobhom jgħiduli qabel ma nibda. Ukoll, nagħmel il-mowbajl silent.”
Suġġeriment “Dak li suppost qed tagħmel mhux se jisparixxi jekk tinjorah. Minflok ma tibqaʼ tinkwieta dwaru, aqbad u agħmlu. Jekk tagħmel hekk, tkun tistaʼ tirrilassa għall-kumplament tal-ġurnata.”—Jordan.